Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar, ħabat il-75 anniversarju mill-ewwel Professjoni Reliġjuża ta’ P. Mark Cauchi fl-Ordni ta’ Santu Wistin. P. Mark, li llum għandu 93 sena, huwa membru tal-Komunità Agostinjana tal-Belt Valletta.

P. Mark twieled Bormla fil-5 ta’ Lulju 1928 u wara l-edukazzjoni primarja f’Bormla stess kompla bl-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara. Fl-20 ta’ Jannar 1946 huwa ingħaqad mal-familja Agostinjana permezz tan-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin ir-Rabat Għawdex. Sena wara imbagħad, propju fis-26 ta’ Jannar 1947 (75 sena ilu) għamel il-Professjoni Sempliċi tal-Kunsilli Evanġeliċi fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Wara kompla l-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ San Mark fir-Rabat Malta u fil-5 ta’ Frar 1950 għamel il-Professjoni Solenni. Huwa kien ordnat Saċerdot nhar l-20 ta’ Diċembru 1952 fil-Kon-katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. P. Mark studja anke l-lingwa Franċiża fl-Università ta’ Grenoble fi Franza.

Bħala reliġjuż u saċerdot huwa serva f’diversi komunitajiet f’Malta u kien anke għalliem tal-Latin u l-Lingwa Franċiża fil-Kulleġġ Santu Wistin u kappillan tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Barra minn Malta ħadem fil-missjoni Agostinjana fl-Afrika ta’ fuq u fi Sqallija. Għal diversi snin huwa kien imur iservi wkoll pastoralment fil-Monasteru ta’ Poschiavo fl-Isvizzera.  Tul is-snin huwa kellu dejjem mħabba kbira għall-istorja, r-riċerka u l-kitba tant li kiteb diversi artikli u ppubblika anke kotba normalment ta’ natura storika.

Minn qalbna nawguraw lil P. Mark ħafna aktar saħħa u barka. Ad Multos Annos!



Nhar l-Erbgħa, 26 ta’ Jannar, saret laqgħa għall-aħwa Agostinjani li fiha ġew ippreżentati spunti mir-riżultat tal-kwestjonarju li kien imtela mir-reliġjużi fil-bidu tal-mixja lejn il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li għandu jiġi ċċelebrat bejn Marzu u April li ġej.

Il-laqgħa li saret fil-Kulleġġ tagħna f’Tal-Pieta bdiet bit-talba tal-għasar. Il-Pirjol Provinċjali, P. Leslie Gatt imbagħad ippreżenta diversi spunti li ħarġu mit-tweġibiet tal-aħwa u qasam anke xi ideat tiegħu dwaru. Huwa enfasizza l-fatt li l-kwestjonarju kien l-ewwel u qabel kollox eżerċizzju li jipprovoka riflessjoni importanti fil-preparazzjoni tagħna għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022. Minnu nnifsu l-kwestjonarju offra spazju ieħor biex kull wieħed ikollu ċans jesprimi r-riflessjonijiet tiegħu u jaqsam dak li jħoss mal-aħwa. Filfatt il-mistoqsijiet ipprovokaw kemm riflessjoni ta’ apprezzament għal dak kollu li aħna, u anke ħarsa lejn dak li hem bżonn naħdmu aktar fuqu. Dan il-qsim allura huwa minnu nnifsu esperjenza ta’ komunjoni.

Il-laqgħa serviet ukoll ta’ bidu għal Viżta ta’ Tiġdid li l-Pirjol Provinċjali se jkun qed jagħmel fil-komunitajiet tal-Provinċja fil-ġimgħat li ġejjin qabel il-Kapitlu. Tkun ħaġa sabiħa li żżommu din il-mixja tagħna lejn il-Kapitlu Provinċjali fit-talb tagħkom.


Il-Ħadd 16 ta’ Jannar, fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-festa tradizzjonali ta’ San Anton Abbati. Għalkemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija ma ppermettewx li jsiru ċelebrazzjonijiet barra mill-Knisja, fi tmiem il-quddiesa, il-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt O.S.A. bierek l-annimali domestiċi li nġiebu fil-knisja stess. Din hija tradizzjoni antika ferm marbuta ma din il-festa fil-knisja Agostinjana ta’ San Mark ir-Rabat. Filfatt kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ San Anton. Tul is-snin inżammet din it-tradizzjoni ħelwa u ta’ kull sena jinġiebu diversi annimali biex jitbierku.

Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ San Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu kif jistqarr hu stess fit-8 ktieb tal-istqarrijiet eżatt qabel ma jirrakkonta l-konverzjoni tiegħu. Għalkemm l-Ordrni Agostinjan twaqqaf ħafna snin wara u f’ċirkustanzi differenti, il-Patrijiet Agostinjani kellhom anke oriġni eremitika u d-devozzjoni lejn San Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes taghhom. Il-kult lejn dan il-qaddis fil-Knisja konventwali ta’ San Mark fir-Rabat filfatt imur lura diversi sekli. Fl-1806 imbagħad kienet saret ukoll statwa artistika tal-injam xogħol tal-iskultur Xandru Farrugia.

Sadanittant it-Tnejn, 17 ta’ Jannar, Jum il-festa liturġika, il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. ippresieda l-Festa tal-qaddis fil-Kappella ddedikata lilu fix-Xagħra Għawdex.


Fil-Knejjes kollha Agostinjani madwar Malta fil-Ħamisjiet li ġejjin jiġu ċċelebrati l-Ħamisjiet ta’ devozzjoni bi preparazzjoni għall-festa ta’ Santa Rita. Id-devozzjoni tal-15-il Ħamis tintrabat mal-fatt li Santa Rita ġarret ix-xewka ta’ Kristu fi xbinha għal ħmistax il-sena, wara li talbet biex taqsam miegħu it-tbatijiet li sofra għalina. Tul is-snin, tant nies irrikorrew għall-interċessjoni ta’ Santa Rita bis-slaleb u d-diffikultajiet tagħhom u talbuha ħerqana biex twassal it-talba tagħhom quddiem il-Mulej.

Santa Rita kienet reliġjuża Agostinjana li għexet fiċ-ċentru tal-Italja aktar minn 600 sena ilu. Fil-ħajja tagħha għexet il-ħajja taż-żwieġ, kienet omm taż-żewġ ulied, romlot u aktar tard ingħaqdet mas-sorijiet ta’ ħajja kontemplattiva.  Dawn l-aspetti, flimkien mal-isfidi li għexet fil-ħajja tagħha jagħmluha qaddisa tant popolari fid-dinja kattolika.

Ir-reliġjużi Agostinjani f’għadd kbir ta’ bliet madwar id-dinja xerrdu id-devozzjoni lejn din il-qaddisa u ppreżentawha lill-poplu t’Alla bħala mudell ta’ tama fid-diffikultajiet tal-ħajja. Tul il-Ħamisjiet li jwasslu għall-festa ta’ Santa Rita, fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta jsir talb speċjali bl-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli.

Il-Ħamisijiet mhux fil-knejjes kollha jibdew flimkien għax tvarja d-data ta’ meta tiġi ċċelebrata l-festa tagħha fil-knejjes divverenti tagħna. F’xi knejjes oħra jaqbżu xi ħamis meta taħbat xi solennita oħra tal-knisja. Il-Festa ta’ Santa Rita fil-belt Valletta u fir-Rabat Għawdex, li huma ċ-ċentri ewlenin tad-devozzjoni lejn il-qaddisa, tkun iċċelebrata fil-ġurnata liturġika, jiġifieri fit-22 ta’ Mejju. Knejjes oħra Agostinjani jiċċelebrawha fi ġranet oħra qrib dik id-data.


Il-Ħadd 16 ta’ Jannar, Mons Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra l-Ewkaristija flimkien mal-Komunità tal-Baħrija fil-Knisja ta’ San Martin. Mons Arċisqof inawgura u bierek żewġ basso riljievi ġodda li ġew installati fil-Knisja ftit tal-ġranet ilu.

Il-basso riljievi, xogħol tal-artist bravu Jennings Falzon tpoġġew wieħed fuq kull naħa tal-perspettiva tal-altar, u jissimbolizzaw l-Ewkaristija u d-Djakonija. Dik tal-Ewkaristija fil-fatt tpoġġiet eżattament fuq id-daħla għall-kappella tas-sagrament. L-oħra, li tissimbolizza d-djakonija, tpoġġiet fuq il-bieb li jagħti għas-sagristija u tintrabat partikolarment mal-impenn favur dawk fil-bżonn ta’ San Martin li huwa l-padrun ta’ din il-Knisja.

L-Agostinjani, partikolarment il-Komunità tar-Rabat, ilhom iservu fil-Knisja ta’ San Martin fil-Baħrija għal dawn l-aħħar seba’ snin.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.