Agħtina l-ilma tal-ħajja li taf tagħti inti biss, u li fina jinbidel “f’inbid”...

It-Tieni Ħadd matul is-Sena C

Isaija 62:1-5; Salm 95; Korintin 12:4-11; San Ġwann 2:1-11

Aqra’: F’dak iż-żmien, sar tieġ f’Kana tal-Galilija, u omm Ġesù kienet hemm. Ġesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu. Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Ġesù qaltlu: “Ma għandhomx inbid”. U Ġesù qalilha: “X’hemm bejni u bejnek, mara? Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”. Omm Ġesù qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu”. Issa kien hemm sitt ġarar tal-ħaġar, imqiegħda hemm għar-rit tal-purifikazzjoni tal-Lhud, kull waħda minnhom tasa’ xi mitt jew mija u għoxrin litru. Ġesù qal lill-qaddejja: “Imlew il-ġarar bl-ilma”. U dawk imlewhom sax-xifer. Imbagħad qalilhom: “Issa ħudu minnu u newluh lil dak li qiegħed jieħu ħsieb il-mejda”. U huma marru jagħtuhulu. Hu daq l-ilma mibdul fi nbid; u billi ma kienx jaf mnejn ġie, għalkemm il-qaddejja li ħadu mill-ilma kienu jafu, sejjaħ lill-għarus u qallu: “Kulħadd l-inbid it-tajjeb iservi l-ewwel; meta mbagħad ikun ħadhom iġibu dak li jkun inqas tajjeb. Imma int l-inbid it-tajjeb erfajtu sa issa”. Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel wieħed fost is-sinjali tiegħu. Bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih.

Riflessjoni: Ir-reliġjon mgħallma mir-Rabbini Lhud ta’ żmien Ġesu’ kienet tikkonsisti f’kemm jirnexxilek tikseb merti quddiem Alla billi tosserva b’mod skrupluż il-liġi tiegħu. Aħna faċilment naqgħu għat-tentazzjoni li kellu l-poplu ta’ Israel...nagħmlu dak li nagħmlu għax bilfors, biex mingħalina ser niksbu merti quddiem Alla. U nispiċċaw niddejqu, nirribellaw...u nitilqu.

Meta l-quddiesa ssir biss ritwal u mhux esperjenza li niġu għaliha bil-qalb, bil-ferħ, bl-entużjażmu... ikun spiċċalna “l-inbid”.

Meta dak li għandna nagħmlu fil-Knisja, fil-familja, fuq ix-xogħol nagħmluh bil-fors, bla qalb, bla ħeġġa, mdejqin...ikun spiċċalna “l-inbid”.

Jekk nindunaw li f’xi qasam tal-ħajja tagħna spiċċalna “l-imbid”, ħa nagħmlu bħal Marija nduru lejn Ġesu’ u ngħidulu bil-fidi: Spiċċalna l-inbid. Ħa nifhmu li l-ilma tal-ħajja jiġi biss min Ġesu’ permezz tat-talb, tas-sagramenti, tas-smiegħ attent u l-qari tal-Kelma ta’ Alla. Meta nixorbu mill-ilma li jagħtina Hu, dak l-ilma jsir fina “inbid”...isir fina mħabba, ferħ, entużjażmu.

Itlob: Mulej nixtiequ nistiednuk fil-komunita’ nisranija tagħna, fil-familja tagħna, fuq il-post tax-xogħol tagħna, kull fejn inkunu. Hekk inkunu nistgħu naraw kemm int tajjeb, ġeneruż u kreattiv. Agħtina l-ilma tal-ħajja li taf tagħti inti biss, u li fina jinbidel “f’inbid”.

Agħmel: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu”...mhux bil-fors, imma bil-qalb, bl-imħabba, bil-fidi u bil-ħeġġa.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.