OSA: Ħarsa lejn

Nissejħu Agostinjani – isem li jġorr miegħu passat mill-isbaħ, preżent mimli sfidi u futur kollu tama! L-Ordni ta’ Santu Wistin huwa wieħed mill-ordnijiet reliġjużi għas-servizz tal-Evanġelju ta’ Sidna Ġesù Kristu. Il-missjoni tagħna bħala ordni reliġjuż fil-Knisja Kattolika hija li nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Alla lejn il-bniedem permezz tal-ħajja ta’ flimkien f’komunitajiet ta’ aħwa, mibnija fuq il-ħbiberija spiritwali u l-qsim tal-esperjenza tal-fidi. Permezz tal-wegħdiet tal-kastità, faqar u ubbidjenza nimpenjaw irwieħna f’konsagrazzjoni li Alla sejħilna għaliha għas-servizz tal-Knisja fid-diversi ministeri li hi tafdalna f’idejna fi żminijiet u postijiet differenti.

L-ideal tagħna bħala Agostinjani kien imfassal minn Santu Wistin, li wara l-konverżjoni tiegħu xtaq li jgħix il-fidi f’komunjoni ma’ oħrajn, fejn ħadd ma jkollu xejn tiegħu iżda kollox jinqasam bejn l-aħwa skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. Għal dan il-għan huwa waqqaf monasteri ta’ rġiel u nisa. Kiteb ukoll Regola għal dawn il-qaddejja ta’ Alla u fiha ġabar il-prinċipji fundamentali tal-ħajja tagħna sabiex inkunu nistgħu ngħixu l-Evanġelju fuq l-istil tal-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm, hekk kif insibu fl-Atti tal-Appostli (2, 4-5):

“Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda, u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kulma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed. U kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja.”


Fis-seklu XIII, żmien ta’ taqlib u tibdiliet kbar fil-Knisja u fis-soċjetà, fil-foresti tal-Italja ċentrali kienu jgħixu diversi eremiti, ħafna drabi f’komunitajiet żgħar u f’ħajja ta’ penitenza u kontemplazzjoni, mhux nieqsa minn impenn b’risq il-poplu ta’ Alla. Dawn l-aħwa xtaqu jagħtu aktar sehem fil-ħidma tal-Knisja. Erbgħa minnhom esponew l-istil ta’ ħajjithom lill-Papa.

Fl-1244 il-Papa Innoċenz IV ġabarhom flimkien u tahom ir-Regola ta’ Santu Wistin, skont ix-xewqa tagħhom. Hekk twaqqaf l-Ordni tal-Aħwa Eremiti ta’ Santu Wistin. Sa mill-bidu, flimkien mal-ispirtu kontemplattiv u komunitarju, dawn ir-reliġjużi ngħataw għall-istudju u l-ħidma appostolika.Fl-1256 il-Papa Alessandru IV għaqqad mal-grupp ewlieni diversi gruppi oħrajn u ried li l-Agostinjani jieħdu stil ta’ ħajja ta’ ordni mendikanti. Dawn l-ordnijiet mendikanti kienu jibbażaw il-ħajja tagħhom fuq il-valur tal-faqar komunitarju u personali, kienu jiddependu mill-karità u organizzati fi struttura ċentralizzata.

osa_snapshot.png
Għalhekk, flimkien mar-Regola ta’ Santu Wistin, li hija l-mappa li fuqha nippruvaw ngħixu l-Evanġelju, inħaddnu wkoll l-għajxien tal-Kostituzzjonijiet: normi ta’ ħajja li jaddattaw l-ideal Agostinjan għaż-żminijiet u kulturi differenti skont it-tradizzjoni tal-Ordni.

Mis-seklu XIII 'l quddiem l-Ordni ta’ Santu Wistin kompla jikber u jinfirex mad-dinja kollha. Illum jinsab f’aktar minn 40 pajjiż differenti fil-kontinenti kollha u jgħodd madwar 2,800 reliġjuż. Ma’ dawn, jagħmlu parti mill-familja kbira Agostinjana hemm ukoll is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja kontemplattiva, is-Sorijiet Agostinjani ta’ ħajja attiva u l-Lajċi Agostinjani li jimpennjaw ruħhom li jgħixu l-valuri u l-ispiritwalità Agostinjana fl-ambjenti fejn jgħixu u jaħdmu.

Wara isimna nġibu l-inizjali O.S.A. (Ordinis Sancti Augustini) għaliex l-isem uffiċċjali tagħna huwa Ordni ta’ Santu Wistin. L-arma tal-Ordni, simbolu tagħna li fih miġbur l-essenzjal tal-ispirtu ta’ Santu Wistin, hija magħmula minn qalb imħeġġa minfuda mill-vleġġa tal-imħabba fuq sfond ta’ ktieb miftuħ li jirrappreżenta l-Kelma ta’ Alla. Il-libsa reliġjuża tagħna, sinjal tal-konsagrazzjoni u l-appartenenza tagħna fl-Ordni, hija magħmula minn tunika sewda (jew bajda) b’kapoċċ u ċintura tal-ġild bħala ħżiem.

L-Agostinjani ġew f’Malta lejn it-tmiem tas-seklu XIV u matul aktar minn 600 sena ta’ storja, impenjaw irwieħhom f’ħafna oqsma għall-ġid tal-bniedem ta’ kull żmien u sitwazzjoni soċjali.

2_Homepage_slider_images_2340x850.jpg

Fejn ninsabu?

Il-pedament tal-ħajja Agostinjani hija l-ħajja tal-komunità, li fiha l-aħwa jaqsmu dak kollu li huma u jibnu t-triq li twassal għand Alla permezz tal-qadi tal-oħrajn. Il-valur tal-komunjoni jinkarna ruħu f’ambjenti u ċirkustanzi partikolari. B’dan il-mod, kull fejn inkunu, imsejħin sabiex inkunu bħal rifless tal-misteru tal-imħabba fit-Trinità.

Għall-Agostinjan, il-komunità ma tillimitax ruħha għad-dar fejn jgħix, lanqas għall-Provinċja li fiha daħal, imma hi mifruxa kull fejn jinsabu aħwa oħra Agostinjani. Kull reliġjuż jagħmel il-wegħda tal-ubbidjenza tiegħu lill-Pirjol Ġenerali li jmexxi l-Ordni kollu. B’hekk ma jkunx limitat is-servizz li nistgħu nagħtu. Il-komunità Agostinjana hija msejħa biex tkun sinjal profetiku fid-dinja, għajn ta’ qsim ta’ ġid u tkebbis ta’ tama. Fuq l-eżempju ta’ Santu Wistin, l-imħabba għall-Knisja tqanqalna sabiex inkunu disponibbli għall-ħtiġijiet tagħha, u nilqgħu l-ħidmiet li tagħtina, skont il-kariżma tagħna u b’solidarjetà mal-familja umana, b’mod partikolari dawk l-aktar foqra u f’sitwazzjoni ta’ tbatija.

L-attività appostolika tagħna nqisuha bħala servizz tal-imħabba. Għaldaqstant il-ħidmiet tagħna huma meqjusa bħala manifestazzjoni ta’ dik ir-rabta ta’ mħabba tal-ħajja komunitarja. Il-ħidma ta’ kull Agostinjan tirċievi l-mandat tagħha mill-komunità u mill-komunità ssib l-għajnuna u s-sapport.

F’Malta ninsabu f’sitt kunventi: ir-Rabat, il-Belt Valletta, ir-Rabat (Għawdex), Paceville, Ħal Tarxien u Tal-Pietà. Numru ta’ reliġjużi oħrajn jaħdmu f’kollaborazzjoni ma’ Provinċji oħrajn, f’Kuba, fl-Italja, fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

F’kull kunvent, komunità ċkejkna ta’ reliġjużi taħdem sabiex, skont il-kariżma tagħna, twassal l-Evanġelju b’modi u f’ambjenti differenti. Permezz tal-istil tal-ħajja tagħna u l-mod ta’ kif nifhmu u ngħixu l-voti reliġjużi tal-kastità, il-faqar u l-ubbidjenza, ispirati mill-esperjenza u t-tagħlim ta’ Santu Wistin, imsaħħin mill-eżempju ta’ tant ħutna li waslu sal-qdusija, nittamaw li nkunu sinjal ta’ tama għal bosta.

1_Homepage_slider_images_2340x850.jpg

X’nagħmlu?

F’dinja fejn dak li tagħmel huwa meqjus bħala dak li int, bħala Agostinjani nagħtu sehemna sabiex il-persuni jkunu meqjusa mhux tant minn dak jagħmlu jew jippossjedu, imma minn dak li huma fil-verità: bnedmin magħmulin fuq xbieha ta’ Alla, u għaldaqstant f’mixja dejjiema ta’ attrazzjoni lejn dan Alla li “hekk ħabb lid-dinja li bagħat lill-Ibnu l-waħdieni.” Filwaqt li nirrikonoxxu li dak li l-bniedem jagħmel huwa importanti, nagħrfu li hu aktar importanti dak li hemm fil-qalb ta’ kull bniedem. Minn hemm għandha toħroġ kull ħidma tagħna.

L-ewwel ħidma tagħna hija l-istess ħajja komunitarja li biha nxandru l-fedeltà ta’ Alla lejn il-bniedem. Kull komunità Agostinjana tipprova tgħix l-ideal tal-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu b’ ħajja ta’ tifħir u talb lil Alla, bl-għajxien tal-komunjoni, fis-sempliċità tal-ħajja, fit-tfittxija tal-Verità bl-istudju u l-interjorità, fil-qsim tal-ġid materjali u spiritwali, fl-għaqda, fl-umiltà u bl-imħabba.

Iżda l-ebda komunità Agostinjana m’hija maħluqa għaliha nnifisha: is-servizz tagħna lejn il-bniedem huwa parti mill-identità tagħna. Imqanqlin mill-Ispirtu, nagħrfu lill-Knisja bħala omm u fundatriċi tagħna, u fuq l-eżempju ta’ Santu Wistin, ningħataw għal-qadi tagħha f’ħidmiet differenti. Għal dan il-għan ma nintrabtux ma’ post jew kunvent partikolari, imma fi spirtu ta’ disponibbiltà naħdmu f’diversi postijiet, kulturi u oqsma differenti. Dawn il-ħidmiet jinkludu:

  • parroċċi,
  • skejjel u universitajiet,
  • djar ta’ rtiri u ċentri ta’ spiritwalità,
  • ċentri kulturali,
  • ħidma ma’ persuni f’diffikultajiet soċjali jew emarġinati,
  • missjonijiet…


Sabiex nilħqu dan il-għan:

  • nagħtu l-ewwel post lill-konsagrazzjoni tagħna lil Alla permezz tal-wegħdiet tal-kastità, faqar u ubbidjenza, li minnhom titnissel il-ħajja komuni u l-ħidma pastorali.
  • ilkoll ifittxu lil Alla u permezz tal-liturġija nagħtuh il-qima tagħna, bħala espressjoni ta’ fidi li hija maqsuma bejn l-aħwa tal-komunità.
  • ngħixu ħajja komuni sħiħa, fejn ħadd ma jqis xejn tiegħu imma kollox ta’ kulħadd.
  • nippromovu l-esperjenza ta’ Alla permezz ta’ ħajja interjuri u l-istudju, meqjus bħala attività kontemplattiva.
  • inwettqu ħidma appostolika skont il-ħtieġa tal-Knisja u s-soċjetà.
  • ningħataw b’mod bieżel għal ħidma, kemm intellettwali kif ukoll manwali, għall-ġid tal-komunità.

© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.