Luċjan Borg

  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Twelidt Ħaż-Żebbuġ, Malta, fis-26 ta’ Diċembru 1943.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

L-iskola primarja għamiltha fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ filwaqt li dik sekondarja kont nattendi l-kulleġġ tagħna Santu Wistin li dik is-sena stess kien beda f’Ħal Tarxien. Kienet is-sena 1954 meta bdejt fil-kulleġġ tagħna, ir-rettur dak iż-żmien kien P. Ġużepp Borg OSA. Spiċċajt il-form V bl-eżami tal-G.C.E. Oxford f’Lulju tas-sena 1960.

Għal madwar il-21 ta’ Settembru tal-istess sena jiena u żewġ żgħażagħ Maltin oħra morna ma’ P. Pawl Spiteri OSA Għawdex fejn flimkien ma’ P. Adeodato Schembri OSA bdejna n-novizzjat, taħt it-tmexxija tas-Surmast P. Ġorġ Bezzina. Lanqas ilħaqna wasalna, għaliex mill-għada stess bdejna ngħixu l-ħajja Agostinjana u l-ewwel attività li assistejna għaliha kien l-irtir tas-sena li dak iż-żmien kien isir fil-kunvent. Għamilt l-ewwel professjoni reliġjuża tiegħi taħt il-Provinċjal P. Ugolin Gatt OSA fl-1 ta’ Ottubru tas-sena 1961.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Ommi tgħid li sa minn meta kont tarbija kelli l-vokazzjoni Agostinjana! Storikament ġara dan. Ommi Beltija u meta kienet xebba kienet taħdem ma’ familja li kienet toqgħod ‘Vincenti Buildings’ quddiem il-kunvent tagħna S. Wistin fi Triq l-Ifran, Valletta. Matul il-gimgħa kienet tisma’ l-quddies fil-knisja tagħna. Hemm sabet lill-P. Anġ Pizzuto OSA li għażlitu bħala l-konfessur u d-direttur spiritwali tagħha.

Darba minnhom ġie P. Anġ id-dar tagħna għax kien wiegħed lil ommi li jiġi jikkonsagra d-dar għall-qalb Imqaddes ta’ Ġesù meta nitwieled jien. U hekk għamel. Ikkonsagra d-dar u wara ommi tatni f’idejh. Dan mal-ewwel qalilha: “Maria, dan għalina l-Agostinjani.” U ommi dejjem sostniet li minn dak il-ħin bdiet il-vokazzjoni tiegħi għal mal-Agostinjani.

Jien nemmen li kienu l-Mulej, ommi u P. Anġ li wellduni għall-ħajja Agostinjana. Qatt ma jiddispjaċini li hekk twieldet il-vokazzjoni tiegħi Agostinjana. Illum, wara ħajja Agostinjana ta’ sittin sena, inrodd ħajr lill-Mulej, lill-ġenituri tiegħi – għax missieri fuq dan kien jaqbel ma’ ommi – u lill-Patri Anġ Pizzuto li fetħuli t-triq biex mingħajr ma jistħoqqli nħaddan il-kariżma Agostinjana li fiha stajt nikber fl-isbuħija tal-fidi Kattolika u dan permezz tal-formazzjoni li rċevejt fit-tagħlim ta’ Santu Wistin u tal-ispiritwalità Agostinjana – nimmatura psikoloġikament u ngħix ferħan inservi lil Alla, lill-Knisja, l-Ordni Agostinjan u l-umanità fid-diversi pajjiżi fejn ġejt mibgħut u fid-diversi missjonijiet li s-Superjuri tagħna afdawli.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Billi bħalissa ninsab fil-missjoni tagħna ta’ Kuba u impenjat prinċipalmet fit-tagħlim tat-teoloġija fil-Fakultà tas-Seminarju u dekan tad-dipartiment tal-filosofija tal-Institut Pontifiċju tal-Umanitajiet tal-belt ta’ Havana biċċa mill-ħin liberu tiegħi ngħaddih insajjar għall-komunità, speċjalment il-Ħadd u nieħu ħsieb il-ftit qsari tropikali li għandna. Ħafna drabi jkolli ngħaddi l-ħin liberu tiegħi nikkoreġi x-xogħlijiet tal-istudenti, nieħu ħsieb l-arkivju tad-Delegazzjoni Agostinjana Kubana, immexxi spiritwalment xi persuni li talbuni d-direzzjoni spiritwali jew inkella nħejji l-liturġija tal-Ħdud u l-festi.

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

Impossibbli nwieġeb għal din il-mistoqsija. Ħafna kienu l-kotba interessanti, speċjalment fit-teoloġija u l-filosofija, li qrajt. Fuq kollox interessat immens fuq dak li jinkiteb fuq t-tagħlim ta’ Santu Wistin. Dan hu kamp wiesa’ mmens u wieħed qatt ma jispiċċa jikxef aspetti ġodda tal-għana li hemm f’Santu Wistin. Ili issa aktar minn 40 sena nistudja lil Santu Wistin u nistqarr li dejjem insib xi ħaġa ġdida fil-kitba tiegħu jew f’dak li l-istudjużi jiktbu dwaru.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

Nillimita ruħi għal żewġ frażijiet. L-ewwel waħda ta’ Sokrate li jgħid: “Dak li naf hu li ma nafx.” Quote famuża għax hija l-bażi ta’ kollox. Filfatt min jaħseb li jaf jieqaf li jkompli jistudja u jinvestiga u flok imur ’l quddiem imur lura. Min jippretendi li jaf biżżejjed iqarraq bih innifsu u jingħalaq fil-kbuirija li hija r-rovina ta’ kull għerf u għaqal.

It-tieni quote hija mill-ewwel paragrafu tal-Istqarrijiet (Confessiones) fejn Santu Wistin jgħid: “[O Mulej] Int għamiltna għalik u qalbna tkun mingħajr mistrieħ sakemm ma tistrieħx fik.” F’dinja fejn il-bniedem warrab lil Alla tajjeb li wieħed jiftakar f’dan għax jekk it-terapiji moderni huma mezz effiċjenti kontra l-istress madanakollu l-aqwa terapija biex wieħed isib il-paċi u jgħix seren u ferħan huwa li jinbena fuq Alla.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.