Jum il-Gradwazzjoni – Istitut Agostinjan

Nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Marzu 2020 saret iċ-ċerimonja tat-tqassim ta’ Ċertifikat ta’ Attendenza ġewwa l-Istitut Agostinjan fi tmiem is-sena akkademika 2019-2020. Is-serata bdiet b’Quddiesa Konċelebrata mmexxija minn P. Pierre Desira OSA, Assistent Direttur tal-Istitut Agostinjan, flimkien ma’ P. Mario Attard ofm cap, u P. Constantino Borg OSA. P. Pierre fisser il-mixja tar-Randan fid-dawl tal-Istqarrijiet ta’ S. Wistin, li kien is-suġġett tat-tlettax il-laqgħa tas-sena akkademika. Wara d-Direttur tal-Istitut Agostinjan, il-Professur P. Salvinu Caruana OSA, għamel id-diskors tal-okkażjoni. Fih huwa fisser il-kors tas-sena 2019-2020, u wara huwa ta ħjiel tal-korsijiet għas-sena akkademika 2020-2021.

Il-lezzjonijiet sejrin ikunu dwar it-teknika tal-katekeżi ta’ S. Wistin f’żewġ trattati tiegħu, it-Tagħlim Nisrani u Dwar kif tgħallem il-katekiżmu lit-tfal. Fil-kors l-ieħor minn Jannar sa Marzu 2021, sejjer jiġi mfisser it-trattat ta’ S. Wistin 10 Omeliji fuq l-Ewwel Ittra ta’ S. Ġwann lill-Parti. It-trattat ġie maqlub għall-Malti minn P. Francis Calleja OSA, Rettur tal-Bażilika ta’ S. Rita f’Cascia, u mfisser bis-saħħa ta’ għadd ta’ studji fuqu mill-Prof. S. Caruana OSA. Il-ktieb “Waħda u sħiħa hija l-Imħabba”, ta’ 240 faċċata, sejjer jitneda nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Jannar 2021 fis-6.30pm fis-Sala tal-Istitut Agostinjan, Pietà.

It-23 edizzjoni tal-Annual St Augustine Lecture 2020, fl-Università ta’ Malta, sejjer jingħata mill-Professur Anthony Dupont tal-Università Kattolika ta’ Leuven, Belġju, il-Ħamis, 26 ta’ Novembru 2020. Fi tmiem is-serata ta’ Jum il-Gradwazzjoni, P. Pierre Desira OSA qassam Ċertifikat ta’ Attendenza lit-38 partiċipant fil-korsijiet tas-sena akkademika 2019-2020. Wara kien hemm riċeviment tal-okkażjoni.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.