Mument sabiħ...il-Festa Familja Agostinjana 2022

Festa Familja Agostinjana 2022

“Inħallu t-tmun f’idejn Alla għax Hu biss jaf x’għandna bzonn” Inez Casolani, Terzjarja Agostinjana

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Provinċjali tal-lajċi Agostinjani, organizzat il-Festa Familja Agostinjana 2022 f’Għawdex.

Sebgħin lajk u lajka mill-komunitajiet Agostinjani tal-Belt, ta’ Ħal Tarxien, ta’ Paceville u San Ġiljan, flimkien ma’ xi membri tal-Fraternità Agostinjana Sekulari, ltaqgħu ċ-Ċirkewwa biex jaqbdu l-vapur tad-9.00 am. Meta waslu Għawdex baqgħu sejrin għand is-Sorijiet Agostinjani f’Għajnsielem. Hemmhekk kellhom żewġ taħditiet interessanti.

Is-Sinjura Stephanie Quintano, President tal-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, tkellmet fuq din il-koppja qaddejja ta’ Alla, li kienu Terzjarji Agostinjani. Għal din it-taħdita kienu prezenti wkoll Suor Cecilia Casolani, l-unika wild tal-koppja Casolani, u s-Sur Anton Quintano, Viċi Postulatur tal-kawza ta’ beatifikazzjoni ta’ din il-koppja.

Wara waqfa għall-kafè, il-lajċi kellhom taħdita oħra, din id-darba dwar il-Qaddej ta’ Alla, Fra Grazzja Gauci, reliġjuż Agostinjan. Din it-taħdita saret mis-Sur Eman Bonnici, li kien kiteb il-biografija ta’ Fra Grazzja. Tajjeb ngħidu li l-postulatur ta’ dawn iz-zewġ kawzi ta’ beatifikazzjoni huwa l-Agostinjan, Patri Josef Sciberras OSA. 

Wara l-lajċi nizlu Marsalforn għall-ikel f’restaurant hemmhekk. Kien mument sabieħ fejn il-lajċi, ġeddew il-konoxxenzi u l-ħbiberiji ma’ xulxin wara sentejn pandemija fejn il-Kummissjoni ma setgħetx torganizza attivitajiet bħal dawn. Minn Marsalforn, il-lajċi marru l-Għarb, fis-Santwarju ta’ Pinu, post għall-qalb kulħadd, bla dubju anke għall-qaddejja ta’ Alla l-koppja Casolani, imma b’mod speċjali għall-qaddej ta’ Alla, Fra Grazzja Gauci OSA, li kien mill-Għarb. Hemmhekk l-lajċi ħadu sehem fil-quddiesa, ċċelebrata mill-Provinċjal, P. Leslie Gatt OSA.

Grazzi għall-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, l-Festa Familja Agostinjana 2022, kien mument sabiħ fejn kull min kien preżenti reġa’ ħassu parti mill-Familja Agostinjana, bħalma kienu parti minn din il-Familja Fra Grazzja, u Henry u Inez Casolani.

 

Fr Franco Grech OSA

Assistent Reliġjuz – Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.