Matul iż-żmien tar-Randan, il-grupp missjunarju ‘Amigos’, organizza attività ta’ bejgħ ta’ figolli b’risq il-missjoni. Dan sar fuq żewġ weekends billi voluntiera u grupp ta’ ħames żgħażagħ li fis-sajf li ġej ser ikunu qegħdin jagħmlu esperjenza missjunarja fil-Kenja, biegħu figolli fuq iz-zuntier ta’ diversi knejjes, knejjes li b’ġenerożità kbira laqgħu lil dawn iż-żgħażagħ.

Għalkemm din l-attività tinvolvi ħafna preparamenti bħal għadd ta’ figolli, tqassim fil-knejjes u naturalment ħin ta’ bejgħ, is-sodisfazzjoni li wieħed jilmah f’dawn iż-żgħażagħ ma’ kull donazzjoni li tinġabar hija xi ħaġa inspjegabbli – esperjenza li x-xogħol volontarju biss jista’ jagħti. Wieħed ma jistax ma jsemmix il-mijiet ta’ nies li xtraw figolla waqt din l-attività - turija ċara ta’ kemm ħafna nies għad għandhom għal qalbhom il-missjoni u lil dawk li huma fil-bzonn.

Il-bżonn tad-donazzjonijiet tagħkom għal din il-ħidma fl-art tal-missjoni huwa dejjem kbir u għalhekk nixtiequ nħeġġukom sabiex tkomplu tgħinuna f’din il-ħidma tagħna billi tibgħatu d-donazzjoni tagħkom fuq:

Bank Transfer: MT58VALL22013000000040010188817

SMS:

50617357 għal donazzjoni ta’ €2.33

50618085 għal donazzjoni ta’ €4.66

50618905 għal donazzjoni ta’ €6.99

50619206 għal donazzjoni ta’ €11.65

 

Ċekk lil:

Segretarjat Missjonijiet Agostinjani

Patrijiet Agostinjani,

Kunvent San Tumas minn Villanova,

Triq J. Zammit Tabona,

Pietà, PTA1331

 

Revolut: +35679255936



F’serata li ttellgħet fid-The Santa Rita Priory San Ġiljan fil-21 ta’ April, ġie mniedi ktieb ġdid bit-test tal-“l-Ewwel tliet Kotba ta’ l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin”. Il-ktieb li huwa Pubblikazzjoni tal-Provinċja Agostinjana Maltija u jiġbor fih l-ewwel tliet kotba ta’ l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin fi traduzzjoni b’Malti mill-isbaħ ta’ P. Ugolin Gatt O.S.A. u Karmenu Vassallo.

Dawn it-traduzzjonijiet kienu filfatt dehru għall-ewwel darba fir-rivista Agostinjana “Santa Rita” bejn l-1956 u l-1963. F’din il-Pubblikazzjoni, l-Edituri s-Sur Ivan Said u  Rev Dr Jonathan Farrugia qed ipoġġu għall-ewwel darba flimkien dawn il-kapitli, u magħhom jippubblikaw studju dwar l-istess Stqarrijiet ta’ Santu Wistin u dwar it-tradutturi nfushom. Filfatt kienet il-ħbiberija tagħhom u l-ammirazzjoni li t-tnejn kellhom lejn Santu  Wistin, li snin ilu wasslet lill-Professur P. Ugolin Gatt O.S.A. u l-Poeta Karmenu Vassallo biex jikkollaboraw flimkien fuq it-traduzzjoni u n-noti għall-Istqarrijiet. Sfortunatament dan ix-xogħol kien wasal biss sat-tielet ktieb tal-Istqarrijiet.

Kif kiteb il-Provinċjal f’kelmtejn ta’ daħla għal din il-pubblikazzjoni, dan il-ktieb “għandu jservi kemm biex jipprovoka x-xewqa li wieħed ikompli jitħabbeb mat-testi ta’ Santu Wistin u partikolarment tal-Istqarrijiet, imma anke biex ipoġġi dawl fuq iż-żewġ studjużi Maltin P. Ugolin Gatt O.S.A. u Karmenu Vassallo li taw kontribut siewi f’diversi oqsma.” Ħajr speċjali lis-sur Ivan Said li inizjalment ħolom u ħadem fuq dan il-proġett u lir-rev. Dr Jonathan Farrugia, Kap tad-dipartiment tal-Patrologija fil-Fakulta tat-Teoloġija, li kkollabora miegħu biex illum jista’ jkollna f’idejna dan it-test. Dan it-test ikompli ma’ sensiela ta’ studji u testi ta’ Santu Wistin ippubblikati bl-ilsien Malti.


F’ċerimonja qasira li nżammet fl-uffiċċju tad-Dekasteru tal-Isqfijiet fil-Belt tal-Vatikan, nhar l-Erbgħa 12 ta’ April, Mons. Robert Prevost għamel l-istqarrija tal-fidi u beda l-ħidma  tiegħu bħala l-prefett il-ġdid tad-dekasteru tal-Isqfijiet. L-isqof Prevost, li huwa missjunarju Agostinjan u li f’dawn l-aħħar snin kien qed iservi bħala Isqof ta’ Chiclayo fil-Perù, qed jieħu post il-Kardinal Marc Ouellet, kemm bħala prefett kif ukoll bħala president tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika Latina.

Robert Francis Prevost ta’ 67 sena twieled Chicago, Illinois, l-Istati Uniti, fl-14 ta’ Settembru 1955. Huwa daħal fin-novizzjat tal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1977, fil-Provinċja Omm tal-Parir it-Tajjeb, f’San Louis, u għamel  il-Professjoni solenni fid-29 ta’ Awwissu 1981. Ta’ 27 sena, intbagħat Ruma biex jistudja l-Liġi Kanonika fl-Università Pontifiċja ta’ San Tumas ta’ Akwinu. Ġie ordnat saċerdot fid-19 ta’ Ġunju 1982. Wara li rċieva l-Liċenzjat fl-1984, intbagħat jaħdem fil-missjoni f’Chulucanas, Piura, il-Perù. Fl-1987 irċieva d-dottorat bit-teżi, “The Role of the Local Prior of the Ordni ta’ Santu Wistin”. Wara li ħadem għal kważi sentejn fil-ministeru tal-vokazzjonijiet, fl-1988 intbagħat fil-missjoni ta’ Trujillo bħala direttur tal-proġett ta’ formazzjoni komuni għall-aspiranti Agostinjani mill-Vigarjati ta’ Chulucanas, Iquitos, u Apurímac. Hemmhekk serva bħala pirjol,responsabbli mil-formazzjoni, u għalliem tal-Professi. Fl-Arċidjoċesi ta’ Trujillo, kien vigarju ġudizzjarju, u professur tal-Liġi Kanonika, Patristika, u Morali fis-Seminarju Maġġuri San Carlos u San Marcelo.

Fl-1999 ġie elett Pirjol Provinċjali tal-Provinċja Omm tal-Parir it-Tajjeb. Wara sentejn u nofs, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju għażlu Pirjol Ġenerali, ministeru li l-Ordni reġa’ afdalu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2007. Pħala Pirjol Ġenerali, huwa żar Malta diversi drabi kemm f’viżti kanoniċi uffiċjali kif ukoll f’diversi okkażjonijiet oħra.

F’Ottubru 2013 reġa’ lura fil-provinċja tiegħu bħala għalliem tal-professi u vigarju provinċjali, sakemm il-Papa Franġisku ħatru amministratur appostoliku tad-Djoċesi ta’ Chiclayo, il-Perù, fit-3 ta’ Novembru 2014, u għollih għad-dinjità episkopali ta’ isqof titulari tad-Djoċesi ta’ Sufar. Fis-26 ta’ Settembru 2015 imbagħad sar isqof ta’ Chiclayo. Minn Marzu 2018, huwa serva bħala t-tieni viċi president tal-Konferenza tal-Isqfijiet Peruvjani. Fl-2019 il-Papa Franġisku ħatru membru tal-Kongregazzjoni għall-Kleru u fl-2020 membru tal-Kongregazzjoni tal-Isqfijiet.


Nhar l-Erbgħa 26 ta’ April, lajċi midħla ta' l-Agostinjani, iċċelebraw il-Konverżjoni ta' Santu Wistin, San Mark (Protettur tal-Provincja Agostinjana Maltija), u l-Verġni Marija, (Omm tal-Parir it-tajjeb) fil-Knisja San Nikola minn Tolentino, f'Ħal Tarxien permezz ta’ quddiesa mmexxija mill-Provinċjal P. Leslie Gatt osa.

Wara dawk preżenti kienu mistednin ikomplu jaqsmu l-ferħ flimkien fl-Oratorju Agostinjan.


Il-Qawmien ta’ Sidna mill-Imwiet Iqawwi l-Fidi Tagħna b’Tama Kbira

Qegħdin niċċelebraw l-Għid il-Kbir li fih tilħaq il-qofol tagħha l-mixja tar-Randan imqaddes u ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tridu tal-Għid li qed ngħixu dawn il-jiem. Huwa l-aktar mument qawwi fil-mixja liturġika li permezz tagħha niċċelebraw il-fidi tagħna. Jiktbilna Santu Wistin Missierna fit-Trattat, It-Tagħlim Nisrani (1,15): “Il-qawmien ta’ Sidna mill-imwiet u t-tlugħ tiegħu fis-sema huma ġrajjiet li aħna nemmnu fihom u jqawwu l-fidi tagħna b’tama kbira. Huwa qalilna ċar ħafna li ta’ ħajtu għalina minn rajh, hu li kellu s-setgħa li jerġa jeħodha. Mela kemm hi kbira l-fiduċja li biha nwettqu t-tama tagħna, aħna li issa nemmnu, x’ħin niftakru kemm bata għalina avolja konna għadna ma nemmnux!” B’dawn il-kelmiet Santu Wistin ifakkarna fil-kobor tal-għotja ta’ Ġesù għalina u l-provokazzjoni kbira li din l-istess għotja għandha tpoġġi quddiem l-esperjenza tal-fidi tagħna. Kemm kienet kbira l-fiduċja ta’ Alla fina! Kemm ħabbna!

L-għotja kbira ta’ Ġesù għalina qabel ma biss konna tnissilna, għandha tqanqal fina spirtu ġenwin ta’ tiġdid li jipprovokana biex niffukaw fuq dan Alla li aħna msejħin biex naqdu. Jekk Hu ħabbna daqshekk, allura kemm aktar mistenni li nħobbu aħna, li ningħataw aħna, li nafdaw aħna. U minkejja dan kollu li nistqarru li nemmnu, kemm drabi nsibu ruħna nitilfu l-fiduċja tagħna fiH minħabba ċirkustanzi trivjali. Kemm drabi nonqsu mill-imħabba tagħna lejH u lejn xulxin u bħal donnu ninsew kemm ħabbna Hu l-ewwel. Kemm drabi nonqsu milli ningħataw kemm hemm bżonn, u ninsew l-għotja tiegħU għalina bla kundizzjoni. Kemm drabi nonqsu milli naħfru lil xulxin u ninsew li Alla kien lest li jaħfrila u jifdina, qabel ma aħna stess ħadna l-impenn li nimxu warajH.

Minkejja d-dgħufijiet tagħna, u ċ-ċirkustanzi li jagħmluna dak li aħna llum, Santu Wistin ifakkarna li dawn il-ġrajjiet għandhom “iqawwu l-fidi tagħna b’tama kbira”. U jkompli jgħidilna li “biex ifarraġna f’dan il-vjaġġ huwa tana ħafna mill-Ispirtu tiegħu, hekk li sa fit-tiġrib ta’ din il-ħajja aħna mimlijin bit-tama u bl-imħabba tiegħu għad li issa m’aħniex narawh; lil kull wieħed minna tana doni partikolari għall-bini tal-Knisja tiegħu”. L-esperjenza tal-fidwa li qed niċċelebraw tintrabat allura mat-tama u l-imħabba li rċevejna u li aħna msejħa biex inwasslu lill-oħrajn. Hekk biss nistgħu inwasslu l-ferħ sabiħ tal-Għid meħlus minn kull toqol li spiss noħolqu fil-ħajja. Hekk biss nistgħu nnisslu t-tama fl-oħrajn. Hekk biss inkunu qed ngħixu b’fedelta l-esperjenza tas-sejħa partikolari li Alla għamel lil kull wieħed minna.

Minn qalbi nawgura lilkom u lill-familji tagħkom Għid qaddis. Jalla jkun għalina lkoll esperjenza qawwija ta’ fidi ġenwina u tama fil-Mulej Ġesu li għalina inagħta sal-aħħar, u għalina qam mill-imwiet!

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.