Nhar il-Ġimgħa, 23 ta’ Ġunju ġiet organizzata reunion għall-ex-studenti tal-Kulleġġ Santu Wistin. Numru sabih ta’ ex-studenti ħadu sehem f’din is-serata mill-isbah fil-grawnds tal-Kulleġġ f’Tal-Pieta. Wara merħba mir-rettur, dawk kollha li ħadu sehem kellhom ċans iduru mal-ispazji tal-Kulleġġ u jiltaqgħu partikolarment ma’ dawk li kienu studenti magħhom u anke diversi għalliema. Is-serata kompliet b’mument qasir ta’ talb u riċeviment. L-attivita ħolqot spazju sabih mhux biss biex il-ħbieb jiltaqgħu imma anke jġeddu u jirrakkuntaw tant memorji sbieħ tas-snin li qattgħu fil-Kulleġġ.

Din is-sena l-Kulleġġ Santu Wistin qed jiċċelebra il-175 sena mit-twaqqif tiegħu fl-1848 bħala l-ewwel skola tal-Knisja għat-tfal li wieġbet għal bżonn kbir li kien qed jinħass fis-soċjetà Maltija ta’ dak iż-żmien. Tul is-snin eluf ta’ studenti, reliġjużi u membri tal-istaff, kienu parti minn din l-istorja li bdiet fil-Belt Valletta, kompliet għal xi snin f’Ħal Tarxien, u fis-snin aktar riċenti f’Tal-Pieta u fil-Marsa fejn għadha sallum.



Bejn il-19 u t-23 ta’ Ġunju grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar il-Ħanin Samaritan f’Santa Venera. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb u riflessjoni akkumpanjati minn Mons. Charles Cordina li anima dawn il-ġranet. Ir-riflessjonijiet ta’ Mons. Cordina għaqqdu l-valuri propji tal-ħajja tal-aħwa ma’ tant esperjenzi konkreti ġejjin minn snin ta’ esperjenza pastorali tal-istess Dun Charles f’diversi oqsma tal-Knisja f”Malta.

Dawn il-jiem kienu anke opportunita sabiha biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabih tal-ħajja reliġjuża agostinjana lil hinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attivita. Il-ġranet tal-irtir jagħtu ukoll opportunità ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm u opportunità sabiħa ta’ tiġdid spiritwali. Grupp ieħor ta’ aħwa għandhom jieħdu sehem f’irtir ieħor li ser isir f’Għawdex aktar tard din is-sena.


Nhar il-Ħadd 21 ta’ Mejju, lejlet il-festa ta’ Santa Rita, il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. bierek u inawgura x-xogħol li sar fuq il-kappella tal-adorazzjoni fil-wesgħa ta’ maġenb il-Knisja u l-Kunvent ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex. Fl-istess ċelebrazzjoni Ġesù sagramentat twassal proċessjonalment fl-istess kappella fejn tqiegħed għall-adorazzjoni tagħna.

Il-proġett tmexxa minn Dun Roberto Gauci taċ-Ċentru tal-Arti Liturġika Eikon flimkien mal-aħwa tal-kunvent ta’ Għawdex li akkumpanjaw il-ħidma fuq l-istess kappella karatterizzata minn mużajk ċentrali u żewġ ikoni, waħda fuq kull naħa. Il-ħsieb ċentrali tal-kappella jinġabar fil-mużajk li juri d-dehra tal-ktieb tal-Apokalissi fejn il-qaddisin jaduraw il-Ħaruf maqtul u glorjuż - xbieha ta' Ġesù Kristu li ħa fuqu l-mewt, irxoxta, u daħal glorjuż fis-saltna tal-Missier.

Fl-istess ħin, dak li huwa rappreżentat bħala t-tron tal-Ħaruf, jinfetaħ u jsir it-tabernaklu għall-adorazzjoni tal-Ewkaristija, għax dak li issa aħna naduraw preżenti fl-ispeċi sagramentali, huwa l-istess wieħed li l-qaddisin jikkontemplaw fis-sema. L-Ewkaristija ddewwaqna minn issa fuq din l-art dak li aħna għad inkunu fis-Saltna ta' Alla fis-sema. Flimkien ma’ Marija u San Ġwann Battista, madwar il-Ħaruf, hemm numru ta’ qaddisin Agostinjani flimkien ma’ Santu Wistin, Santa Monika u San Mark Evanġelista li huwa padrun tal-Provinċja Agostinjana Maltija.

Fuq kull naħa tal-Kappella hemm ukoll żewġ ikoni marbuta mal-ewkaristija: ix-xena ta’ Emmaus u x-xena tal-ħasil tar-riġlejn fl-aħħar ċena. Ix-xogħol fuq il-mużajk u l-ikoni sar kollu minn Dun Roberto Gauci waqt li x-xogħol fl-injam sar mis-sur George Attard u kien segwit mis-Sur Joseph Borg.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-inawgurazzjoni, il-Provinċjal enfasizza li dan l-ispazju mill-isbaħ joffri minnu nnifsu stedina partikolarment għal dawk li jgħixu qrib il-kunvent u li huma midħla tal-Komunità Agostinjana biex imorru jgħaddu ftit ħin ta’ adorazzjoni u talb quddiem Ġesù Ewkaristija. Il-Kappella tkun miftuħa kuljum matul il-ġurnata kollha. Il-ħsieb huwa li ‘l quddiem l-istess kappella tilqa’ fiha ukoll il-fdalijiet tal-qaddej t’Alla Fra Grazzja Gauci O.S.A.


Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ġunju l-Kummissjoni Provinċjali għal-Lajċi organizzat il-Festa Familja Agostinjana li nistgħu ngħidu issa saret attivita mistennija ta’ kull sena minn diversi lajċi qrib tal-komunitajiet Agostinjani. Filfatt fl-attività ħadu sehem madwar 120 persuna li kienu ġejjin mill-komunitajiet ta’ San Nikola f’Ħal Tarxien, ta’ San Mark fir-Rabat, ta’ Santa Rita u l-Madonna tal-Bon Kunsill f’San Ġiljan, u ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta.

Il-ġurnata fil-gżira Għawdxija bdiet b’quddiesa fil-Knisja ta’ Santu Wistin preseduta mill-Isqof Ġiovanni Cefai MSSP li qasam ftit esperjenzi tal-knisja missjunarja partikolarment f’artijiet ta’ ħtieġa kbira. Wara l-quddiesa saret preżentazzjoni qasira fuq il-kappella l-ġdida tal-adorazzjoni li għadha kif ġiet inawgurata fl-istess kunvent. Dawk kollha preżenti imbagħad kellhom l-okkażjoni li jżuru l-istess kappella qabel ma daħlu fil-kunvent fejn l-attivita kompliet bi ftit kafè u xi ħaġa tajba.  Aktar tard il-grupp kompla l-ġurnata permezz tal-ikel f’Marsalforn. Tard waranofsinhar saret imbagħad waqfa fis-santwarju tal-Madonna ta’ Pinu għal mument żgħir ta’ talb u l-grupp kompla fi triqtu lejn il-vapur.

Dawn l-inzjattivi mal-lajċi qrib tal-komunitajiet Agostinjani huma mumenti li jġibu flimkien diversi persuni li mhux biss jiffrekwentaw il-knejjes tagħna imma anke jissapportjaw il-ħidma tal-aħwa Agostinjani f’diversi realtajiet li jservu. Fuq kollox huma mumenti li jgħinu fil-bini ta’ relazzjonijiet pożittivi u tal-identità Agostinjana.


Matul ix-xahar ta’ Mejju diversi żgħażagħ, tnejn tnejn fuq l-eżempju tad-dixxipli ta’ Emmaws, kellhom l-opportunità li jgħixu ġimgħa mal-komunità Agostinjana f’Tal Pietà. Matul din il-ġimgħa ż-żgħażagħ komplew bil-ħidma u l-istudju tagħhom filwaqt li setgħu iduqu ftit mill-ħajja Agostinjana permezz tal-mumenti tat-talb, ikel u mumenti oħrajn. Din hija parti mill-ħidma tagħna ta’ akkumpanjament vokazzjonali fiż-żgħażagħ li jsiru matul is-sena permezz ta’ diversi attivitajiet u laqgħat individwali ma’ dawn iż-żgħażagħ.

Inħeġġu lil żgħażagħ oħrajn ma jaqtgħux qalbhom quddiem din l-isfida u fl-istess ħin inkomplu nitolbu sabiex ikun hemm żgħażagħ li jħallu kollox u jimxu wara Kristu permezz tal-Ħajja Agostinjana.

Għal iktar informazzjoni tista’ tkellem lil fr Terence Spiteri osa – This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.