Żjara Fraterna lill-aħwa Agostinjani fil-Brażil

F’dawn il-ġranet, il-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. qed jagħmel żjara fraterna lill-aħwa Agostinjani fil-Brażil. Fost l-aħwa agostinjani hemmhekk hemm tliet aħwa Brażiljani li wara t-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana tal-Brażil għaxar snin ilu, baqgħu affiljati mal-Provinċja ta’ Malta waqt li jaħdmu fil-Provinċja l-ġdida tal-Brażil.

Fl-1962 l-aħwa Maltin bdew il-ħidma missjunarja tal-Provinċja Agostinjana Maltija fil-Brażil u tul is-snin ħadmu f’diversi parroċċi fi stati differenti ta’ dan il-pajjiż enormi. Hemmhekk il-patrijiet Maltin, bil-għajnuna ta’ tant benefatturi Maltin bnew knejjes, kunventi u anke Dar ta’ formazzjoni. Fil-Brażil kienu jaħdmu ukoll diversi agostinjani Spanjoli u biż-żmien bdew jiżdiedu anke l-vokazzjonijiet Brażiljani. Għaxar snin ilu twaqqfet il-Provinċja Agostinjana tal-Brażil u d-delegazzjoni Maltija appoġġjat il-proċess tat-twaqqif u għaddiet kollox lill-Provinċja l-ġdida .

F’dawn il-ġranet il-Provinċjal iltaqa’ mal-Provinċjal tal-Provinċja tal-Brasil, P. Mauricio Jose Manosso Rocha O.S.A. u qed ikollu laqgħat ukoll mal-aħwa Brażiljani li huma affiljati fil-Provinċja ta’ Malta. Huwa qed iżur ir-realtajiet differenti li fihom ħadmu l-Maltin u anke diversi proġetti tal-Provinċja Brażiljana inkluż diversi kulleġġi.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.