Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Għid il-Ħamsin

Atti 2, 1-11; Salm 103; Rumani 8:8:17; San Ġwann 14: 15-16.23b-26

Aqra’: “Meta wasal jum il-Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed...imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu, u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma’ L-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu”

Riflessjoni: F’din il-festa ta’ Għid il-Ħamsin, niċċelebraw l-għoti lilna tar-rigal tal-Irxoxt: L-Ispirtu s-Santu. B’hekk Ġesu zamm il-wegħda tiegħu li qatt ma kien ser iħalli d-dixxipli tiegħu waħedhom. Dan ir-rigal ingħata lid-dixxipli fil-kuntest tal-festa ta’ Għid l-Ħamsin Lhudi. F’din il-festa l-Lhud kienu jfakkru meta kienu fid-dezert wara li ħarġu mill-jasar tal-Eġittu, u waslu ħdejn il-muntanja Sinai, fejn ingħataw l-għaxar kmandamenti. Meta San Luqa fl-Atti ta’ l-Appostli jgħid li l-Ispirtu nizel fuq id-dixxipli f’Għid il-Ħamsin, ried juri kif dan l-Ispirtu bidel il-liġi l-antika fil-liġi l-ġdida tan-nisrani. Dakinar l-Mulej iddeċieda li jbiddel qlub il-bnedmin, biex b’qalb ġdida ma jkollhomx bzonn iktar ta’ liġi esterna. Il-bniedem seta’ jibda jħobb bl-imħabba ta’ Alla nnifsu msawba f’qalbu. Kull min iħalli lilu nnifsu jiġi ggwidat mill-Vanġelu u l-Ispirtu s-Santu jitkellem lingwa waħda li kulħadd jifhimha: il-lingwa ta’ l-imħabba

Itlob: Spirtu s-Santu, ejja fina, raġġ ta’ dawl qaddis agħtina, xerrdu f’ruħna mis-smewwiet...O dawl hieni ta’ qdusija, nitolbuk li bik mimlija tkun il-qalb ta’ kull fidil. Mingħajr dawlek li jmexxina ebda ħajr ma jkun hemm fina, ebda safa fil-għemil.

Agħmel: Kull ġurnata matul din il-ġimgħa itlob lill-Ispirtu s-Santu biex jimliek bih mill-ġdid u jgħinek tgħix b’mod li togħġob lil Ġesu’. Hu biss bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li nistgħu nħobbu u naqdu lil Ġesu’ b’mod li jixtieq hu.


Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Atti 1, 1-11; Salm 46; Lhud 9:24-28; 10:19-23 Lq 24, 46-53

Aqra’: “U ġara li, huwa u jberikhom, infired minnhom u kien imtella fis-sema”.

Riflessjoni: X’inhi t-tifsira tal-festa li qegħdin niċċelebraw illum? It-Tlugħ tal-Mulej fis-sema hija d-dħul ta’ Ġesu’ fil-glorja tal-Missier. Huwa mar biex iħejjilna post biex fejn ikun Hu nkunu aħna wkoll miegħu. Ġesu’ telaq mid-dinja tagħna mhux għax iddejjaq, iddejjaq bina, imma biex ‘il quddiem inkunu miegħu, ħienja. Il-festa tal-lum, xi darba għad tkun il-festa tagħna. Ftit qegħdin jistennewha bil-ħerqa. Aħna lkoll marbutin ħafna mal-festa ta’ hawn isfel. Veru? Il-Mulej jifhimna u jagħdirna. Kulħadd igerger x’dinja din u ħadd ma jrid imur. Għoġobna x-xogħol! Imma minflok ingergru aħjar nimpenjaw ruħna biex ġa minn din id-dinja tidher is-Saltna ta’ Alla. Fiċ-ċrieki zgħar jew kbar tagħna, mdawwlin u mħeġġin mil-Ispirtu ta’ Alla, irrid nimpenjaw ruħna biex ngħixu l-valuri tas-Saltna ta’ Alla: ngħixu l-ġustizzja, l-imħabba u s-sliem. Sakemm naslu biex ingawdu s-Saltna ta’ Alla fis-sema irridu ngħixu bħala nies mimlijin bit-tama f’Alla.

L-aħħar punt: meta ngħidu li Ġesu tela s-sema, daħal fil-glorja tal-Missier, infired minna, ma jfissirx li ħalliena waħedna. “Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu”. Il-Mulej qalilna biex ma nibzgħux minn sitwazzjonijiet diffiċli għax hu jkun magħna bl-Ispirtu tiegħu li jgħarrafna kif għandna nġibu ruħna fid-dawl ta’ dak li għallimna Hu.

Itlob: Mulej agħtini li nistenniek sa ma terġa tiġi fil-glorja biex teħodni miegħek għal dejjem, ingawdik wiċċ im’wiċċ bla ma ninfirdu qatt, bla xejn ma jtellef ir-rabta tagħna

Agħmel: Fl-interess tagħna fil-politika, fl-ekonomija, fil-kultura u f’dak kollu li hu uman, ħa jidher it-twemmin tagħna f’ħajja aħjar u għal dejjem, ħajja li mar iħejjilna l-Mulej meta tela’ ħdejn il-Missier.

 


Is-Sitt Ħadd il-Għid

Atti 15, 1-2, 22-29; Salm 66; Apokalissi 21, 10-14, 22-23; San Ġwann 14, 23-29.

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.

Riflessjoni: Ġesu’ qal kulma kellu jgħid; ma ħalla xejn barra. Biss hemm bzonn li l-Ispirtu jibqa’ jgħallem. Ġesu’ ma setax jispjega l-konsegwenzi kollha u l-applikazzjoni fil-prattika tal-messaġġ tiegħu. “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’”. Ġesu’ jassigurana li d-dixxipli dejjem ser isibu tweġibiet għall-mistoqsijiet li jqumu quddiem ċirkostanzi ġodda li jinqalgħu fil-ħajja. Jagħtihom tweġibiet skont it-tagħlim tiegħu, jekk ikunu jafu kif jisimgħu l-kelma tiegħu u jzommu ruħhom f’armonija mat-tqanqil tal-Ispirtu prezenti fihom. Id-dixxipli irid ikollhom ħafna kuraġġ biex jimxu fuq l-istruzzjonijiet tiegħu, għaliex ħafna drabi Huwa jitlob tibdil ta’ direzzjoni li ma jkunux qegħdin. Imma l-Ispirtu ma’ jgħallem xejn jekk mhux l-Evanġelju ta’ Ġesu’. L-Ispirtu jgħallem b’mod dinamiku, isir impuls intern, imexxi fid-direzzjoni t-tajba, jistimula it-tajjeb, imexxi lejn it-teħid ta’ deċizjonijiet konsistenti mal-Vanġelu.

It-tieni rwol tal-Ispirtu s-Santu huwa li jfakkar. Hemm ħafna kliem ta’ Ġesu’ li minkejja li qegħin fil-vanġelu, hemm ir-riskju li jintesew jew ma jissemmewx.  Dan jiġri speċjalment fil-kaz ta’ dawk l-proposti evanġeliċi li mhux faċli tassimlhom għax jidhru li huma kontra s-sens komun tad-dinja. Kif jista jkun per ezempju li d-dixxipli ta’ Kristu jistgħu jinsew il-kliem tal-Imgħallem jipprojbixxi kull forma ta’ vjolenza lejn l-aħwa? Imma hi xi ħaġa li tiġri kemm ‘il darba. Hawn jidħol l-Ispirtu s-Santu biex ifakkar lid-dixxipli fil-kliem ta’ Ġesu’: “Ħobb l-għedewwa tiegħek, agħmlu il-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min izeblaħkom...” (Lq 6:27-29).

Itlob: Mulej fittex ibgħatilna l-Ispirtu Difensur ħa jfakkarna l-attitudnijiet li ppruvajt tgħallimna int.

Agħmel: Fil-mixja tiegħek lejn il-qdusija, sieħeb miegħek l-Ispirtu s-Santu billi titlob izjed. Għix il-frott tiegħu: imħabba, ferħ, sabar, ġentilezza, tjubija...


Il-5 Ħadd tal-Għid

Atti 14, 21-27; Salm 144; Apokalissi 21, 1-5a; San Ġwann 13, 31-33a, 34-35

Aqra’: Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”. 

Riflessjoni: F’din is-silta tal-Evanġelju smajna ħafna l-kelma “gglorifikat”. Għalina il-kelma “gglorifikat jew “tiġi gglorifikat”, tfisser li wieħed jikseb l-approvazzjoni u t-tifħir tan-nies. Għal Ġesu’ tfisser mod ieħor. Ġesu’ huwa gglorifikat meta Ġuda telaq mill-ikla biex jifthiem mal-qassisin il-kbar kif ser iwaqqaf lill-Imgħallem. Huwa f’Ġesu’ li jmur għall-passjoni u l-mewt tiegħu, li jerħi ruħu f’idejn dawk li riedu joqtluh, u li huwa msammar mas-Salib, li tidher il-glorja ta’ Alla. Ġesu’ jagħmilha ċara f’hiex tikkonsisti l-glorja tiegħu: “Is-siegħa waslet għal Bin il-bniedem li jkun glorifikat...jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw12:23-24). Il-glorja tiegħu hija l-mument meta huwa juri lid-dinja kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem billi jagħti ħajtu għall-bniedem. Din hija l-unika tip ta’ glorja li huwa jwiegħed ukoll lid-dixxipli tiegħu. Mela jekk irridu nkunu verament dixxipli ta’ Ġesu’ rridu nfittxu t-tip ta’ glorja ta’ Ġesu’...dik li tiġi mill-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn fl-imħabba.

Itlob: Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej, u ħbiebek iberkuk; is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu (Salm 144)

Agħmel: : Il-Mulej jgħidilna: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll intom ħobbu lil xulxin”. U kif ħabb Hu? Baqa’ jħobb lil Ġuda li ttradih, lil Pietru li ċaħdu, lill-Appostli li abbandunawh. L-imħabba vera tħares mhux lejn in-nuqqas ta’ dak li jkun, imma lejn il-ħtieġa ta’ dak li jkun.


Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Atti tal-Appostli 13, 14, 43-52; Salm 99; Apokalissi 7, 9, 14b-17; San Ġwann 10, 27-30

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja. U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem; u huma ma jintilfu qatt, u minn idejja ma jaħtafhomli ħadd. Missieri, li tahomli, hu akbar minn kulħadd, u ħadd ma jista’ jaħtafhom minn id il-Missier. Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda”.

Riflessjoni: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja”. Kif ser ngħarfu l-leħen tal-veru ragħaj, fost tant ilħna li nisimgħu ta’ kuljum? Għandna bzonn ndarru l-widnejna jisimgħu l-leħen tar-Ragħaj it-tajjeb. Min jisma’ persuna biss għal ftit minuti, imbagħad għal sena sħiħa ma jisimgħu qatt aktar, isibha diffiċli biex jiddistingwi l-vuċi ta’ dik il-persuna fil-massa ta’ nies. Min jisma’ il-Vanġelu biss darba fis-sena, ma jitgħallimx kif jagħraf il-leħen tal-Mulej li jkun qed jitkellem.

Imma ejjew ngħiduha kif inhi, mhux faċli tafda lil Ġesu’ għaliex ma jwiegħedtx suċċessi jew rebħiet. Imma jitolbok li tkun don, jitolbok biex ma tfittix vantaġġi għalik innifsek, jitolbok tagħti ħajtek lilu u lill-proxxmu. Madanakollu – huwa jassigurak – li din hija l-unika triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem: “U jiena nagħtihom il-ħajja ta’ dejjem”. Biex naslu għal din il-ħajja ta’ dejjem, mhemmx shortcuts; min jindikalek toroq oħra jkun qed iqarraq bik u jwasslek għall-mewt.

Itlob: Min bħalek, Mulej, jimpurtah daqshekk minni? Min jimpurtah li jkun jafni daqshekk? għarafni, Mulej...u ibqa’ ħenn għalija.

Agħmel: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi xejn ma jonqosni”. Meta nisimgħu leħnu, ħa nieħdu l-parir ta’ David li jgħid: “Erħi ħajtek f’idejn il-Mulej, u jagħmel Hu”. 


It-Tielet Ħadd tal-Għid

Atti tal-Appostli 5:27b.40b-41; Salm 29; Apokalissi 5:11-14; San Ġwann 21:1-19

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien. Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad”. Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll”. Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?”. “Le”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu”. Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqskemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!”. Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Riflessjoni: Fil-parroċċi u l-knejjes tagħna kemm il-darba nagħmlu programmi pastorali ambizzjużi, fil-familji tagħna nużaw l-aħħar techniques psikoloġiċi, biex dejjem nedukaw aħjar lill-uliedna, nagħmlu kull sforz, nagħmlu pjanijiet...madanakolu nafu, li anke l-iktar sforzi tajbin li nagħmlu mhux dejjem ikunu suċċess.

Jista jkun li fil-ħajja tagħna, aħna jiġrilna xi ħaġa simili għal dak li ġara lis-seba’ dixxipli fis-silta tal-vanġelu tal-lum. Wara l-Għid marru jistadu: kienu mħarrġin fis-sajd, kellhom l-esperjenza u kellhom ir-rieda. Ħadmu matul il-lejl kollu, imma ma qabdu xejn. L-isforzi tagħhom ma tawx riżultati: aġixxew fid-dlam mingħajr id-dawl tal-Kelma ta’ l-Irxoxt. U hekk ġili nagħmlu aħna.

Kultant dak li jgħidilna Ġesu’, il-Kelma, jidhru affarijiet li għall-moħħ uman tagħna, ma jagħmlux sens, jidhru ‘il bogħod mill-loġika, jidhru kuntrarji għas-sens komun, per eżempju meta Ġesu’ jgħidilna affarjiet bħal: taħdem għall-paċi mingħajr l-użu tal-vjolenza, idawwar ħaddejk, tħobb lill-għadu, tkun fqir fl-ispirtu...dawn huma pariri li jidhru assurdi, l-istess bħalma kien il-parir lill-appostli biex jitfgħu x-xbieki fil-baħar fid-dawl tal-jum. Imma l-għażla hija bejn li tafda f’Ġesu’ u fi kliemu u jkollok riżultat, jew li tgħaffeġ għar-rasek mingħajr ma tikkonkludi xejn.

Itlob: Mingħajrek, Mulej, mingħajr il-Kelma tiegħek, ma nistgħu nagħmlu xejn

Agħmel: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu” (San Ġwann 2:5)


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.