Mument ta' Talb

Festa Tal-Konverżjoni ta’ Santu Wistin

24 ta’ April, 2020

   

  1. Innu tal-bidu

 

  1. Is-Sinjal tas-Salib

 + Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

R/. Ammen.

 

  1. Introduzzjoni

 Il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin: ftuħ bla kundizzjoni għall-Mulej – bidla radikali: fiduċja totali u disponibbiltà – Imħabba bla tarf għal Alla tiftaħna għat-tama – F’dan iż-żmien tal-pandemija npoġġu lilna nfusna fl-idejn ħanina ta’ Kristu Rxoxt.

 

  1. Talba ta’ Santu Wistin

 L-ewwel qarrej: O Alla ħallieq ta’ kollox, agħtini l-ewwel li nsejjaħlek fis-sewwa; imbagħad li nkun mismugħ minnek; u fl-aħħar li tifdini. O Alla li minnek ġej kollox, li mingħajrek ma hemm xejn. O Alla li lanqas tippermetti li jintilfu dawk li jfittxu li jeqirdu lil xulxin. O Alla li mix-xejn ħlaqt din id-dinja, li għajnejn kulħadd jintebħu kemm hi sabiħa. O Alla li ma tagħmilx il-ħażen, iżda tippermettih sabiex jiġi evitat ħażen ikbar.

It-tieni qarrej: O Alla li int maħbub min kull min jista’ jħobb, konxjament jew le. O Alla li fik kollox jeżisti, u madankollu dak li hu sfigurat fil-ħlejjaq mhux ikrah, dak li hu ħażin ma jġibx ħsara, u lanqas l-iżball ma jqarraq. O Alla missier il-verità, missier il-għerf, missier il-ħajja vera u sħiħa, missier il-kuntentizza, missier it-tajjeb u s-sabiħ, missier id-dawl intelliġibbli, missier il-qawmien u l-illuminazzjoni tagħna, missier ir-rahan li jwiddibna sabiex nerġgħu lura lejk.

L-ewwel qarrej: O Alla li jekk nitbiegħdu minnek, naqgħu; jekk nersqu lejk, inqumu; jekk nibqgħu fik, inżommu sħiħ. O Alla li jekk nitilquk, inċedu; jekk nerġgħu lura lejk, nieħdu l-ħajja mill-ġdid; jekk ngħixu fik, aħna ħajjin. O Alla ħadd ma jitbiegħed minnek, jekk mhux għax imqarraq; ħadd ma jfittxek, jekk mhux għax imwissi; ħadd ma jsibek, jekk mhux għax imsoffi. O Alla li titilqek, ifisser li tintilef; li tagħti kasek, ifisser li tħobb; li tarak, ifisser li jkollok lilek. O Alla li tqanqal il-fidi, tħeġġeġ it-tama, li tgħaqqadna l-imħabba.

It-tieni qarrej: Fejjaqli u iftaħli widnejja, sabiex nisma’ leħnek. Fejjaqli u iftaħli għajnejja, sabiex nara s-sinjali tiegħek. Biegħed minni l-mard, sabiex ngħarfek mill-ġdid. Għidli fejn għandi nkun għassa, sabiex narak, u nittama li nagħmel dak kollu li tikkmanda. Jekk hu bil-fidi, li dawk li kienu tbiegħdu minnek jerġgħu lura lejk, agħtina l-fidi; jekk bil-virtù, agħtina l-virtù; jekk bix-xjenza, agħtina x-xjenza. Żid fija l-fidi, żid it-tama, żid l-imħabba.

L-ewwel qarrej: Kulma jsaħħaħ lil ġismi li jmut, sakemm ma nafx kif jista’ jkun ta’ utilità għalija, jew għal dawk li nħobb, jiena nħalli f’idejk, Missier l-iktar għaref u kbir; u meta jiġi l-waqt, urini int x’inhu l-aħjar. Lilek nitlob o tjubija waħdanija u li tgħaxxaq! Ammen, ammen.

 (Solilokwiji 1,1,2-3.5-6)

 

  1. Silenzju qasir (wara kull paragrafu jew fl-aħħar)

 Wieħed jista’ wkoll jinkludi dawn l-antifoni wara kull paragrafu:

 

“Tard jien ħabbejtek, O Sbuħija eterna, tard jien ħabbejtek, Sbuħija antika u daqshekk ġdida!”

 

“Ubi caritas et amor, Deus ibi est”

 

“Misericordias Domini, in aeternum cantabo”

  

  1. Nitolbu flimkien:

 

Missierna…

Sliema…

Glorja...

  

  1. Talba:

 + O Alla ħanin u li tista’ kollox, serħan fl-għejja tagħna, tisħiħ fid-dgħufija tagħna, konfort fid-dwejjaq tagħna. Aħna niġu għandek nitolbuk ħniena, għax sal-lum inħossu d-dgħufija umana fil-preżenza ta’ din il-pandemija virali. Isma’ t-talb li qed nagħmlulek bl-interċessjoni ta’ Santu Wistin, ikkonsla l-uliedek, eħlisna mid-deni u iftħilna qalbna biex inkunu nies ta’ tama.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla wieħed, għal dejjem ta dejjem.

R/. Ammen.

  1. Barka

 

+ Il-Mulej magħkom.

R/. U miegħek ukoll.

 

+ Iberikkom Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

R/. Ammen.

 jew:

 + Iberikna l-Mulej, iħarisna minn kull ħażen u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

R/. Ammen. 

  1. Innu tal-aħħar

 

Niżżel dan il-mument ta' talb:

Nitolbu flimkien ma' Santu Wistin



Il-Provinċja Agostinjana Maltija qiegħda trodd ħajr lil Alla f’għeluq il-50 sena mill-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Knisja deddikata lil San Nikola ta’ Tolentino, f’Ħal-Tarxien li ġrat nhar it-18 ta’ April 1970. Huwa b’dispjaċir li niċċelebraw ħamsin sena ta’ tant servizz u ċelebrazzjonijiet, f’ċirkustanzi fejn l-attività f’din il-Knisja, bħal f’tant Knejjes oħra kellha titwaqqaf minħabba l-pandemija li laqtet lid-dinja. Żgur imma li huwa mument li jpoġġi quddiemna l-memorja  ta’ tant reliġjużi u lajċi li servew u ċċelebraw il-fidi tagħhom f’dan il-maqdes, waqt li jimlina bl-entużjażmu biex inkomplu nħarsu ‘l quddiem lejn il-mument li fih nerġgħu inkomplu bl-attivita’ pubblika tagħna.

Fil-bidu tas-seklu 20, fis-sit tal-Knisja u l-Kunvent tal-patrijiet Agostinjani, il-qassis ħabrieki Dun Ġwann Mamo kien beda proġett ta’ ħidma maż-żgħażagħ b’kappella ċkejkna u spazji fejn seta’ jsir it-tagħlim tas-snajja. Ftit ġranet qabel ma miet, L-istess Dun Ġwann wera x-xewqa li l-ispazji jgħaddu għand il-Patrijiet Agostinjani bix-xewqa li jkomplu l-missjoni tagħhom fl-inħawi. Fiż-żmien ta’ wara l-gwerra l-ewwel komunita’ Agostinjana bdiet il-ħidma tagħha fil-post billi sservi f’kappella ddedikata lil San Nikola minn Talentino, kunvent għall-patrijiet, u spazji oħra li bdew iservu bħala skola. Sadanitant kien infetaħ anke Oratorju għaż-żgħażagħ tal-madwar. Il-parti tal-bini li għal xi snin laqgħet fiha l-Kulleġġ Santu Wistin, tul is-snin serviet anke bħala youth hostel sakemm fl-1983 il-Patrijiet Agostinjani għaddewha għall-użu tas-Sorijiet Ursolini ta’ Sant’ Angela Merici biex tintuża bħala dar  tat-tfal kif għadha tintuża sa llum.   

Sadanitant fis-snin sittin kien inħass il-bżonn li tinbena knisja ġdida u fit-23 ta’ April 1967 saret iċ-ċerimonja tat-tqegħid tal-ewwel ġebla mill-Provinċjal Patri Ugolin Gatt O.S.A. Fit-18 ta’ April 1970, sar imbagħad l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-binja l-ġdida mill-Asssietnt Ġenerali tal-Ordni Agostinjan P. Rikkardo Quacquarelli O.S.A. Ftit snin wara, il-Knisja imbagħad ġiet ikkonsagrata mill-Arċisqof Mons. Mikiel Gonzi fl-10 ta’ Mejju 1975. Il-knisja reġgħet ġiet irrinovata fl-2005, fl-okkażjoni taċ-ċentinarju ta’ San Nikola ta’ Tolentino. Tul is-snin numru kbir ta’ reliġjużi Agostinjani servew f’din iż-żona f’Ħal Tarxien u għadhom jaħdmu bil-kollaborazzjoni ta’ komunita sabiħa ta’ lajċi impenjati f’diversi inizjattivi pastorali mhux biss fil-Knisja, imma anke fis-sala, fl-Oratorju u fiċ-ċentru tal-katekiżmu.

 


Illum, P. Xavier Mifsud qed jiċċelebra s-sittin sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Sfortunatament iċ-ċirkustanzi mhux ser jippermettulna niċċelebraw dan l-anniversarju lkoll flimkien imma, fil-Komunita’ tar-Rabat, flimkien mal-aħwa li llum jaqsam ħajtu magħhom bħala reliġjuż Agostinjan, P. Xavier ser ikun qed irodd ħajr lill-Mulej ta’ tant snin ta’ Ministeru Saċerdotali.


P. Xavier twieled ir-Rabat fl-1933 u inagħqad mal-familja Agostinjana fl-1952. Wara li temm l-istudji tiegħu huwa kien ordnat Saċerdot fit-2 ta’ April 1960. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu għexhom fil-komunita ta’ Ħal Tarxien, waqt li għallem fil-Kulleġġ Santu Wistin. Imma ftit snin wara, fl-1964 huwa telaq lejn il-Brażil fejn prattikament għex il-ministeru saċerdotali tiegħu. Hemmhekk huwa ta’ l-enerġija pastorali kollha tiegħu billi serva f’diversi komunitajiet u anke kappillan f’diversi parroċċi.

Wara kważi seba’ u erbgħin sena ta’ ħidma missjunarja huwa ġie lura Malta u għex fil-komunitajiet ta’ Santa Rita f’San Ġiljan u ta’ San Mark fir-Rabat fejn għadu jgħxi sa lllum.


Għalkemm minħabba ċ-ċirkostanzi li qed ngħixu, ma nistgħux inkunu fiżikament qrib tiegħu, minn qalbna nawgurawlu ħafna saħħa u ferħ fil-Mulej li tant serva matul ħajtu.

Grazzi P. Xavier.

Ad Multos Annos.

Ritratt: Times of Malta - January 13 2019 - Matthew Mirabelli

 


Għeżież ħbieb,

Iż-żminijiet partikolari li qed ngħixu fihom, irriduċew il-ħajja tagħna għal dak li hu minimu. Jekk ir-Randan kien dejjem joffri stedina biex ninqatgħu xi ftit mir-rutina mgħaġġla tal-ħajja u nħarsu ’l ġewwa fil-qalb tagħna, din is-sena kien mument li fiżikament, qatagħna ħafna aktar milli qatt konna nimmaġinaw. Huma ġranet li poġġewna f’taħlita ta’ emozzjonijiet li jvarjaw minn biża’ u tensjoni għal mumenti aktar ferrieħa fil-preżenza ta’ dawk aktar għeżież jew ta’ xi ħadd li forsi ħaseb fina.

F’dawn iċ-ċirkustanzi xtaqt l-ewwel u qabel kollox nistedinkom biex nagħmlu mil-limitazzjonijiet tal-mument, opportunità. Forsi qatt daqs din is-sena mhu ser ikollna l-ispazju biex nirriflettu fuq il-misteru li dawn il-jiem ipoġġu quddiemna bħala Nsara anke jekk imċaħħda milli niltaqgħu u niċċelebraw flimkien fil-knejjes sbieħ tagħna. Ejjew napprofittaw mill-misteru tat-tbatija u s-salib, mill-opportunità li naqraw il-Kelma, mill-misteru tal-qawmien ta’ Kristu, u nħalluhom ikunu verament vleġeġ qawwija li jmissu l-qalb tagħna. Ejjew insegwu flimkien iċ-ċelebrazzjonijiet mid-djar tagħna permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni u għalkemm fiżikament imbegħdin, inħossu l-preżenza ta’ xulxin f’komunità waħda ta’ fidi.

Dan iż-żmien jistedinna anke nkunu aktar solidari ma’ xulxin. Tkun ħaġa sabiħa li nagħmlu kull sforz biex inżommu lil xulxin fil-ħsieb u t-talb tagħna. Tajjeb li nkomplu nkunu kreattivi biex nużaw kull mezz biex nuru l-viċinanza tagħna lil dawk kollha li bħalissa jinsabu weħidhom jew dawk kollha li jeħtieġu kull forma ta’ għajnuna, minn dik finanzjarja għal dik ta’ ħtieġa konkreta jew ta’ viċinanza fis-solitudni tal-ħajja.

Jekk l-Għid il-Kbir huwa dejjem ċelebrazzjoni ta’ ferħ u tama, din is-sena għandu jkun iż-żmien per eċċellenza biex din it-tama nħalluha tissarraf f’kuraġġ u ferħ ġenwin. F’ċirkustanzi bħal dawn li qed ngħixu fihom faċilment inħossuna emottivament aktar qrib tat-tbatija ta’ Ġesù (u ta’ Ommu Marija). Din hi esperjenza partikolari li għexna b’mod aktar konkret matul dan ir-Randan aħna u nsegwu d-dinja kollha tinħakem ftit ftit minn din il-pandemija u li aktarx ser inkomplu ngħixu għal ftit ġimgħat oħra. Imma ċ-ċelebrazzjoni tal-Għid f’dawn iċ-ċirkustanzi nemmen li għandu jkollha timbru aktar qawwi minn qatt qabel tat-tama li Kristu rebbieħ inissel fil-qalb ta’ kull Nisrani. Il-Misteru tat-tridu tal-Għid isib il-milja tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qawmien mill-Imwiet: Kristu li rebaħ fuq il-mewt u d-dnub. Kristu huwa d-dawl li jibqa’ jurina lil hinn anke quddiem ċirkustanzi li xi drabi jħalluna bla kliem. Nhar is-Sibt mhux ser nagħmlu l-mixgħela tad-dawl fuq iz-zuntier, imma ejjew inħallu d-dawl veru ta’ Kristu jixgħel il-qlub tagħna.

Ix-xewqa tiegħi għalikom f’dawn il-jiem hija li l-esperjenza ċentrali tal-Għid ta’ din is-sena tkun verament messaġġ qawwi ta’ tama għalina lkoll. Jistqarr Santu Wistin, fl-Espożizzjoni għas-Salmi: “F’dan il-mument, it-tama tagħna hija l-ħajja tagħna, fil-futur tkun fl-eternità.” (103, 4, 7) Nawgura li dan il-mument ngħixuh verament f’esperjenza ta’ tama li tibqa’ tissarraf f’aktar pożittività; aktar apprezzament għal dak kollu li aħna u għal dak kollu li għandna; u fuq kollox aktar fidi fi Kristu li qatt ma jħallina weħidna. Aktar ma nimtlew bit-tama, aktar jirnexxilna nwassluha lil dawk kollha li jgħixu madwarna u li jeħtiġuha daqstant f’dan il-mument meta donnu sibna ruħna f’soċjetà mbeżżgħa minn statistika ta’ mard li nistennew kuljum.

Ma’ dan l-awguri nixtieq inwassal il-viċinanza tiegħi u tal-aħwa l-aktar lil dawk minnha li huma vulnerabbli kemm minħabba saħħa u anke età. Nieħu gost nara tant persuni li qed inkunu l-ewwel sinjal ta' tama għal xulxin meta nieħdu ħsieb xulxin, ngħinu lil xulxin u nsegwu d-direttivi b’rispett u mħabba għal xulxin. Nassigurakom li aħna l-aħwa Agostinjani qed inżommukom ħafna f’qalbna u fit-talb tagħna f’dawn il-jiem partikolarment aħna u niċċelebraw iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tridu tal-Għid mingħajrkom. Il-vojt tal-preżenza tagħkom inħossuh imma jekk Alla jrid ma ndumux ma nerġgħu niltaqgħu u nkomplu niċċelebraw il-fidi tagħna flimkien.

Minn qalbi u f’isem l-aħwa kollha nawgura lilkom u lill-familji tagħkom il-ferħ ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt.

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.