Matul ix-xhur li għaddew l-istudenti tas-sitt sena tagħna kienu okkupati josservaw u jiddiskutu l-problemi kontinwi li qed taffaċċja d-Dinja u jsibu soluzzjonijiet dwar kif jistgħu jgħinu u jnaqqsu dawn il-problemi.

Permezz ta’ dan il-proġett ġew esplorati u pprattikati numru sabiħ ta’ aspetti u ħiliet. L-ewwel nett, l-istudenti  ġew imħeġġa josservaw dak li qed jiġri madwarna permezz ta’ diversi diskussjonijiet, filmati, artikli fil-gazzetti, taħriġ il-fehem u informazzjoni li sabu fuq l-internet. Sabiex jesperjenzaw dawn l-isfidi mill-qrib, fi gruppi l-istudenti kellhom jieħdu ħsieb pjanta. Dawn il-pjanti ġew miżrugħa u mqabbdin b'wajers mal-Kitroniks u mal-Microbits (li huma apparat teknoloġiku); li kienu wkoll programmati bi struzzjonijiet speċifiċi. Kull grupp uża soluzzjoni differenti għat-tisqija tal-pjanti tagħhom; kull waħda minn dawn tirrappreżenta problema ambjentali differenti. L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-pjanti ġiet irreġistrata kull ġimgħa b'ritratti u bar graphs, sakemm intlaħqu l-konklużjonijiet finali.

Għall-fażi finali ta’ dan il-proġett, l-istudenti ġew imħeġġa jaħsbu dwar dawn il-problemi. Iddiskutew l-informazzjoni miġbura u l-konklużjonijiet li sabu. Wara ħolqu invenzjoni sostenibbli biex jindirizzaw waħda jew aktar minn dawn il-problemi.

Bl-għajnuna ta’ xi ġenituri, li b’mod volontarju ġew biex jgħinu, l-istudenti ġabru ideat differenti fi struttura waħda sostenibbli. Wara r-riċerka, ippjanaw u ddisinjaw l-invenzjonijiet tagħhom, u eventwalment bnew ukoll mudelli ta’ dawn l-istrutturi bl-użu ta' materjal riċiklabbli. Matul il-proċess kollu, l-istudenti kkollaboraw billi użaw il-ħiliet personali tagħhom u qasmu l-ideat tagħhom biex jilħqu għan komuni.

Biex niċċelebraw esperjenza edukattiva mill-isbaħ, l-invenzjonijiet kollha ġew ippreżentati fid-dettall minn kull grupp lill-ġenituri tagħhom u mistednin distinti oħra. L-implimentazzjoni u s-suċċess ta’ dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr ix-xogħol iebes u l-appoġġ tas-Sur Simon Peter Schembri,  is-Sinjura Daniela Buttigieg u l-edukaturi tas-sitt sena kollha, l-assistent kap tal-iskola s-Sinjura Veronique De Gabriele Ferrante, kif ukoll is-Sinjura Roberta Trapani Maggi, is-Sinjura Pamela Fenech u s-Sinjura Natalie Lombardi Calleja mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.

Ms Daniela Buttigieg

Primary Teacher



Il-Ġimgħa, 27 ta’ Jannar, P. Josef Sciberras O.S.A. iddefenda t-teżi tad-dottorat fil-Fakulta' tal-Istorja u l-Beni Kulturali tal-Knisja, fl-Universita Pontifiċja Gregorjana f’Ruma. Wara l-istudju tal-Liċenzja fl-istess Fakulta, P. Josef kompla jkabbar l-interess tiegħu fil-qasam tal-istorja tal-knisja. Sadanittant snin ilu nibtet l-idea li jkompli l-istudju għad-dottorat billi jistudja l-figura ta’ Mons. Paolo Micallef li kien l-uniku Pirjol Ġenerali Malti fl-Istorja tal-Ordni tagħna u li qatt ma kienet saret riċerka akkurata dwaru.

Wara s-snin tal-formazzjoni f’Malta, P. Paolo Micallef O.S.A. ħadem fl-Italja u fl-1855 kien iservi bħala Pirjol fil-Kunvent ta’ Fermo meta, b’intervent dirett tal-Papa Piju IX, issejjaħ biex iservi ta’ Vigarju Ġenerali tal-Ordni u aktar tard elett Pirjol Ġenerali. P. Paolo Micallef O.S.A. kien anke għal xi xhur Amministratur Appostoliku tad-djoċesi ta’ Għawdex, u imbagħad isqof ta’ Citta del Castello u Arċisqof ta’ Pisa.

Wara diversi snin ta’ ħidma, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2023, P. Josef ippreżenta t-teżi li fiha studja partikolarment is-snin tal-Ġeneralat ta’ P. Paolo Micallef O.S.A. bejn l-1855 u l-1865. Huwa xogħol li joħroġ għad-dawl is-servizz li P. Paolo ta lill-Ordni wara snin ta’ dekadenza.

P.Josef bħalissa jaħdem fis-servizz lill-Ordni bħala Postulatur Ġenerali u filfatt jagħmel parti mill-Komunita Agostinjana tal-Kurja f’Ruma. Minn qalbna nifirħulu għal din il-kisba u nawgurawlu li jkompli jagħtina studji oħrajn li jgħinuna nifhmu aħjar dak li sawwarna partikolarment fl-apprezzament tal-istorja tagħna.


Il-Ħadd 15 ta’ Jannar, diversi lajċi midħla tar-realtajiet Agostinjani ltaqgħu fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni f’Birkirkara għal attività li din id-darba kienet pjuttost rikreattiva. Din kienet filfatt l-ewwel attivita għal din is-sena organizzata mill-Kummissjoni Lajċi Agostinjani fi ħdan il-Provinċja.

Il-Laqgħa bdiet bil-wiri tal-film  The Greatest Showman li huwa musical ispirat mill-istorja veru ta’ B.T. Barnum. Il-film li ħareġ fl-2017 għandu messaġġ qawwi ta’ inklużjoni u jipprovdi riflessjoni fuq dak li għandu jkun l-aktar importanti fil-ħajja. Wara l-film kien hemm ukoll mument soċjali flimkien fejn ma naqsitx anke xi ħaġa tajba tal-ikel.

Dawn l-attivitajiet li jsiru minn żmien għal żmien, għandhom l-iskop li jġibu flimkien lajċi mir-realtajiet differenti Agostinjani u joħolqu sens sabiħ ta’ familja waqt li jinvestu fil-formazzjoni tagħhom.


Il-Ħadd 15 ta’ Jannar, fil-Knisja Konventwali ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-Festa tradizzjonali ta’ Sant’Anton Abbati bir-rit tat-tberik tal-annimali. Numru sabiħ ta’ nies bl-annimali tagħhom ħadu sehem fil-quddiesa, l-purċissjoni, u aktar tard iċ-ċerimonja ħelwa tat-tberik tal-annimali fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja.

Il-festa bdiet bil-quddiesa fil-Knisja preseduta mil-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. u wara ħarġet il-purċissjoni qasira bil-istatwa tal-qaddis. Lura quddiem il-Knisja saret it-talba ta’ barka u l-ewwel ma tbierku kienu żewġt iżwiemel tal-kavallerija tal-Pulizija. Warajhom imbagħad segwew numru sabiħ ta’ żwiemel oħra u ħmir. Imbagħad kien imiss l-annimali domestiċi partikolarment numru kbir ta’ klieb, qtates, għasafar u frieken. Ma naqsux anke xi annimali xi ftit anqas komuni fosthom, serp, kokka u għoġol.

Id-devozzjoni lejn il-qaddis fil-Knisja Agostinjana tar-Rabat filfatt tmur lura diversi sekli. Sa minn żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ Sant’Anton li ssir fir-Rabat. Fl-1806 kienet saret l-istatwa artistika ta’ Sant Anton, xogħol fl-injam tal-iskultur Xandru Farrugia.

Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ Sant Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu u għenuh fil-mixja tiegħu lejn il-konverzjoni. Għal ħafna snin il-patrijiet agostinjani kienu jissejħu anke eremiti u d-devozzjoni lejn Sant’Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes tagħhom. 


Il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar 2023 ġie mniedi l-ktieb ġdid Searching and Confessing, Augustine’s Quest for Wisdom and Truth, miktub mir-Rev. Dr. Salvino Caruana O.S.A. u ppubblikat mill-Provinċja Agostinjana Maltija. Il-ktieb, miktub bil-lingwa ingliża ilaqqa’ l-qarrej mal-figura ta’ Santu Wistin u jistiednu jterraq mal-qaddis fit-tfittxija tiegħu lejn l-għerf u l-verità. Dan jagħmlu f’ħames kapitli prinċipali li fihom jirreferi għal fażijiet differenti mill-ħajja u t-taqtigħa kontinwa ta’ Wistin.

Il-Ktieb kien ippreżentat f’serata mill-isbaħ li ttellgħet fl-Awditorium tal-Millennium Chapel fil-preżenza tal-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. u l-E.T. Mons Savio Hon Tai-Fai, Nunzju Apostoliku għal Malta. Fil-bidu tas-serata, l-awtur, P. Salvino Caruana laqa’ lil dawk preżenti u rringrazzja lil dawk kollha li b’mod jew ieħor kienu parti minn dan il-ktieb li jkompli mal-għadd kbir ta’ kitbiet u traduzzjonijiet li ħarġu mil-pinna tiegħu. 

Tul is-snin P. Salvino tana diversi xogħlijiet li jgħinuna nitqarrbu dejjem aktar lejn il-figura u t-tagħlim ta’ Santu Wistin. Fis-serata ir-Rev. Dr Stefan Attard, dekan tal-Fakulta tat-Teologija, u r-Rev. Dr Jonathan Farrugia, Kap tad-Dipartiment tal-Patrologija fl-istess Fakulta, ippreżentaw apprezzament għal dan ix-xogħol. Is-serata kienet imżewqa anke b’siltiet mużikali mill-pjanista Julia Miller u s-soprana Christine Dalli.

Din is-serata ittellgħet anke ġimgħa biss qabel il-ftuħ ta’ kors ieħor tal-Istitut Agostinjan li ser jittella kull nhar ta’ Ġimgħa bejn l-20 ta’ Jannar u l-24 ta’ Marzu fid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan. Il-Kors huwa miftuħ għal kulħadd u ser jitratta temi relatati mal-ktieb ta’ Santu Wistin  De catechizandis rudibus.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.