Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-fiduċja li għandu fina.

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

Atti 6,1-7; 1 Piet 2,4-9; Ġw 14, 1-12

Aqra’: Is-sejħa u l-missjoni speċifika tad-djakni. Is-sejħa komuni ta’ l-insara kollha biex isiru ġebel ħaj – tempji spiritwali – ta’ Alla. Dawk li huma msejħa jagħmlu l-istess ħidma bħalma kien jagħmel Ġesu’.

Itlob: Ħa nkunu konvinti mid-dinjita’ tagħna bħala l-magħżulin ta’ Alla. Ħa nneħħu kull dubju li jista’ jkollna li aħna msejħin biex inkunu strument f’idejn Alla biex tasal għand il-bnedmin kollha ħutna l-ħidma redentiva tal-Mulej. Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-fiduċja li għandu fina.

Irrifletti: Il-vokazzjoni nisranija hija differenti minn kull vokazzjoni oħra: għaliex in-nisrani huwa msejjaħ u mogħti missjoni minn Alla nnifsu. L-aġent tas-sejħa u l-missjoni jibqa’ Dak li jsejjaħ. Ġesu’ igħid: “Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier hu fija. Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnuh minħabba fl-għemil stess. Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-egħmil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”. Aħna kuraġġużi u miftuħin biżżejjed biex inħallu lil Alla jagħmel ħidmietu fina u permezz tagħna?

Agħmel: Ikkonsagra dan il-jum lil Alla u itolbu li jużak kif jogħġbu hu. Osserva x’ser jiġri llum.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.