Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Lulju għal ħabta tas-7pm l-aħwa Agostinjani iltaqgħu flimkien għal mument ta’ talb fil-kappella Bellesini fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pietà u wara komplew jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin billi kielu flimkien fil-kunvent San Tumas minn Villanova f’Tal-Pietà. Kien mument fratern sabiħ għal dawk kollha li kienu preżenti.



Matul is-sajf isiru diversi attivitajiet maż-żgħażagħ bħal live-ins, BBQs, mumenti ta’ talb u esperjenzi oħrajn li jkomplu jgħinu liż-żgħażagħ fil-mixja tal-ħajja tagħhom. Daniel Bajada, wieħed miż-żgħażagħ qasam l-esperjenza tiegħu tal-live-in li kien organizzat fil-bidu ta’ Lulju:

 Il-Ħadd 2 ta’ Lulju, flimkien ma’ sħabi, Fr Terence, Fr Leslie u Fr Mario irħejnilha lejn Għawdex. Qattajna 3 ijiem flimkien fil-kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat. Kull ġurnata kienet mimlija attivitajiet varji fejn għenuna nsiru nafu aktar lil xulxin, bħal ħrug lejn iċ-Ċittadella, Ta’ Pinu kif ukoll il-baħar fejn lgħabna u komplejna nieħdu gost flimkien. Apparti l- ħruġ, xi ħaġa li veru apprezzajt u li ħalliet impatt fuqi huma l-ħinijet ta’ riflessjoni u ta’ talb li qattajna flimkien. Tghidx kemm dħaqna ukoll waqt xi attivitajiet ta’ teamwork.  Dawn komplew għaqqduna flimkien, speċjalment fl-attivita li kellna dik li nibnu torri bil-karti mingħajr ma stajna nikkomunikaw verbalment.

Kif konna flimkien iċċelebrajna wkoll l-għaxar snin ta’ Fr. Terence mill-ordinazzjoni tiegħu.  Kellna x-xorti li kif konna qeghdin fil-kunvent morna mawra mal-kunvent kollu, fejn urewna diversi oġġetti storiċi kif ukoll niżżluna fix-xelters li hemm taħt il-kunvent. Ghalkemm ma kinetx l-ewwel darba li nżilt ġo xelter ħassejtni eċitat għaliex erġajt ġeddidt xi memorji tal-istejjer li tirrakkonta l-bużnanna meta għexet dawn l-esperjenzi fi tfulitha.


Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju ġiet organizzata reunion għall-ex-studenti tal-Kulleġġ Santu Wistin. Numru sabih ta’ ex-studenti ħadu sehem f’din is-serata mill-isbah fil-grawnds tal-Kulleġġ f’Tal-Pieta. Wara merħba mir-rettur, dawk kollha li ħadu sehem kellhom ċans iduru mal-ispazji tal-Kulleġġ u jiltaqgħu partikolarment ma’ dawk li kienu studenti magħhom u anke diversi għalliema. Is-serata kompliet b’mument qasir ta’ talb u riċeviment. L-attivita ħolqot spazju sabih mhux biss biex il-ħbieb jiltaqgħu imma anke jġeddu u jirrakkuntaw tant memorji sbieħ tas-snin li qattgħu fil-Kulleġġ.

Din is-sena l-Kulleġġ Santu Wistin qed jiċċelebra il-175 sena mit-twaqqif tiegħu fl-1848 bħala l-ewwel skola tal-Knisja għat-tfal li wieġbet għal bżonn kbir li kien qed jinħass fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien. Tul is-snin eluf ta’ studenti, reliġjużi u membri tal-istaff, kienu parti minn din l-istorja li bdiet fil-Belt Valletta, kompliet għal xi snin f’Ħal Tarxien, u fis-snin aktar riċenti f’Tal-Pieta u fil-Marsa fejn għadha sallum.


Nhar il-Ħadd 2 ta’ Lulju, gruppi ta’ żgħażagħ kienu mogħtija s-salib tal-missjoni u l-arzella tal-camino bħala sinjal tal-bidu tal-esperjenzi tagħhom fil-Kenya u lejn Santiago.

Matul il-quddiesa fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien, l-Provinċjal P. Leslie Gatt stieden liż-żgħażagħ biex dawn l-esperjenzi iħalluhom ikelmuhom fil-ħajja tagħhom u assigurahom li minn Malta ser inkunu qegħdin nitolbu għalihom. Ħeġġeġ ukoll iktar żgħażagħ jagħmlu esperjenzi bħal dawn għaliex jagħmlu ħafna ġid fil-ħajja.  

Augustinian Youths u AMIGOS ser ikunu qegħdin iħallu pajjżna matul ix-xahar ta’ Lulju. Minn qalbna nawguwalhom u nitolbu għalihom.


Bejn il-19 u t-23 ta’ Ġunju grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb u riflessjoni akkumpanjati minn Mons. Charles Cordina li anima dawn il-ġranet. Ir-riflessjonijiet ta’ Mons. Cordina għaqqdu l-valuri propji tal-ħajja tal-aħwa ma’ tant esperjenzi konkreti ġejjin minn snin ta’ esperjenza pastorali tal-istess Dun Charles f’diversi oqsma tal-Knisja f”Malta.

Dawn il-jiem kienu anke opportunita sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lil hinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita. Il-ġranet tal-irtir jagħtu ukoll opportunità ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm u opportunità sabiħa ta’ tiġdid spiritwali. Grupp ieħor ta’ aħwa għandhom jieħdu sehem f’irtir ieħor li ser isir f’Għawdex aktar tard din is-sena.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.