Nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Frar 2020, fil-Kulleġġ Santu Wistin, saret laqgħa għall-Patrijiet kollha tal-Provinċja. Din kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed isiru bi preparazzjoni għall-Assemblea Provinċjali 2020, fejn il-patrijiet ser jagħmlu evalwazzjoni tal-ħajja u l-ħidma tagħhom fis-sentejn li għaddew, u jirriflettu wkoll fuq il-futur. Għal din il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa kien mistieden Fr. Robert Marsh, Superjur Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana ta’ l-Ingilterra u Skozja. 

Wara t-talb tal-Għasar, Fr. Marsh tkellem dwar il-Provinċja Ingliża, u kif huma ttrattaw il-kwistjoni tar-realta ta’ Provinċja li ċkienet fin-numru tal-membri tagħha. Huwa tkellem kif l-agostinjani tal-Provinċja tiegħu rriflettew u d-diskutew din ir-realta’ għal diversi snin, u waslu biex jagħmlu għażliet kuraġġużi. Wara l-konferenza saru diversi mistoqsijiet mill-Patrijiet lil Fr. Marsh.



Bħala grupp taż-żgħażagħ ħassejna l-ħtieġa ta’ attività li tgħaqqadna mhux biss bejnietna iżda wkoll mas-soċjetà barra l-grupp tagħna. Iddeċidejna li nżuru d-dar tal-anzjani Casa Leone XIII u nqattgħu n-nofstanhar ta’ filgħodu mar-residenti ta’ din id-dar. Kienet esperjenza ferm aħjar milli stennejt, li imlietni f’sodisfazzjon. Bdejna l-ġurnata billi ħadna sehem fil-quddiesa mar-residenti anzjani tad-dar u flimkien animajna l-quddiesa. Il-quddiesa kienet l-aħjar mod possibbli biex bdejna l-ġurnata. Wara l-quddiesa morna ma’ xi wħud mill-anzjani fis-sala tal-attivitajiet. Organizzajna xi logħbiet tat-tombla u għenna xi residenti li kellhom bżonn l-għajnuna biex jimmarkaw il-karti tagħhom. Ilkoll li ħadna sehem, kemm anzjani u kemm żgħażagħ, għoġobna l-ħin li qattajna flimkien. Smajna l-quddiesa flimkien, dħakna flimkien, inbixna ’l xulxin, lgħabna flimkien u ħadna t-te flimkien. Din l-esperjenza bejn il-ġenerazzjonijiet kienet waħda ta’ min jgħożżha! Ir-residenti tad-dar urewna x-xewqa li nerġgħu nżuruhom u ż-żgħażagħ li attendew ukoll urew ix-xewqa tagħhom li jerġgħu jmorru. Hemm ħafna x’nistgħu nitgħallmu minn xulxin u li nqattgħu ħin flimkien hu ta’ benfiċċju għaż-żewġ naħat.

Martina Scicluna

 

 


Bejn il-15 u s-17 ta’ Jannar P. Luis Marin de San Martin, Assistent Ġnereali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għamel żjara fil-Provinċja tagħna. P. Luis Marin huwa l-Assistent Ġenerali responsabbli mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Spanja, l-Italja u Malta, u għadu kif ġie kkonfermat għal perjodu ta’ sitt snin oħra fil-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni ta’ Settembru li għadda.

Ma’ P. Luis Marin, kien hawn anke P. Enrique Martin li bħalissa huwa s-Surmast tan-Novizzjat tan-Nofsinhar tal-Ewropa li qed isir f’Pavia. Kienet xewqa tiegħu li jara r-realtà Agostinjana hawn f’Malta u jiltaqà mal-aħwa Maltin.

l-Erbgħa 15 ta’ Jannar ħadu sehem f’laqgħa għall-aħwa kollha li kienet ukoll parti mill-preparazzjoni għall-Assembleja Provinċjali Intermedja li ser issir f’April li ġej. P. Luis Marin filfatt ser ikun qiegħed jippresiedi l-istess Assemblea. Il-laqgħa kienet animata minn Fr Paul Chetcuti s.j. u fiha tkellimna dwar id-dixxerniment fl-għażliet li rridu nieħdu fil-futur.  Fl-aħħar tal-laqgħa P. Luis Marin kellu ċans anke jsellem u jaqsam xi ħsibijiet mal-aħwa miġbura. F’laqgħa li kellhom il-Ħamis 16 ta’ Jannar mal-Kunsill Parovinċjali imbagħad, P. Enrique ippreżenta r-realtà tan-novizzjat bħalissa, waqt li ma’ P. Luis Marin tkompla mument ta’ qsim dwar il-qagħda u l-isfidi tal-Provinċja llum.


Nhar il-Ħamis, 23 ta' Jannar 2020 saret laqgħa għal-lajċi agostinjani fil-Kulleġġ Santu Wistin, il-Pieta'. It-tema tal-laqgħa kienet: Nimxu flimkien żgħażagħ u Anzjani. Din it-tema ħarġet mill-Eżortazzjoni tal-Papa Franġisku: Christus Vivit....frott tas-Sinodu li l-Knisja għamlet dwar iż-żgħażagħ f'Ottubru tal-2018.

Fil-bidu tal-laqgħa saret preżentazzjoni tal-ħajja tal-Beatu Agostinjan Stiefnu Bellesini. Dan il-Beatu huwa magħruf għall-ħidma edukattiva tiegħu mat-tfal u ż-żgħażagħ. Wara tlabna it-talba tal-Għasar. F’dan il-Għasar inqrat silta mill-kitbiet tal-Beatu Stiefnu Bellesini dwar kif għandhom iġibu ruħhom l-għalliema mal-istudenti tagħhom.

Wara t-talb imbagħad Fr. Terence Spiteri osa, tkellem għalxiex iltqajna biex nitkellmu dwar din it-tema. Huwa rrefera għal-Eżortazzjoni fejn il-Papa jikteb li l-anzjani u ż-żgħażagħ għandhom jimxu flimkien.  Fr. Terence imbagħad tkellem dwar għaxar karatteristiċi taż-żgħażagħ tal-lum u kif nistgħu nimxu magħhom fil-ħajja tagħhom.

Tkellem imbagħad is-Sur Roberto Calleja, Youth Worker fil-Junior College. Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu maż-żgħażagħ u kif nistgħu nifhmu iktar liż-żgħażagħ.

Wara tkellem Dr. Andre Debattista, żgħażugħ li jagħti sehmu f’diversi realtajiet agostnjani f’Malta. Huwa tkellem dwar Santu Wistin bħala mudell għaż-żagħżagħ anke llum.

Wara ħadna xi ħaġa flimkien fejn il-lajċi kellhom iċ-ċans jitkellmu bejniethom, kif ukoll mal-kelliema tal-laqgħa.




94 sena ilu, ta’ tarbija tawh l-isem ta’ Stanley, imma aħna l-maġġorparti tagħna, nafuh bl-isem li għażlulu bħala reliġjuż: Prospero. Dan l-isem jiġbor fil-qosor kemm jista’ jkun f’kelma waħda s-simpatija li tattira l-memorja ta’ bniedem kbir, tal-Kardinal Prospero Grech.

Hu kellu l-grazzja mingħand il-Mulej li jirċievi s-sejħa li jimxi wara Ġesù mill-qrib. Ġesù fuqu quddiem il-Missier, jista’ jgħid li hu jsib il-glorja tiegħu permezz tal-qaddej tiegħu Prospero. “Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek u dak li hu tiegħek huwa tiegħi u jien igglorifikat permezz tagħhom” (Ġw 17:10). Aħna nistgħu ngħidu b’sens kbir ta’ fiduċja li Ġesù gglorifikat fil-Kardinal Prospero.

Is-simpatija ta’ Prospero ġejja wkoll mill-kapaċità tiegħu li jkun bniedem tassew liberu, l-ironija tiegħu anke bih innifsu u b’dak kollu ta’ madwaru, imma l-ħarsa tiegħu mimlija simpatija lejn pajjiżu, lejn il-Knisja li tant ħabb u kien jafha tajjeb minn ġewwa bid-dlamijiet u d-dawl tagħha, kienu jirrenduh tassew għaref, bniedem li kapaċi japprezza l-umanità u jitbissmilha. Jagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem mingħajr ma jinsa d-dgħufija tiegħu.

Dak li kien jolqtok fih, nimmaġina li huwa dak li kien jolqot f’ħafna nies, li kienu jiltaqgħu ma’ Ġesù: il-fatt li hu kien kapaċi jitkellem b’awtorità, l-awtorità ta’ min jitkellem mill-qalb. Anke kumment ċkejken tiegħu, kultant b’xi kritika ħelwa li tolqtok bħal żiffa u tibqa’ għaddejja, kont tkun taf li l-kumment tiegħu jolqtok u jgħaddi, ma jumiljakx imma għax wara hemm volontà kbira li tixtieqlek il-ġid. Meta kien jitkellem dwar Malta, bħal meta kien jitkellem dwar il-Knisja, għajnejh kienu jilmgħu bl-imħabba imma b’realiżmu profond.

Il-kelma ta’ Bin Sirak tant toqgħod għall-Kardinal Prospero: “Ibni, minn ċkunitek agħżel li titgħallem u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf” (Sir 6:18). Prospero ma twilidx għaref imma sar għaref. U kellu l-għerf tassew ta’ min jaf li biex tkun għaref trid titgħallem u trid taqdef u tistinka. Min jaf kemm għaddew studenti minn taħt idejh u sabu fih bniedem ta’ dixxiplina – wara kollox l-esperjenza tal-militar ma nesieha qatt – imma sens kbir ta’ rġulija, ta’ rettitudni u ta’ mħabba kbira lejn kull bniedem.

M’ilux il-Kardinal Ladaria fakkarni li darba minnhom kien qiegħed jaqsam il-Pjazza San Pietru u ltaqa’ mal-Kardinal Prospero u qallu: ‘Eminenza’ u l-Kardinal Prospero, tipikament Prospero qallu: ‘Ma non dire parolaccie’. Dan is-sens ta’ ironija ma kienx ifisser li hu ma laqax b’umiltà u b’ferħ kbir id-deċiżjoni tal-Papa Benedittu li elevah għad-dinjità ta’ Kardinal. Wara kollox hu kien it-tieni kardinal fl-istorja ta’ pajjiżna u l-ewwel wieħed bil-kunjom Grech, imma kienet din is-sens ta’ ironija li tħallih liberu.

U din il-libertà tgħallimha fl-iskola tal-ħajja reliġjuża, li fil-voti reliġjużi toftom il-bniedem mill-kilba għall-poter permezz tal-ubbidjenza, mill-kilba u r-regħba taż-żina permezz tal-kastità, u mir-regħba tal-flus permezz tal-faqar. Imma Prospero kien l-ewwel wieħed li jifhem li l-ideal huwa għoli u l-ħajja bil-fallimenti tagħha tumiljak. U għalhekk għandna bżonn tal-ironija li ma neħdux lilna nfusna b’ħafna serjetà, imma dejjem bit-tbissima realista.

Wara kollox hu obda l-kliem qaddis tal-ktieb ta’ Bin Sirak u fih seħħet ukoll il-kelma tal-profezija: “Il-madmad tal-għerf tiżjin tad-deheb u lġiemu ħabel tal-porpra” (Sir 6:30). Hu u jitlibbes il-porpra fl-2012 mill-Papa Benedittu seħħet fuqu din il-kelma ta’ Bin Sirak, fuq qaddej li kien ta ħajtu biex iwassal lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju, xewqa kbira tal-isqfijiet li aħna nerġgħu niskopru l-għajn safja tal-missirijiet tal-Knisja.

flimkien ma’ sħabu l-Agostinjani waqqaf l-Istitut Patristiku u ħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet ġodda, lilna, biex napprezzaw il-wirt sabiħ tal-missirijiet tal-Knisja. U f’dan is-sens kien wild tassew dehen ta’ Santu Wistin, li tant kien iħobb u għandu wieħed xi jħobb fl-Isqof ta’ Ippo. Dan il-ġgant tal-Knisja sab fi Prospero qaddej kbir li wassal l-għerf tiegħu lill-Knisja.

“Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu għemilu bi ħlewwa għaqlija” (Ġak 3:13). Dawn iż-żewġ kelmiet ħlewwa għaqlija jiġbru wkoll it-tratti tal-Kardinal Prospero ma’ kull wieħed u waħda minna.

Insellmulu wkoll f’mument iebes fl-istorja ta’ pajjiżna, ma beżax jidħol bħala intermedjarju u jfittex triqat ta’ rikonċiljazzjoni. Il-ġesti tiegħu ma nftehmux u hu kellu jħallas il-prezz, imma l-Mulej għandu ż-żmien u s-siegħa tiegħu.

Nirringrazzjawh ukoll talli bil-fotografija tiegħu melles kemm-il rokna ta’ pajjiżna, tal-Italja li tant kien iħobb u pprova jiġbor is-sbuħija fl-espressjoni artistika tiegħu. Il-lambretta tiegħu ma nafx fejn spiċċat. Min jaf kemm dera. Niftakru meta sar Kardinal, qalli: ‘Qaluli għax Kardinal ma nistax insuq iżjed il-lambretta’. Ovvjament mhux għax Kardinal biss, għax kien ukoll misjur fl-età. Immaġinaw il-headlines: Cardinale si schianta con il motorino!

Nixtieq inkun naf x’qal Santu Wistin meta Prospero daħal fl-eternità, imma mhux mogħti lilna. Mogħti lilna li aħna minn hawnhekk nitolbu b’suffraġju għal ruħu, imma wkoll nirringrazzjaw lil Alla tad-don li tana fi Prospero, il-Kardinal Grech u nitolbu biex hu jinterċedi għalina fil-misteru kbir tax-xirka tal-qaddisin.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.

Ammen.





Ħajr lil Arċidjoċesi ta’ Malta

Church.mt

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.