STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA NRU 3 DWAR IL-MEWT U L-FUNERAL TAL-KARDINAL PROSPERO GRECH O.S.A.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada għaddejja bit-tħejjijiet għall-funeral tal-Emminenza Tiegħu il-Kardinal Prospero Grech. Il-ġisem tal-Kardinal Grech ilbieraħ ittieħed lura l-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika fejn l-istess Kardinal għex il-parti l-kbira ta’ ħajtu. Hemmhekk huwa tqiegħed għar-rispett tal-aħwa u ta’ dawk kollha li marru jagħtuh l-aħħar tislima.

Għada filgħodu, 2 ta’ Jannar, uffiċjal tal-Vatikan jagħmel dak li jissejjaħ ‘Rogito’ li fi kliem sempliċi jkun qed jinnotifika u jirreġistra l-għeluq tat-tebut f’dokument uffiċjali bħalma jsir fil-każ ta’ kull kardinal li jmut. 

Imbagħad il-ġisem tiegħu jittieħed fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn għandu jsir il-funeral fuq l-altar tal-Kattedra ta’ San Pietru. Iċ-ċerimonja ser titmexxa mill-Kardinal Giovanni Battista Re li huwa Viċi Dekan tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Il-Qdusija tiegħu Il-Papa Frangisku għandu jippresiedi l-aħħar parti tar-rit funebri. Għaċ-ċelebrazzjoni, barra l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Alejandro Moral Anton, il-Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija P. Leslie Gatt u diversi aħwa agostinjani u saċerdoti oħra, għandu jkun hemm ukoll l-E.T. Mons Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta u l-E.T. Mons Mario Grech Amministratur tad-Djoċesi ta’ Għawdex u Pro-Segretetarju tas-Sinodu, flimkien ma’ numru ta’ isqfijiet. 

L-Istat Malti ser ikun rappreżentat anke mill-E.T. Il-President ta’ Malta Dr. George Vella u s-Sinjura Tiegħu. Ser jattendi wkoll, f’isem il-Gvern malti, il-Ministru għall-affarijiet barranin l-Onor. Carmelo Abela u l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Istat tal-Vatikan l-E. T. Frank Zammit.

Sadanitant il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha għaddejja bit-tħejjijiet biex fil-jiem li ġejjin l-ġisem tal-Kardinal Grech jinġieb hawn Malta. Il-ħsieb huwa li ssirlu quddiesa presente cadevere li tagħti ċ-ċans lil dawk li jixtiequ jagħtuh l-aħħar tislima hawnhekk. Dettalji dwar dan jitħabbru aktar il-quddiem.

F’dawn il-jiem l-Ordni Agostinjan rċieva diversi messaġġi ta’ kondoljanzi fosthom mill-Qdusija tiegħu il-Papa Franġisku u mis-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-kardinal Pietro Parolin.

Minn naħa tagħha l-Provinċja ttenni tirringrazzja lil dawk kollha li komplew juru s-sogħba tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-kwalitajiet u l-wirt imprezzabbli tal-Kardinal Grech f’diversi oqsma. Nirrakkomandaw dejjem li nkomplu nżommuh fit-talb tagħna.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.