Ninduna li sena wara oħra - issa diġa’ għaddew ħames snin minn kemm ili fostkom fil-Baħrija u miegħi sħabi wkoll - għadni nħoss kuljum fija l-istess doni ta’ gratitudni, l-istess barkiet, l-istess ferħ, l-istess ħeġġa u l-istess sinjali sbieħ ta’ xhieda sempliċi, ġenwina u trasparenti fil-qalb ta’ kulħadd. Pjuttost huma affarijiet li iktar kibru u żdiedu fija. U ta’ dan, inrodd ħajr kuljum lil Alla u lilkom lkoll. Illum il-Baħrija, kif nafu, kif naraw u kif nħossu għax ngħixuha kuljum...saret komunita’ li kibret ħafna..ħafna iktar..tant persuni u familji li ġew jgħixu fostna u magħna; u sinċerament nħoss li nistgħu ngħidu li għandna mhux biss lokalita mill-isbaħ...imma għandna komunita’ ħajja...għax hi miftuħa għal kulħadd; komunita’ li qed tagħmel mixja sabiħa ta’ fidi u fraternita’, u komunita’ mpenjata f’kull sens biex dejjem naħdmu għal għada li jkun sabiħ jew isbaħ minn dak tagħna llum.

Ħafna drabi, il-festa tal-padrun f’kull lokalita’ tkun okkazjoni biex nirriflettu mhux biss fuq il-ħajja u l-messaġġ li l-qaddis jkun għex – fil-kaz tagħna San Martin Isqof ta’ Tours – imma tkun okkazjoni biex niċċelebraw lil xulxin u ma xulxin. Għal grazzja ta’ Alla, aħna fil-Baħrija għandna ħafna għalfejn niċċelebraw. Fost dawn insemmi xi affarijiet li jien tant jolqtuni u jmissuni fit-tajjeb:

  • Il-fatt li qed nikbru kuljum f’komunita’ sabiħa u profonda ta’ spiritwalita’ u fidi, li fiha nħossuna dejjem komdi f’kollox ma’ Alla tagħna. Id-dar tiegħU nħossuha li hi darna wkoll. L-Ewkaristija li niċċelebraw ttina tant qawwa fil-vjaġġi u fl-esperjenzi ta’ ħajjitna. Jien dejjem emmint li l-ispiritwalita’ u l-fidi dejjem jagħtuna nuċċali sabiħ kif naraw il-ħajja. Kull darba li nara l-Knisja tagħna mimlija kollha nies, komunita’ li fil-maġġoranza kbira tagħha għadha ħafna żgħażugħa, imma wkoll fl-espressjonijiet sempliċi ta’ nies li niltaqa magħhom fit-toroq u iktar meta tistiednuni fi djarkom, il-qalb tiegħi tant timtela bil-ferħ.

  • Il-fatt li fil-Baħrija nistgħu faċilment ngħidu li qed ngawdu minn komunita’ magħqudha, fejn l-ispirtu tal-‘aħna’ hu kbir mmens. Veru li xejn ma jiġi mix-xejn....imma llum qed ingawdu dak li tant ħdimna għalih fis-skiet. Tarana meta niltaqgħu flimkien, meta naħdmu flimkien, meta niċċelebraw mumenti soċjali flimkien. L-enerġija pozittiva li jkollna hi ħaġa li tinħass mal-ewwel. Nappreza l-ħafna ħafna nies li jaħdmu (jgħinuni) fis-skiet, b’xejn, mill-qalb...u bil-ferħ. Ġieli aċċenn żgħir biss...u mal-ewwel tara tant ġenerozita’, tant ħeġġa, tant entuzjazmu.

  • Il-fatt li għandna komunita’ li kuljum tħoss fiha kemm aħna miftuħa għal xulxin. M’hemmx ħitan ta’ etajiet, ta’ kuluri, ta’ sessi jew ta’ twemmin differenti. M’hemmx barrieri minħabba stejjer jew esperjenzi differenti li abbli nkunu qed ngħixu. Kif għandu jkun wara kollox! Ninduna kemm saret naturali l-mod kif twaħħdu ma xulxin nies li ilhom jgħixu l-Baħrija snin twal ħafna...ma tant nies ‘ġodda’ (kwazi  issa 90% tal-popolazzjoni) li ġew jgħixu fostna minn lokalitajiet oħra. Ilkoll sirna aħwa fl-istess mixja tal-ħajja. Sabiħ ukoll il-mod kif nagħrfu lil xulxin..l-uċuħ u l-ismijiet. Kulħadd mbierek u għażiż minn Alla.

 Semmejt tliet ezempji biss..imma l-lista hi ħafna ikbar. Fosthom kemm aħna ħawtiela, kemm inħobbu l-familji, kemm napprezaw in-natura. Qatt ma stħajt - anzi pjuttost kburi – ngħid kemm ili l-Baħrija (intom iġifieri) tajtuni ħafna. Ħafna! Magħkom inħossni tant seren u ferħan. Inħossni wkoll umli naqdi saċerdot fostkom għax nara tant tajjeb fikom. Dawn il-ħames snin u nofs li fihom ftaħtu u lqajtuni f’darkom, tafdawni f’ħajjitkom, u tad-drabi kollha żgħar jew kbar li għexna mumenti flimkien fuq kull livell – uman, spiritwali, soċjalment – kienu u huma għalija (u għal sħabi wkoll)  esperjenza li ngħozz u se nibqa ngħozz ħajti kollha.

Daqs kemm hi sabiħa l-Baħrija fil-jiem tal-bnazzi, jien ukoll nemmen mmens fil-bnazzi (fil-providenza u l-abbundanza) ta’ Alla għalina lkoll. Għax l-isem ta’ Alla huwa Imħabba u Ħniena. Dawn il-jiem li se ngħixu flimkien, imma mhux biss - għax kif semmejt għandna ħafna x’niċċelebraw fina lkoll personalment u bħala komunita’ - għandhom jkomplu jagħmlulna kuraġġ, jimlewna bil-qawwa u l-ferħ, biex nafdaw il-ġejjieni tagħna f’idejn Alla, waqt li kuljum nkomplu niċċelebraw id-doni sbieħ mmens li għandna fil-komunita’ tagħna. Inkomplu napprezawhom, nibzgħu għalihom, naħdmu biex insaħħuhom u jiena ċert li l-ħajja...għad titbissmilna.

Grazzi dejjem mill-qalb ta’ kollox u f’isimkom lkoll nitlob il-barka ta’ Alla, fuqna lkoll.

Fr Ray Francalanza OSA
Ragħaj tal-Komunita’ tagħna



Attivitajiet li jmiss - Baħrija

iċċekkja drabi oħra għal attivitajiet oħrajn fil-futur
© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.