Il-Ħadd 16 ta’ Jannar, fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-festa tradizzjonali ta’ San Anton Abbati. Għalkemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija ma ppermettewx li jsiru ċelebrazzjonijiet barra mill-Knisja, fi tmiem il-quddiesa, il-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt O.S.A. bierek l-annimali domestiċi li nġiebu fil-knisja stess. Din hija tradizzjoni antika ferm marbuta ma din il-festa fil-knisja Agostinjana ta’ San Mark ir-Rabat. Filfatt kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ San Anton. Tul is-snin inżammet din it-tradizzjoni ħelwa u ta’ kull sena jinġiebu diversi annimali biex jitbierku.

Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ San Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu kif jistqarr hu stess fit-8 ktieb tal-istqarrijiet eżatt qabel ma jirrakkonta l-konverzjoni tiegħu. Għalkemm l-Ordrni Agostinjan twaqqaf ħafna snin wara u f’ċirkustanzi differenti, il-Patrijiet Agostinjani kellhom anke oriġni eremitika u d-devozzjoni lejn San Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes taghhom. Il-kult lejn dan il-qaddis fil-Knisja konventwali ta’ San Mark fir-Rabat filfatt imur lura diversi sekli. Fl-1806 imbagħad kienet saret ukoll statwa artistika tal-injam xogħol tal-iskultur Xandru Farrugia.

Sadanittant it-Tnejn, 17 ta’ Jannar, Jum il-festa liturġika, il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. ippresieda l-Festa tal-qaddis fil-Kappella ddedikata lilu fix-Xagħra Għawdex.



Il-Ħadd 16 ta’ Jannar, Mons Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra l-Ewkaristija flimkien mal-Komunità tal-Baħrija fil-Knisja ta’ San Martin. Mons Arċisqof inawgura u bierek żewġ basso riljievi ġodda li ġew installati fil-Knisja ftit tal-ġranet ilu.

Il-basso riljievi, xogħol tal-artist bravu Jennings Falzon tpoġġew wieħed fuq kull naħa tal-perspettiva tal-altar, u jissimbolizzaw l-Ewkaristija u d-Djakonija. Dik tal-Ewkaristija fil-fatt tpoġġiet eżattament fuq id-daħla għall-kappella tas-sagrament. L-oħra, li tissimbolizza d-djakonija, tpoġġiet fuq il-bieb li jagħti għas-sagristija u tintrabat partikolarment mal-impenn favur dawk fil-bżonn ta’ San Martin li huwa l-padrun ta’ din il-Knisja.

L-Agostinjani, partikolarment il-Komunità tar-Rabat, ilhom iservu fil-Knisja ta’ San Martin fil-Baħrija għal dawn l-aħħar seba’ snin.


Nhar it-Tnejn, 13 ta’ Diċembru, l-aħwa agostinjani ltaqgħu fil-Monasteru tas-sorijiet Agostinjani tal-Ħajja Kontemplattiva fil-Belt Valletta għal mument ta’ talb u riflessjoni fi żmien l-Avvent. Il-laqgħa bdiet bit-talb tas-Salmi u wara Fr. Mark Sultana qasam mal-aħwa xi riflessjonijiet fuq ix-xewqa ġewwinija tagħna għall-Mulej fiċ-ċirkustanzi personali u partikolari ta’ kull wieħed f’dan iż-żmien tal-Avvent.

Wara ftit mument ta’ riflessjoni personali, l-aħwa Agostinjani inġabru fil-knisja tas-sorijiet għal mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesu’ Sagramentat. Għal dan il-mument kien hawn magħna ukoll l-Assistent Ġenerali ġdid P. Javier Perez Barba osa li qiegħed għal ftit jiem Malta biex isir jaf iktar ir-realtà tal-Famlija Agostinjana f’Malta.

Spiċċajna dan in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu billi kilna flimkien mas-sorijiet fir-refettorju tal-Monasteru ta’ Santa Katarina.


Wasalna għaċ-ċelebrazzjoni ta’ Milied ieħor b’dak kollu li normalment iġib miegħu u anke b’tant esperjenzi oħra li bihom imlejna l-‘bagalja’ tagħna wara sena oħra li għaddiet minn fuqna. Ħsibna li setgħet tkun sena li terġa teħodna lejn in-normalità, imma prattikament qed nerġgħu nispiċċawha bil-qtigħ il-qalb tal-pandemija li biddlet il-fiżjonomija ta’ tant inizjattivi u użanzi tagħna. Kienet ukoll esperjenza li sfidatna kontinwament biex nirriflettu fuq dak li nagħmlu b’mod differenti.

Fost id-diskussjonijiet li f’dawn l-aħħar jiem imlew ix-xena medjatika, kien hemm id-diskussjoni dwar l-użanza tal-purċissjoni tal-Bambin fit-toroq tagħna. Kienu diskussjonijiet li kkonfrontaw il-valuri u l-prattiċi tagħna bħala nsara, mal-kultura, mal-viżjoni politika, mar-restrizzjonijiet tas-saħħa u tant elementi oħra. Kull aspett jilgħab il-parti tiegħu mhux biss fil-prattika tal-affarijiet, imma aktar minn hekk fil-perċezzjoni li kull wieħed jibni tal-argument u tad-diskussjoni li għaddejja.

Lilhinn minn dan kollu - li ftit jiem oħra jgħaddi bħal ħafna dikussjonijiet oħra - nixtieq nipproponi mistoqsija li tajjeb li takkumpanjana f’dawn il-jiem: Ġesù se jterraq fil-qalb tagħna? Ċert li ħafna aktar faċli li nittawwal mill-gallarija jew minn fuq il-bankina u nara l-istatwa ħelwa ta’ Ġesù bambin għaddejja fuq l-ispalla. Ħafna drabi huwa anke aktar faċli li ninvestu fil-loġistika ta’ organizzazzjoni li teħdilna ħafna enerġija, milli nikkonfronta bis-serjetà lili nnifsi. Imma fil-verita’ xi jkun il-Milied jekk Ġesù ma jterraqx fil-qalb tiegħi?

Ilkoll nafu li biex Ġesù jterraq f’qalbna irridu nagħmlulu l-ispazju. Irridu nkunu kapaċi nibdew aħna, u naraw x’inhuma l-affarijiet li nistgħu innaddfu minn qalbna: forsi permezz ta’ ftit umiltà; forsi permezz tal-kompassjoni; forsi permezz tal-maħfra; forsi permezz ta’ ordni aħjar tal-prijoritajiet tiegħi; forsi permezz ta’ rikonċiljazzjoni mad-djufijiet tiegħi innifsi u tal-oħrajn; forsi permezz tal-iskopertà mill-ġdid tal-valuri fondamentali li nħaddan. Santu Wistin diversi drabi jirreferi għall-esperjenza ta’ Alla li jgħammar f’qalbna: “Erġa’ lura f’qalbek u hemm ara x’int taħseb fuq Alla. Għax hemmhekk hemm ix-xbieha ta’ Alla.” (Trat. Ev. Ġw. 18, 10) Ejjew mela nippreparaw merħba sabiħa fis-skiet u l-fond tal-qalb tagħna biex hemm insibu verament lil Alla imwieled għalina. Ejjew nagħmlu l-parti tagħna biex Ġesù jterraq fi qlubna u nieħdu l-impenn li nwassluh minn qalb għal qalb. Dan hu l-akbar rigal li nistgħu nagħtu lil xulxin. Il-preżenza taċ-ċkejken tarbija żgur li tħalli ħafna serenità u paċi fina lkoll!

Din hija x-xewqa tiegħi għalina lkoll reliġjużi u lajċi, b’mod partikolari dawk qrib tal-komunitajiet u l-ħidmiet tagħna. Is-sena li ser nibdew ser iġġib magħha għalina l-Patrijiet Agostinjani Kapitlu Provinċjali li għandu jkun mument ta’ tiġdid. Ejjew nagħmluha fuq kollox it-talba tagħna, reliġjużi u lajċi ħbieb tagħna, li waqt li Ġesù jterraq, inissel fina x-xewqa li naħdmu ġenwinament għat-tiġdid tal-komunjoni ta’ bejnietna. Ħa jterraq Ġesù fil-qalb taż-żagħżagħ tagħna u jnissel fihom il-ħeġġa u l-kuraġġ biex iwieġbu għas-sejħa tiegħu. Ħa jakkumpanjana Ġesù f’kull pass u għażla li nagħmlu. Ħa jterraq Ġesù fostna lkoll, aħna u naqsmu l-mixja tal-fidi tagħna f’kull komunità u f’kull realtà li nservu. Ħa jterraq Ġesù bambin minn qalbi għal qalbek!

Ippermettuli nagħlaq dan il-ħsieb billi nwassal x-xewqat tiegħi u tal-aħwa lil dawk kollha li b’mod jew ieħor huma parti mill-ħidmiet u r-realtajiet tagħna, jew jiffrekwentaw  b’xi mod jew ieħor xi inizzjativa tagħna. Ħsieb partikolari jmur għall-familjari u ħbieb tagħna li llum huma morda. Grazzi mill-qalb tal-preżenza tagħkom u nawgura ħafna serenità u paċi tal-qalb lilkom u l-familji tagħkom.

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Fil-quddiesa tal-Ħadd, 12 ta’ Diċembru filgħaxija fil-Knisja ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta 7 persuni għamlu l-Wegħda biex ikunu membri sħaħ fil-Fraternita’ Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika.

L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fl-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità msejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ Santu Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja.

Il-Fraternità Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika (F.A.S.) hija magħmula minn Insara Kattoliċi, irġiel u nisa li jinsabu fid-dinja u fil-qalba tal-Knisja.  Huma msejħin biex jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva Agostinjana, u jgħarfu jaqsmu bejniethom u ma’ oħrajn il-fidi u l-ħbiberija tagħhom.

Il-quddiesa kienet immexxija mill-Provinċjal P. Leslie Gatt. Il-Wegħda tal-Kandidati biex ikunu membri fil-Fraternita’ saret quddiem l-Assistent Ġenerali l-ġdid tal-Ordni Agostinjan P. Javier Perez Barba.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.