Inizjattivi Lajċi Agostinjani

Bil-ħsieb tal-ekkleżjoloġija tal-komunjoni hekk kif murija fil-Konċilju Vatikan II, li għandha għeruq agostinjani profondi, aħna naqsmu mal-lajċi id-dinjità tas-sejħa tal-magħmudija tagħna, sħubija sħiħa fil-Knisja u sehem u korresponsabiltà fil-missjoni tal-Knisja. Fid-dar komuni tal-Poplu ta’ Alla, reliġjużi u lajċi huma msejħa biex jgħixu l-komunjoni, kull wieħed skont is-sejħa partikolari tiegħu. Sabiex inkunu fidili lejn din l-ekkleżjoloġija ta’ komunjoni, li għal Santu Wistin kienet tant importanti, il-partijiet kollha tal-Ordni, fil-programmi u l-proġetti tagħhom, għandhom jipprovdu l-parteċipazzjoni effettiva tal-lajċi, b’attenzjoni sħiħa għal din l-ekkleżjoloġija u l-ispiritwalità agostinjana. (Kostituzzjonijiet O.S.A, 45)

Sa minn ftit wara t-twaqqif tiegħu, l-Ordni Agostinjan sieħeb fil-ħidma u l-ispiritwalità tiegħu lil lajċi. Dawn, bħala membri tat-Terz’Ordni Agostinjan, kienu jispiraw rwieħhom mill-ispiritwalità tal-Ordni, joffru s-servizzi tagħhom lil xi komunità agostinjana partikolari, filwaqt li jibqgħu jgħixu skont l-istat u x-xogħol tagħhom fid-dinja. Bħala sinjal distintiv tal-appartenenza fl-Ordni, dawn il-lajċi kienu jingħataw is-sinjal marjan taċ-Ċintura, il-ħżiem tal-ġild li bih jitħażżmu r-reliġjużi agostinjani.

Fis-sekli XV dawn il-gruppi ġew organizzati fi struttura li aktar twieġeb għall-ħtiġijiet taż-żmien.

Wara l-Konċilju Vatikan II sar sforz madwar l-Ordni kollu sabiex il-lajċi agostinjani jiksbu mill-ġdid l-identità u r-relevanza tagħhom skont it-tagħlim tal-konċilju.

Għaldaqstant bdew jiffurmaw il-Fraternitajiet Agostinjani Sekolari, fejn il-lajċi li jispiraw rwieħhom mill-ispiritwalità ta’ komunjoni ta’ Santu Wistin jinġabru flimkien u jiffurmaw fraternità: f’jiem partikolari jinġabru flimkien sabiex jitolbu, jiffurmaw rwieħhom, jiċċelebraw il-valuri agostinjani u joffru s-servizz tagħhom lil Knisja u lis-soċjetà.

Sabiex dan l-ideal jintlaħaq, il-Provinċja Agostinjani iffurmat il-Kummissjoni tal-Lajċi Agostinjani. L-iskop ta’ din il-Kummissjoni huwa li jiltaqqgħu flimkien il-lajċi li huma qrib id-diversi komunitajiet agostinjani f’Malta biex flimkien nitgħallmu aktar fuq l-Ispiritwalità Agostinjana b’temi li huma prattiċi għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. Bl-attivitajiet li jsiru il-lajċi Agostinjani ikunu f’kuntatt bejniethom.


Attivitajiet li jmiss - Inizjattivi Lajċi Agostinjani

iċċekkja drabi oħra għal attivitajiet oħrajn fil-futur
© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.