Vjaġġi…fil-Luna Park tal-ħajja !

Veru li ħafna drabi nkunu ffukati biss fuq dak li nagħmlu u nkunu qed ngħixu…imma sa mill-qedem nett, fil-verita’, l-bniedem dejjem ħabbel moħħu b’domandi - eżistenzjali - dwar

il-bidu tiegħu, l-iskop tiegħu fil-ħajja u x’jiġri wara din il-ħajja. Mhux kulħadd jara l-ħajja tal-bniedem bl-istess mod….anke aħna min jaf kemm filosofiji - nuċċalijiet jkollna…tant hu hekk li teoriji hawn ħafna :

  • Teorija minnhom tqabbel il-ħajja ma’ palk. Din it-teorija tgħid li d-dinja hi l-palk li fiha aħna lkoll għandna parti x’nilgħabu/naħdmu. (Hemm biċċa verita’ fl-issue tal-maskri/kpiepel li lkoll nilbsu skond iċ-ċirkustanzi sfortunatament!). Fir-role play nafu nkunu jew atturi prinċipali, jew parti mill-folla jew spettaturi biss. Hi teorija li fiha biċċa verita’…imma li tħallik biered għax wara..kulħadd jerġa’ jmur lura għar-rutina tiegħu.
  • Teorija oħra tgħid li aħna biss parti - insinifikanti - minn univers sħiħ. Din it-teorija ovvja, twaqqa’ l-ideja ta’ grandezza u pompożita’ li ħafna drabi ġieli nbatu minnha..it’s all about me! Hi teorija kiesħa u arida..għax tgħidilna li aħna bla valur..li aħna partiċella biss, li bina u mingħajrna l-istess, li qablek u warajk id-dinja se tibqa miexja..insomma li m’int xejn..numru, spazju li qed tuża biss. L-iżjed l-iżjed ..forsi tiswa xi ħaġa għall-ħidma tiegħek…għalkemm anke hawn…hemm ħaddiehor li jista’ jagħmel li qed tagħmel int. 
  • Imbagħad hemm twemmin - mhux tejorija din id-darba - u hu twemmin ta’ sliem u barka. Dan it-twemmin (tagħna li nemmnu) jgħidilna li aħna ġejna maħluqin mill-imħabba, biex (hawn) ngħixu l-imħabba u li fl-aħħar immorru ngawdu l-imħabba dejjiema. (Il-bambin biss jaf kemm braxniha din ix-xbieha oriġinali !) F’dan it-twemmin, il-linja ta’ ħsieb hi totalment differenti mit-tnejn li semmejt ..jgħidilna..li aħna lkoll għeziez, lkoll maħbuba, li aħna mhux numru jew oġġetti jew biċċa laħam/role..aħna persuni..u li l-ġenna ma tkunx kompluta..jekk ma nkunx hemm fiha jien/int/aħna.

Huma sfumaturi tal-ħajja dawn ! Jien semmejt tlett kurrenti biss..imma dawn jgħidu volumi fuqna. Naturalment min ma jridx jivveġita biss, min hu oġġettiv u min irid jibża għal ħajtu (għax aħna din biss għandna !)..tiġiħ naturali li jaħseb fuq ħajtu. Aħna meta nikbru għandna l-vantaġġ li nħarsu lura u naraw kif kien it-traġitt tagħna…nindunaw kemm inbdilna, kemm żdiedu saffi (Hemm ktieb jismu Pentimento ta’ Lilian Hellmen li jmiss dan is-suġġett), naraw x’għamlilna ż-żmien..x’serqilna (a) id-daħk, li ma tkunx imtaqqal b’ħafna ħsibijiet, l-illużjoni, l-fantasija, l-ispontanjeta’, l-għotja, is-safa…u l-istagħġib (tkun zgħir tara l-ħajja qisek apprentist..aħna narawha b’għajn kritika/analitika). (b) Tkun żgħir….tajjeb…għax tilħaq la jkollok id-difetti u l-kriżijiet taż-żgħażagħ u lanqas il-vizzji u l-konformiżmu tax-xjuħ. (c) U tkun tfajjel… tkun għadek ħieles..ħieles mill-ħafna irbit li għandna llum : karriera, kif tidher, ambizzjoni, il-protagoniżmu, it-toys, l-allerġiji li jkollna, li tirnexxi, kemm tipproduċi u tirnexxi, kemm tirbaħ, ħieles mill-ħafna ċniser u nċensar li nużaw ta’ kuljum biex jseħħilna niksbu dak li nfettlu ġo moħħna. X’meskinita ! Ifhem tiddejjaq issemmihom u ikar tiltaqa’ magħhom..imma hemm huma ….parti mill-fatt li ngħixu f’dinja imperfetta ! An unfinished symphony !

Għalhekk hemm biċċa għerf li tgħix kemm tista’ iż-żmien li tkun fih…jum b’jum…għax ma jerġax jiġi ! Malli nħallu t-tfulija..aħna…nibdew induru id-dinja..il-Luna Park tal-ħajja..dawra durella..ngħidilha jien..fis-sens li tmur fejn tmur, tagħmel x’tagħmel, tgħix kemm tgħix…fl-aħħar meta jsir il-ħin tmur lura d-dar. Xi kultant l-ħajja u r-rutina ssir l-istess żugraga..allaħares ma tagħtix skop lil dak li tagħmel ! Il-ħajja hekk ukoll : l-iżvillup tal-bniedem qatt mhu lineari imma ċirkolari. Minn fejn tibda hemm terġa tispiċċa ! Jaf jkun żmien sabiħ..ta’ ferħ, ta’ tgawdija, ta’ paċi… jew jaf jkun żmien ta’ ħafna għejja, uġieħ, stonaturi, u ambigwitajiet..hemm ħajku li juru dan :

 

  • Kemm hawn min ma jiftiehem qatt fil-ħajja iżd’ issa jiftehmu fil-qabar.
  • Kemm hawn min jidħak quddiem in-nies (bħal buffu) u mbagħad jibki meta jkun waħdu.
  • Kemm hawn min ivjaġġa ħafna postijiet imma mbagħad qatt ma għamel vjaġġ f’qalbu.
  • Kemm nies jmutu… minħabba l-ikel fost affarijiet oħra..il-biċċa hi li x’imkien biż-żejjed..x’mkien iehor bin-nieqes.
  • Kemm hawn min meta kien għadu tifel kien jibni l-kastelli bir-ramel u llum li kiber ..baqa’ imwebbel bihom.

U ma nindunawx li ż-żmien jkun għaddej minn fuqna…il-fenominu tal-arloġġ li ma jiqafx ! Ifhem qed ngħixu fi zmien fejn donnu drajna x’irridu naraw jew ninjoraw…forsi għalhekk inbatu wkoll biex nifhmu u naraw lil Alla….għax dejjem f’binari differenti :…aħna jekk tinħaq ħmara nidħku, imma Alla jitgħaxxaq biha… aħna anki n-nuċċali tal-ħajja differenti…. aħna l-bnedmin noħolqu l-ajruplani..imma Alla joħloq l-għasafar. Bħalma ma nindunawx ukoll kemm drabi…wara l-ħlewwa jinkixef il-morr, il-pjaċir jinbidel fi dwejjaq, il-gost f’imrar, il-ħbieb f’għedewwa, is-saħħa f’mard, l-imħabba f’mibgħeda, il-ħajja f’mewt. U zidu ma’ dawn kull ħaġa li zzommna ‘l isfel, mgħaffġa/fgati : rutina, xogħol, mard, diżappunti, kantaliena sħiħa ta’ negattivita’, xi umiljzzjoni, weġgħa, anki ċerti affarijiet li tara madwarek li tħosshom : bħal meta tara (a) it-tajjeb jbati minħabba l-ħazen, (b) meta frott id-dlam (piki, vendetti, għira) jitħassru relazzjonijiet u proġetti, (c) meta tara l-mewt għal xejn, (d) l-ipokrezija, il-gidba, interessi vestiti, l-opportuniżmu, eċċ.

»


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.