Minn nhar it-Tnejn 22 sal-Erbgħa 24 ta' April, l-aħwa Agostinjani tal-Provinċja Maltija ser jinġabru għall-Assemblea Provinċjali Intermedja fid-The Santa Rita Priory f'San Ġiljan. L-Assemblea hija mument li fih il-patrijiet jagħmlu evalwazzjoni tal-ħajja u l-ħidma tagħhom partikolarment fis-sentejn li għaddew u jiddiskutu l-l-isfidi ta’ llum u l-mixja 'l quddiem.

It-Tlitt ijiem tal-Assemblea jagħlqu permezz ta’ quddiesa nhar l-Erbgħa 24 ta’ April, Festa tal-Konverżjoni ta’ Santu Wistin fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fis-7.15pm.  Il-quddiesa hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jinagħqdu magħna f’dan il-mument u jroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li jagħmel mal-aħwa Agostinjani u permezz tagħhom fir-realtajiet li jservu. Wara l-quddiesa nieħdu xi ħaġa flimkien fil-kuridur tal-Kunvent.



Ħidma prestiġjuża akkademika ta’ kull sena fl-Istitut Agostinjan hu l-Annual Saint Augustine Lecture. Il-lecture twaqqaf mill-Professur P. Salvinu Caruana, Agostinjan, fl-1998 ġewwa l-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta fuq xewqa u interess kbir mill-mibki Professur Dun Peter Serracino Inglott, Rettur tal-istess Università. L-ewwel lecture jinżamm fl-Università ta’ Malta, u l-ieħor imbagħad jinżamm fl-Istitut Agostinjan. Is-suġġett għal din is-sena akkademika tal-Istitut Agostinjan kien dwar l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin ta' Ippona. Ġie mistieden sabiex jagħti ż-żewġ lectures tal-25 edizzjoni tal-Annual Saint Augustine Lecture (2024), Dr Kolawole Chabi, Agostinjan minn Benin, imma li issa ilu jgħix u jgħallem għal snin twal fl-Università Pontifiċja Augustinianum f’Ruma.

Il-lecture hu mniedi flimkien mal-Provinċja Agostinjana ta’ Malta, mal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, u mal-Fondazzjoni għall-Istudji fit-Teoloġija tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-ewwel lecture ta’ nhar il-Erbgħa, 20 ta’ Marzu 2024, fis-7.00pm, il-Professur Chabi għamlu fl-LT 2 (Francis Ebejer Hall) tal-Università ta’ Malta, dwar The Concept confessio/confiteri and its Use in Augustine of Hippo’s Œuvre outside of The Confessions. Is-serata tmexxiet mir-Revdmu Mons. Professur Hector Scerri. Wara kien hemm riċeviment. L-għada, il-Professur Chabi ta lecture ieħor ta’ nhar il-Ħamis, 21 ta’ Marzu 2024 fis-6.30pm, fis-sala tal-Istitut Agostinjan, dwar Augustine, Doctor Gratiae, in The Confessions. Is-serata tmexxiet mir-Revdu P. Pierre Desira OSA, Ass. Dir. Istitut Agostinjan. Wara Wara kien hemm riċeviment. Il-lecture huwa aspett ieħor tas-sena akkademika ġewwa l-Istitut Agostinjan fil-kumpless ta’ S. Rita, S. Ġiljan.

Għal iktar tagħrif dwar is-sena akkademika 2025, ikteb lil P. Salvinu Caruana OSA PO Box 61 Msida PO MSD 1000; Kunvent S. Wistin, Triq l-Ifran, Il-Belt Valletta VLT 1452; jew ċempel fuq 7929 4177.

 


Nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu, l-aħwa agostinjani ltaqgħu f’The Santa Rita Priory f’San Ġiljan għal mument ta’ talb fi żmien ir-Randan bi preparazzjoni għall-Għid il-Kbir. Fr Ivan Scicluna ofm Cap mexxa riflessjoni fuq l-ilħna differenti li hemm f’kull wieħed minna. Wara mument qasir ta’ waqfa, l-aħwa inġabru għal adorazzjoni fis-skiet quddiem Ġesu’ Sagramentat u l-Barka Sagramentali.


Il-Provinċja Agostinjana flimkien mas-segretarjat Missjonijiet Agostinjani AMIGOS ser jiċċelebraw quddiesa ta’ radd il-Ħajr lil Alla f’għeluq it-30 sena mit-twaqqif tas-segretarjat fl-1994. Din il-quddiesa ser issir nhar is-Sibt 6 t’April fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Tolentino, Triq Lampuka, Ħal Tarxien fis-6.30pm.

Għal dawn l-aħħar 30 sena l-AMIGOS offra lil diversi żgħażagħ esperjenza missjunarja, il-Brażil, Możambik u l-Kenja. Din is-sena grupp ta’ 7 żgħażagħ flimkien ma’ Fr Mario Abela osa (direttur tas-segretarjat) qegħdin iħejju ruħhom biex jagħmlu ħidma missjunarja l-Możambik. Nkomplu nitolbu għalihom u ngħinuhom f’din il-ħidma li ser jagħmlu dan is-sajf permezz tad-donazzjonijiet tagħna.


PELLEGRINAĠĠ AGOSTINJAN

Mill-24 ta' Lulju sal-31 ta' Lulju, 2024

Inżuru postijiet b’rabta ma' Santu Wistin f'Milan u f'Pavia.

Filwaqt li nżuru wkoll Padova, Venezia, Treviso, Verona, Lake Como, Bergamo u aktar!

L-Erbgħa 24 ta’ Lulju 2024

Niltaqgħu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fl-10:15am biex naqbdu l-ajruplan tal-KM Malta Airlines KM624 li jitlaq lejn Milan fis-12:45pm. Mal-wasla tagħna nsibu l-coach tistenniena biex immorru lejn il-lukanda B&B Hotel Treviso ***, (jew simili) Treviso. Fi triqtna nieqfu għaċ-ċena (extra). Mal-wasla tagħna fil-lukanda, ikollna s-sistemazzjoni tal-kmamar u ħin liberu.

(Ċena mhux inkluża.)

 

Il-Ħamis 25 ta’ Lulju 2024

Wara l-breakfast, ikollna Full Day excursion għal Venezia, immorru flimkien bit-train (inkluż). Mal- wasla tagħna, nisimgħu l-Quddiesa u nżuru l-knisja ta’ Santa Marija ta’ Nazaret (magħrufa bħala Chiesa degli Scalzi). Wara, fost postijiet oħra naraw Pjazza San Marco u l-Palazzo Ducale, il-Ponte dei Sospiri, La Torre dell’Orologio, il-Ponte Rialto u aktar. Wara jkollna ħin liberu għal souvenir shopping. Ritorn lejn il-lukanda. (Pranzu u ċena mhux inklużi.)

 

Il-Ġimgħa 26 ta’ Lulju 2024

Wara l-breakfast, immorru full day excursion għal Padova, fejn inżuru l-Bażilka ta’ Sant’Antnin u l- qabar tiegħu, u nisimgħu l-Quddiesa. Ħin liberu għall-pranzu (extra). Wara l-pranzu nżuru ċ-ċentru tal-belt u jkollna ftit ħin liberu. Ritorn lejn il-lukanda fi Treviso. Qabel ma naslu l-lukanda nagħmlu waqfa għaċ-ċena, f’restaurant Agriturismo għal ikel tipiku Padovan. (Inkluż.)

 

Is-Sibt 27 ta’ Lulju 2024

Wara l-breakfast, nagħmlu check-out mil-lukanda u nibdew triqtna lejn Milan. Matul it-triq ikollna excursion għal Verona, fejn naraw, Anfiteatru ta’ Verona u d-dar ta’ Giulietta. Ħin liberu għal shopping/pranzu (extra). Wara l-pranzu nkomplu triqtna lejn Milan għal-lukanda B&B Hotel Aosta ***, jew simili. Sistemazzjoni tal-kmamar u ħin liberu. (Pranzu u ċena mhux inklużi.)

 

Il-Ħadd 28 ta’ Lulju 2024

Breakfast u full day excursion għal Pavia fejn inżuru l-Bażilika ta’ San Pietro in Ciel D’Oro fejn hemm il-fdalijiet ta’ Santu Wistin. Wara jkollna ftit free time għall-pranzu (extra). Wara immorru Certosa di Pavia – Monasteru sabiħ ħafna.  Ritorn lejn il-lukanda. (Pranzu u ċena mhux inklużi.)

 

It-Tnejn 29 ta’ Lulju 2024

Wara l-breakfast, għandna excursion għal Lake Como, fejn naraw il-Katidral ta’ Como, nagħmlu passiġġata ħdejn il-lake u nitilgħu bil-funikular għall-veduta meraviljuża tal-Lake Comou free time għall-pranzu (extra) u min irid jista’ jmur boat ride fuq il-lake (extra). Ritorn lejn il-lukanda u wara  ftit ħin ta’ mistrieħ immorru nduru Milan, fejn naraw id-Duomo, Gallerija Emmanuele, u t-Teatru  La Scala. Ħin liberu. (Pranzu u ċena mhux inklużi.)

 

It-Tlieta 30 ta’ Lulju 2024

Wara l-breakfast u l-Quddiesa, immorru full day excursion għal Sotto il Monte fejn inżuru d-dar tal-Papa Ġwanni XXIII. Wara mmorru Bergamo fejn nitilgħu bil-funicular Citta Alta u fejn naraw, fost postijiet oħra, l-famużi Piazza Vecchia, Cappella Colleoni u l-Battistero. Ritorn lejn il-lukanda u ħin liberu. (Pranzu u ċena mhux inklużi).

 

L-Erbgha 31 ta’ Lulju 2024

Breakfast u check-out mil-lukanda u mmorru half day excursion għal Museo del Cenacolo Vinciano, fejn naraw il-Mużew tal-Aħħar Ċena ta’ Leonardo Da Vinci, u nżuru wkoll il-Bażilika ta’ Sant Ambrogio. Wara nibqgħu sejrin lejn l-ajruport biex naqbdu l-ajruplan għal Malta li jitlaq fil-15:35 (3:35pm).

-----------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------

Prezz għal 7 t’iljieli / 8 t’ijiem sħaħ fuq bażi B&B u ikla waħda (Agriturismo 26/07/2024).

Prezz kull persuna:

Adulti - kamra trippla                                     Euro 1190

Adulti - kamra doppja                                     Euro 1230

Adulti - kamra singola                                     Euro 1450

Tfal taħt it-12-il sena sharing ma’ 2 adulti         Euro 1085

Mhux inkluż fil-prezz: Entraturi jew donazzjonijiet li jkun hemm bżonn fil-mument

Travel Insurance ta’ Gasan Mamo, inkluż l-Excess Waiver:

Up to 69 years          Basic - Euro 37

70 to 75 years             Basic - Euro 68

76 to 80 years             Basic - Euro 99

Il-prezz jinkludi 7 t’iljieli / 8 t’ijiem sħaħ f’lukanda bis-servizzi privati fuq bażi B&B; ikla waħda; it-titjiriet, taxxi kollha u l-fuel surcharges; City Tax, l-excursions kollha skont il-programm; servizz ta’ Tour / Group Leader u Direttur Spiritwali.

N.B. L-organizzaturi jirriservaw id-dritt li jbiddlu jew jikkanċellaw xi parti mill-programm minħabba xi ċirkustanzi li ma jkollhomx kontroll fuqhom.

L-organizzaturi ma jieħdux responsabbiltà, ta’ kwalunkwe ċirkustanza li tista’ tinqala’ minħabba l-Covid-19  jew diżastri oħra nazzjonali, kemm f’Malta jew fil-pajjiżi li nkunu qed inżuru, li ma jkollhomx kontroll fuqhom.

Għal aktar dettalji tistgħu tkellmu lil Gwen Mousu’ fuq: 99062808 jew lil Fr Franco Grech OSA fuq: 99244640.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.