Rabat (Għawdex)

gozo.jpg
Francesco Agius de Soldanis fl-opra tiegħu manuskritta Gozo Antico e Moderno (1746) jgħid li fid-19 ta’ Ottubru 1583, xi barbari niżlu Għawdex minn Biżerta u serqu ħafna ħwejjeġ, flus u kotba. Dan is-serq seta’ tellef lill-patrijiet il-provi dokumentati li juru meta kien mibni l-ewwel kunvent tal-Agostinjani f’Għawdex.
Fost id-diversi stejjer qodma marbutin mal-preżenza tal-Agostinjani f’Għawdex, qabel stabbilew ruħhom fir-Rabat, hemm dik li kienu jamministraw knisja ċkejkna fil-limiti tax-Xagħra, dedikata lil Santa Marija tas-Seba’ Ferħat (S. Maria Septem Gaudiorum), illum imsejħa “Ta’ Gajdoru”.
Il-knisja ta’ Santu Wistin kienet imsemmija fost dawk li fihom tista’ tinkiseb l-indulġenza tal-Ġublew il-Kbir tal-1450. Dan jista jfisser li l-preżenza agostinjana tmur lura għal bidu tas-seklu XV. Skont dokumenti oħrajn, fis-sena 1465, in-nobbli Antonio de Naso għamel offerta biex issir qanpiena fil-knisja ta’ Santu Wistin. Fl-1470, ċimiterju li kien jinsab qrib il-kunvent u l-knisja, kien diġa jissejjaħ bħala “ta’ Santu Wistin”.
Fl-1533, il-kunvent gie mkabbar, filwaqt li l-knisja ngħatat xejra gdida. Minħabba iċ-ċokon tiegħu u n-numru żgħir ta’ patrijiet li kien hemm fih, il-kunvent ta’ Għawdex intlaqat minn dik li baqgħet magħrufa bħala “s-soppressjoni innoċenzjana”, li saret b’ordni tal-Papa Innoċenz X fil-15 ta’ Ottubru 1652. It-telfa tal-kunvent u l-knisja damet biss erba’ xhur – minn. Il-kunvent rega’ nfetaħ fuq it-talba tal-Gran Mastru Lascaris Castellar. Fl-1662, inħasset il-ħtieġa li terġa’ tinbena l-knisja minħabba l-fatt li dik eżistenti, għall-qedem tagħha kienet thedded li taqa’. Il-bini tal-knisja spiċċa erba’ snin wara, fis-sena 1666. Madanakollu, l-knisja kienet ikkonsagrata mill-Isqof Labini fit-12 ta’ Mejju 1782. Fl-1679 ittieħdet deċiżjoni sabiex jinbena wkoll kampnar ġdid minħabba.
Fis-sena 1690, beda x-xogħol sabiex il-kunvent jitkabbar. It-terremot kbir li laqgħat il-gżejjer Maltin fid-9 ta’ Jannar 1693 għamilha aktar ħaġa urġenti li jinbena l-kunvent ġdid maħsub. Tqabbad lill-arkitett Ferdinandu Valletta, u x-xogħol tlesta fis-sena 1717. L-istil kien wiehed monastiku, fejn il-kmamar tal-patrijiet kienu jagħtu għall-kjostru. Madanakollu, minħabba r-riħ u x-xita fix-xitwa u s-sħana qawwija tas-sajf, fl-1724, nagħlqu l-erba’ kuriduri tal-kunvent bit-twieqi.
L-isbaħ opra li tinsab fil-knisja hu l-kwadru titulari ta’ Santu Wistin li jinsab fil-kor, xogħol ta’ ta’ Mattia Preti u l-bottega tiegħu (1694). Ix-xbieha tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb li tinsab f’nofs l-artal maġġur inġabet minn Ruma fis-sena 1765. In-nobbli Giuseppe Dandalona fl-14 ta’ Awwissu 1767 offra li jibni artal maġġur bi rħam fin u jqiegħed il-kwadru tal-Madonna ċkejken fih, Minn dak inhar, l-artal maggur kien dedikat lill-Madonna tal-Parir it-Tajjeb.
Mal-wasla u l-okkupazzjoni tal-Francizi bdew jingħataw diversi ordnijiet, fosthom li l-ordnijiet reliġjużi f’Malta ma setax ikollhom aktar minn kunvent wieħed. B’xorti ħażina, il-patrijiet Agostinjani tħallielhom biss il-kunvent ta’ Għawdex li dak iż-żmien ma tantx kien f’kundizzjoni sabiħa.
Bi thejjija għall-festi ċentinarji ta’ Santu Wistin, f’Diċembru 1929, reġa’ nbena l-kampnar u fis-sena 1931 saru xi tibdiliet fil-knisja. Iż-żewġ gallariji fuq kull ġenb tal-kor, li kienu jservu għall-orgni, ġew magħluqa. Minflokhom saru żewġ kwadri sbieħ tal-pittur Briffa, jirraprezentaw il-magħmudija ta’ Santu Wistin minn idejn Sant’Ambroġ u l-ieħor Santu Wistin qiegħed jagħti r-Regola lil diversi ordnijiet reliġjużi. Billi wara dawn il-modifikazzjonijiet, l-artal maġġur deher xi ftit zgħir, kien meħtieġ li jinqala’ biċċa biċċa u jinbena ġdid u akbar.
Fil-31 ta’ Lulju 1932, kien awtorizzat l-ftuħ tan-novizzjat ġdid fil-kunvent t’Għawdex. Ftit ġranet wara, beda jinbena sular ieħor. Illum dan il-kunvent ġie trasformat f’dar tal-irtiri.

© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.