Ir-Ritrattazzjonijiet, Ktieb ġdid ta’ Santu Wistin bil-Malti

Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada kif ippubblikat ‘Ir-Ritrattazzjonijiet’, li hija kitba ta’ Santu Wistin dwar kitbietu maqluba għall-Malti u ppreżentati mil-Professur P. Salvino Caruana OSA. Il-ktieb ikompli mas-sensiela ta’ xogħolijiet ta’ Santu Wistin li tana P. Salvino tul is-snin, u huma ta’ siwi kbir għall-istudju dwar il-ħajja, il-kitba, u l-wirt li ħallielna l-isqof kbir duttur tal-Knisja. Din hija filfatt biċċa ħidma letterarja ta’ ċertu toqol li ħadet madwar sentejn ta’ ħidma.

Fiż-żewġ kotba tar-Ritrattazzjonijiet, S. Wistin, tana għamla ta’ stqarrija oħra, din id-darba mhux dik dwar xi qagħdiet ta’ ħajtu,  bħalma b’umiltà morali mill-iprem tana fl-Istqarrijiet, iżda dik dwar kitbietu. Fihom, huwa stqarr fejn seta’ fisser ruħu aħjar, fejn sewwa xi ħsibijiet teoloġiċi u oħrajn, jew ċaħad xi aspetti f’kitbietu tul l-40 sena ta’ ħidma tal-pinna. Hekk Wistin, b’sens ta’ umiltà mill-ikbar u b’biċċa xogħol unika fix-xejra tagħha, ta’ 72 sena, reġa’ ta’ daqqa t’għajn lejn il-kotba kollha li kien kiteb sa mis-sena 383 WK. F’moħħu kellu li jagħmel l-istess ħaġa għall-priedki tiegħu kollha, kif ukoll għall-ittri kollha li kien kiteb, imma laħaq miet.

Is-siwi kbir ta’ dawn iż-żewġ kotba huwa magħruf u mfaħħar minn għadd ta’ kittieba nsara tal-ewwel sekli. Il-kotba tar-Ritrattazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala daħla għall-kitbiet kollha li tal-istess Wistin ta’ Ippona, tul l-erbgħin sena ta’ ħidma tal-pinna li biha huwa qeda lill-Knisja u lill-bnedmin. Huma biċċa xogħol li  jixraq li titniżżel fl-ewwel post fil-lista tal-kitbiet tad-Duttur Afrikan tal-Knisja Kattolika.

Il-Ktieb jista’ jinkiseb għall-prezz ta’ €18 mingħand P. Salvinu, Kunvent S. Wistin Triq l-Ifran, il-Belt Valletta (m. 7929 4177); mill-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex; kif ukoll mid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan (m. 79515371 e-mail. This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.