“Erġa’ lura f’qalbek u hemm ara x’int taħseb fuq Alla.”

Il-festa ta’ Santu Wistin din is-sena ser inkunu qed niċċelebrawha wkoll f’dawn iċ-ċirkustanzi li huma ferm differenti mis-soltu. Il-jum li jimmarka d-daħla fis-sema ta’ Missierna Santu Wistin ser niċċelebrawh limitati mill-miżuri proposti biex nieħdu ħsieb xulxin f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Jekk ħafna affarijiet jistgħu b’xi mod jiġu limitati, żgur li l-imħabba u l-grazzja t’Alla, li minnhom Santu Wistin għamel don, jibqgħu bla limitu! Forsi għal darb’oħra, hija opportunità biex immorru lil hinn minn dak li ħafna drabi jista’ jsir rutina ta’ attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet ’il barra minna, u nidħlu fil-fond ta’ dak li mument bħal dan jista’ jipproponilna għalina nfusna.

Hija forsi stedina biex nidħlu aktar fil-fond tal-qalb tagħna u hemm fil-ġewwieni tagħna nsibu verament min aħna kif jirrifletti l-istess Santu Wistin fl-Istqarrijiet tiegħu: “Qalbi hija l-post fejn jien dak li jien.” (Stqarr. X, 3,4) U allura tiġi l-istedina: “Erġa’ lura f’qalbek u hemm ara x’int taħseb fuq Alla. Għax hemmhekk hemm ix-xbieha ta’ Alla. Kristu jgħix ġewwa fik u ġewwa fik int qiegħed tiġġedded skont ix-xbieha ta’ Alla. Agħraf lill-awtur mix-xbieha nnifisha.” (Trat. Ev. Ġw. 18,10) Din hija stedina mill-isbaħ li nħoss li għandi nipproponi f’dan il-mument bi stedina biex b’din l-attitudni nfittxu li nagħmlu minn dan iż-żmien opportunità ta’ tiġdid li jibda minn kull wieħed minna. Kemm hu sabiħ li kull wieħed minna jsib ħin għalih u fis-skiet iħaffer biex isib lil Alla li jgħammar fih fil-verità u s-sinċerità. Din hija stedina biex nagħraf is-sabiħ kollu li hemm ġo fija, imma anke sfida biex naċċetta d-dgħufijiet tiegħi u nagħmel minnhom opportunità biex niltaqa’ ma’ Ġesù u nħallih jaħdem fija.

F’sens aktar wiesgħa dan ma nistax nagħmlu waħdi imma fi spirtu ta’ komunjoni mal-oħrajn kollha li l-Mulej b’mod jew ieħor ilaqqagħni magħhom kemm fiċ-ċirku ta’ madwari u anke lil hinn. Fi żmien meta d-distanza fiżika hija sfida, l-istedina hija biex nirrifletti fuq komunjoni spiritwali li tmur anke lil hinn minn kull spazju. Nitkellem minn komunjoni li mhix ridotta għall-fatt li ngħixu taħt l-istess saqaf, jew minn għażliet li llum fil-ħajja ġabuna flimkien - anke jekk dan huwa għalina valur kbir -  imma hija komunjoni li tibda mill-ispirtu tal-verità li jistedinni ninfetaħ għall-oħrajn waqt li nara fihom ix-xbieha ta’ Alla. Dan nista’ nagħmlu biss jekk ir-relazzjoni tiegħi mal-oħrajn nibniha fuq esperjenza spiritwali awtentika u disponibbiltà serena għal dak li Alla jrid minni fil-ħajja. Din kienet l-esperjenza ta’ Missierna Santu Wistin meta baqa’ jfittex lil Alla waqt li adatta x-xewqat tiegħu għal dak li Alla talab minnu fil-mument partikolari.

Nawgura ħafna li dan iż-żmien ikompli jgħinna nagħmlu mixja ta’ tiġdid flimkien bħala persuni, bħala ċittadini, bħala mgħammdin, bħala kkonsagrati, bħala familji, bħala Knisja... Fuq kollox inkomplu nikbru fir-rispett reċipriku, fis-sensittività lejn xulxin, fl-attenzjoni għall-bżonnijiet tal-oħrajn u fl-impenn lejn il-missjoni li kull wieħed minna hu msejjaħ biex jgħix f’sens ta’ għotja totali tiegħu nnifsu. Santu Wistin ikun magħna u jispirana f’din il-mixja.

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.