Il-Provinċja Agostinjana Maltija tingħaqad mal-Knisja fis-sogħba tagħha għall-mewt tal-Papa Emeritu Benedittu XVI: ragħaj fidil; ħassieb; studjuż u ammiratur kbir ta’ Santu Wistin Missierna.

Joseph Aloisius Ratzinger twieled nhar is-16 ta’ April 1927, fil-belt Ġermaniża ta’ Bavaria. Huwa serva lill-Knisja f’diversi rwoli bħala saċerdot, għalliem, isqof, kardinal u aktar tard Papa.  Ftit qabel il-ħatra tiegħu bħala Papa, il-Kardinal Joseph Ratzinger kien ħa sehem fil-pellegrinagg bil-fdalijiet ta’ Santu Wistin f’Ruma. Il-Ħadd 14 ta’ Novembru 2004 kien filfatt akkumpanja l-pellegrinaġġ għall-belt ta’ Ostja, fejn ippresieda l-Ewkaristija Solenni fil-Knisja Agostinjana ta’ Sant Awrea.

Joseph Ratzinger kien inħatar Papa f’konlavi li ssejjaħ wara l-mewt tal-mibki San Ġwanni Pawlu II f’April 2005 u ħa l-isem ta’ Benedittu XVI. Tul is-snin li serva bħala ragħaj tal-Knisja Kattolika, Benedittu XVI wera l-ammirazzjoni kbira tiegħu lejn Santu Wistin billi spiss kien jikkwota t-tagħlim.  Diversi drabi rrifletta anke fuq il-ħajja tiegħu fil-katekeżijiet tal-Udjenzi nhar ta’ Erbgħa u f’omeliji jew dokumenti li ppubblika.

Fit-22 ta’ April 2007 imbagħad bħala Papa għamel pellegrinaġġ biex jivvenera l-istess fdalijiet ta’ Santu Wistin meqjuma fil-Basilika Agostinjana ta’ San Pietro in Ciel d’Oro f’Pavia.

F’Ġunju tal-2007, il-Papa Benedittu kien ikkanonizza l-ewwel qaddis Malti, San Ġorġ Preca, f’Ċelebrazzjoni li nżammet fi Pjazza San Pietru fil-Belt tal-Vatikan. Bejn is-17 u t-18 ta’ April 2010, il-Papa Benedittu għamel żjara qasira imma intensa f’Malta. Din kienet filfatt it-tielet żjara ta’ Papa fil-gżejjer tagħna, imbierka mill-Appostlu San Pawl.

Fis-6 ta’ Jannar 2012 l-istess Papa Benedittu kien ħabbar il-kreazzjoni ta’ ħuna Patri Prospero Grech O.S.A. bħala kardinal b’apprezzamment għall-ħidma u l-kontribut tiegħu fil-Knisja tul is-snin. Il-kreazzjoni tiegħu kienet filfatt imbagħad saret fit-18 ta’ Frar 2012.

Meta saħħtu bdiet tnin, il-Papa Benedittu ħass li kellu joffri r-riżenja tiegħu u jirtira f’ħajja mogħtija aktar għat-talb u s-skiet. Dan għamlu nhar it-28 ta’ Frar 2013 u għal kważi 10 snin għex fil-Monasteru Mater Ecclesiae fil-belt tal-Vatikan stess.

Il-Papa Benedittu XVI għadda għall-ħajja ta’ dejjem illum 31 ta’ Diċembru 2022. Il-Provinċja Agostinjana Maltija ssellem il-memorja ta’ ragħaj fidil u tirrakkomanda lil ruħu fit-talb tagħna.



Nhar l-Erbgħa 28 ta' Diċembru ir-reliġjużi Agostinjani ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw il-Milied b’ikla fraterna. Din is-sena kien imiss lil komunità tar-Rabat li tilqa’ lil Patrijiet għall-ikla tradizzjonali. L-Aħwa Agostinjani talbu flimkien u wara komplew jaqsmu l-ferħ u l-awgurju tal-Milied f’ikla fir-refettorju tal-kunvent.  


Nhar it-Tlieta 20 ta’ Diċembru 2022, P. Pawl Formosa iċċelebra quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat, imdawwar minn diversi reliġjużi Agostinjani u membri tal-familja tiegħu, li permezz tagħha rringrazzja lil Alla għal 50 sena ta’ ministeru saċerdotali. Flimkien mal-aħwa reliġjużi u l-familja, inagħqdu anke diversi persuni oħra li b’mod jew ieħor huma qrib ta’ P. Pawl.

Din iċ-ċelebrazzjoni saret ukoll fil jum li fih qed jiċċelebra 75 sena ta’ ħajja. P. Pawl filfatt twieled fl-20 ta’ Diċembru 1947. Fil-1964 beda n-novizzjat fil-Familja Agostinjana u fit-3 ta’ Ottubru 1965 għamel l-ewwel Professjoni tal-Voti Reliġjużi. Fid-29 ta’ Diċembru 1968 għamel imbagħad il-Professjoni Solenni u fis-17 ta’ Diċembru 1972 ġie ordnat saċerdot flimkien ma diversi reliġjużi oħra, fosthom P. Frans Calleja OSA (li jaħdem f’Palermo l-Italja), u P. Joe Farrugia OSA u P. Pawl Aquilina OSA li llum jinsabu ħdejn il-Mulej.

Bħala reliġjuż huwa għex f’diversi komunitajiet u serva lill-Provinċja u lill-Knisja f’diversi ministeri. Fost dawn ta’ min isemmi diversi snin fil-Komunità ta’ Ħal Tarxien, f’Tal-Pietà u fir-Rabat fejn għadu jgħix sa llum. F’Tal-Pietà huwa ħadem għal diversi snin fil-Kulleġġ kemm bħala għalliem u anke bħala Rettur. Sa llum P. Pawl iservi anke bħala Kunsillier tal-Provinċja.

Imma fost is-snin l-aktar għal qalb P. Pawl żgur li hemm l-20 sena ta’ ħidma missjunarja fil-Brażil. Dawn kienu bla dubju ta’ xejn snin li mmarkawlu ħajtu u tawh esperjenza mill-isbaħ ta’ knisja li għadu jgħożż sa llum b’ħafna nostalġija.

Il-Provinċja Agostinjana tawgura lil P. Pawl ħafna aktar saħħa u ferħ fil-Mulej li tant serva matul ħajtu. Grazzi P. Pawl. Ad Multos Annos.


Għal darb’oħra qed niċċelebraw il-misteru tat-twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu. Din iċ-ċelebrazzjoni tiftaħ kull sena mixja liturġika ġdida bi stedina biex nippreparaw irwieħna, mhux biss biex niċċelebraw it-twelid ta’ Ġesu, imma aktar minn hekk biex nilqgħuh fil-ħajja tagħna. Din filfatt mhix esperjenza ġdida għalina imma ssibna kull sena f’ċirkustanzi u realtajiet differenti minn dawk tas-snin ta’ qabel. L-istedina ċentrali tibqa’ dik li naraw kif Ġesù jista’ jagħtina esperjenza li tmiss il-qlub u tnissel serenità u tama fil-mixja tal-ħajja.

Iż-żminijiet li qed ngħixu fihom huma bla dubju ta’ xejn mumenti ta’ tibdil kontinwu, li mhux dejjem inlaħħqu miegħu. Għalina bħala Knisja, il-missjoni ċentrali tibqa’ dik li nwasslu lill-Ġesù u nagħtu xhieda tiegħu, u allura ma naqtgħu qalbna qatt nippromwovu l-ħajja, naħdmu għall-ġustizzja, insostnu lil min hu mtaqqal, noffru sens lil min iħossu mitluf, u fuq kollox inxerrdu l-ferħ ġenwin. Hekk  naċċertaw li dak kollu li aħna nagħmlu jwelled verament lil Ġesù anke jekk dan jitlob minna sforz. It-twelid ta’ Ġesù qatt ma kien wieħed komdu. Lanqas meta seħħ fil-grotta ta’ Betlehem! Dakinhar il-familja ta’ Marija u Ġużeppi ħassitha mhux milqugħa; dakinhar kellhom jaċċettaw l-ispazji fqajra ta’ għar tal-annimali; dakinhar kellhom jikkuntentaw bil-ftit; imma l-aktar importanti kien li Ġesù twieled!

B’dawn is-sentimenti aħna msejħa nagħmlu mixja ta’ dixxerniment biex l-ewwel u qabel kollox naraw li Ġesù jitwieled f’qalbna. Imbagħad irridu anke naċċertaw li, minkejja li kultant inħossuna nonqsu u ż-żmien jibdilna, nibqgħu inkunu b’mod jew ieħor preżenza li tagħmel differenza fis-soċjetà tagħna. Dan jgħodd għalina kemm fuq livell ta’ xhieda personali imma anke fuq livell ta’ xhieda kollettiva bħala Agostinjani u bħala Knisja.

Fil-katekeżi tiegħu ta’ dawn l-aħħar xhur il-Papa Franġisku qed jitkellem dwar id-dixxerniment. Fl-Udjenza tad-19 ta’ Ottubru 2022, il-Papa għamel referenza għall-esperjenza ta’ Santu Wistin u jitkellem dwar l-istorja personali fil-mixja ta’ għażliet li wieħed jagħmel fil-ħajja. “Santu Wistin, fittiex kbir tal-verità,” - jgħidilna l-papa Franġisku - fehem li kultant insibu ruħna nfittxu f’toroq żbaljati meta ddeċieda li  “jerġa’ jaqra ħajtu, u nnota fiha l-passi siekta u diskreti, imma inċiżivi, tal-preżenza tal-Mulej. Fi tmiem din il-mixja nnota mistagħġeb: ‘Inti kont ġewwa fija u jiena ’l barra minni nnifsi. Fittixtek hemm barra, u jien, bla sura ta’ xejn, intfajt kollni kemm jien fuq il-ħafna suriet sbieħ li int għamilt. Kont miegħi, u jien ma kontx miegħek’ (Stqarrijiet X, 27,38). Minn hawn toħroġ l-istedina tiegħu biex nieħdu ħsieb tal-ħajja interjuri biex insibu dak li qed infittxu: ‘Erġa’ idħol fik innifsek. Fil-bniedem ta’ ġewwa hemm tgħammar il-verità’ (Ir-reliġjon vera, XXXIX, 72). Din hi stedina li jiena nagħmel lilkom ilkoll, nagħmilha wkoll lili nnifsi: ‘Erġa’ idħol fik innifsek. Aqra l-ħajja tiegħek. Aqra dak li hemm ġewwa fik, kif kienet il-mixja tiegħek. B’serenità. Erġa’ idħol fik innifsek’.

L-istejjer tagħna lkoll flimkien jiffurmaw storja ferm akbar, l-istorja tagħna! Nixtieq nawgura minn qalbi li dan il-Milied iġib miegħu stedina lil kull wieħed u waħda minna biex inħarsu lejn l-istorja tagħna u nfittxu li fis-sena l-ġdida ninfetħu dejjem aktar għal mixja ta’ dixxerniment ġenwin. Jalla  din il-mixja żżomm dejjem fiċ-ċentru lil Ġesù li jagħti sens lil dak kollu li aħna u li nagħmlu. Huwa hekk biss li quddiem l-sfidi u s-sinjali taż-żminijiet konvint li Ġesù ser jibqa’ jitwieled għalina u permezz tagħna jibqa’ jitwieled fil-qlub tal-oħrajn.

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Xi jfisser għalik il-grupp Augustinian Youths?

Bħala membri tal-grupp Augustinian Youths naħdmu flimkien sabiex noħolqu spazju attiv bħala komunità żagħżugħa fi ħdan il-Knisja. Dan il-grupp għalija jispikka għaliex permezz ta’ laqgħat, attivitajiet, mumenti ta’ talb u xogħol volontarju għandna l-opportunità li naqsmu diversi perspettivi u esperjenzi lkoll flimkien.

Dan lili jgħini nagħti ftit mill-ħin tiegħi lil ħaddieħor u naqsam it-talenti tiegħi mal-oħrajn. L-isbaħ mumenti jkunu dawk fejn fihom noffru l-ħin tagħna sabiex inferrħu jew ngħinu lil dawk li huma fil-periferija jew emarġinati. Jiena għandi apprezzament kbir lejn dan il-grupp għaliex permezz ta’ dawn iż-żgħażagħ b’ideat differenti nistgħu noħolmu u nikbru flimkien bħala familja waħda Nisranija.

Nicole Pace

Jekk tixtieq iktar informazzjoni fuq Augustinian Youths u attivitajiet oħrajn għaż-żgħażagħ (18+) ikkuntattja lil fr Terence Spiteri osa (21222884) jew facebook/instagram Augustinian Youths.

-----

Għalfejn tieħu sehem fl-attivitajiet organizzati minn Tagaste Youths?

Tagaste Youths huwa post fejn wieħed jista’ jikber mhux biss meta jiġi biex ikabbar iċ-ċirku ta’ ħbieb tiegħu iżda wkoll spiritwalment. Tagaste Youths għinni nsir aktar kunfidenti u pprovdieli post fejn inħossni komdu nesprimi ruħi liberament. F’Tagaste Youths wieħed jista’ jsib il-kumdità u l-protezzjoni fi żminijiet diffiċli, ta’ turbulenza u ta’ inkwiet.

Aħna familja qrib ħafna fejn ingħaqadna tajjeb ħafna. Dan il-grupp ta’ żgħażagħ huwa wkoll post fejn nagħmlu diversi xogħol fil-komunità iżda huwa wkoll post fejn nirrilassaw u nqattgħu ftit ħin flimkien. Il-ftit sigħat li nqattgħu flimkien huma mod tajjeb kif nirrilassaw, ninqatgħu ftit mir-rutina u nserrħu moħħna mill-ħajja stressanti tal-iskola.

Tagaste Youths huwa dejjem miftuħ għal membri ġodda. Huwa dejjem importanti li żżomm l-aspett spiritwali ta 'ħajtek vibranti u ħaj peress li jservi ta' gwida u bħala kumpass għal ħajja aħjar u sodisfaċenti u ħajja b'ambitu u skop. Tagaste Youths huwa miftuħ għal żgħażagħ u adoloxxenti li għadhom qed ifittxu l-iskop u t-tjubija tagħhom fihom infushom u li forsi ma jkunux kunfidenti f’min huma tassew f’mixja flimkien mal-oħrajn lejn Kristu.

Tagaste huwa wkoll il-raħal fejn twieled u trabba Santu Wistin u b’hekk l-isem tal-grupp – ‘Tagaste Youths’ jirrappreżenta benniena ta’ mħabba, ħbiberija u protezzjoni.

Yevgeny Spiteri

Jekk tixtieq iktar informazzjoni fuq Tagaste Youths u attivitajiet oħrajn għaż-żgħażagħ (15+) ikkuntattja lil fr Terence Spiteri osa (21222884) jew facebook/instagram Augustinian Youths.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.