Nhar il-Ħamis, 23 ta' Jannar 2020 saret laqgħa għal-lajċi agostinjani fil-Kulleġġ Santu Wistin, il-Pieta'. It-tema tal-laqgħa kienet: Nimxu flimkien żgħażagħ u Anzjani. Din it-tema ħarġet mill-Eżortazzjoni tal-Papa Franġisku: Christus Vivit....frott tas-Sinodu li l-Knisja għamlet dwar iż-żgħażagħ f'Ottubru tal-2018.

Fil-bidu tal-laqgħa saret preżentazzjoni tal-ħajja tal-Beatu Agostinjan Stiefnu Bellesini. Dan il-Beatu huwa magħruf għall-ħidma edukattiva tiegħu mat-tfal u ż-żgħażagħ. Wara tlabna it-talba tal-Għasar. F’dan il-Għasar inqrat silta mill-kitbiet tal-Beatu Stiefnu Bellesini dwar kif għandhom iġibu ruħhom l-għalliema mal-istudenti tagħhom.

Wara t-talb imbagħad Fr. Terence Spiteri osa, tkellem għalxiex iltqajna biex nitkellmu dwar din it-tema. Huwa rrefera għal-Eżortazzjoni fejn il-Papa jikteb li l-anzjani u ż-żgħażagħ għandhom jimxu flimkien.  Fr. Terence imbagħad tkellem dwar għaxar karatteristiċi taż-żgħażagħ tal-lum u kif nistgħu nimxu magħhom fil-ħajja tagħhom.

Tkellem imbagħad is-Sur Roberto Calleja, Youth Worker fil-Junior College. Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu maż-żgħażagħ u kif nistgħu nifhmu iktar liż-żgħażagħ.

Wara tkellem Dr. Andre Debattista, żgħażugħ li jagħti sehmu f’diversi realtajiet agostnjani f’Malta. Huwa tkellem dwar Santu Wistin bħala mudell għaż-żagħżagħ anke llum.

Wara ħadna xi ħaġa flimkien fejn il-lajċi kellhom iċ-ċans jitkellmu bejniethom, kif ukoll mal-kelliema tal-laqgħa.



Bejn il-15 u s-17 ta’ Jannar P. Luis Marin de San Martin, Assistent Ġnereali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għamel żjara fil-Provinċja tagħna. P. Luis Marin huwa l-Assistent Ġenerali responsabbli mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Spanja, l-Italja u Malta, u għadu kif ġie kkonfermat għal perjodu ta’ sitt snin oħra fil-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni ta’ Settembru li għadda.

Ma’ P. Luis Marin, kien hawn anke P. Enrique Martin li bħalissa huwa s-Surmast tan-Novizzjat tan-Nofsinhar tal-Ewropa li qed isir f’Pavia. Kienet xewqa tiegħu li jara r-realtà Agostinjana hawn f’Malta u jiltaqà mal-aħwa Maltin.

l-Erbgħa 15 ta’ Jannar ħadu sehem f’laqgħa għall-aħwa kollha li kienet ukoll parti mill-preparazzjoni għall-Assembleja Provinċjali Intermedja li ser issir f’April li ġej. P. Luis Marin filfatt ser ikun qiegħed jippresiedi l-istess Assemblea. Il-laqgħa kienet animata minn Fr Paul Chetcuti s.j. u fiha tkellimna dwar id-dixxerniment fl-għażliet li rridu nieħdu fil-futur.  Fl-aħħar tal-laqgħa P. Luis Marin kellu ċans anke jsellem u jaqsam xi ħsibijiet mal-aħwa miġbura. F’laqgħa li kellhom il-Ħamis 16 ta’ Jannar mal-Kunsill Parovinċjali imbagħad, P. Enrique ippreżenta r-realtà tan-novizzjat bħalissa, waqt li ma’ P. Luis Marin tkompla mument ta’ qsim dwar il-qagħda u l-isfidi tal-Provinċja llum.


Nhar l-Erbgħa 8 ta’ Jannar il-fdalijiet tal-Kardinal Grech waslu Malta. Fl-4:30 pm, beda korteo funebri l-Birgu, fejn twieled u tgħammed, imbagħad kien iċċelebrat mument ta’ talb fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Lawrenz. Fis-6pm, il-korteo telaq mill-Birgu lejn il-kunvent tal-Agostinjani ta’ San Mark, ir-Rabat.

L-għada filgħodu, il-Ħamis 9 ta’ Jannar, bejn id-9am u nofsinhar, il-fdalijiet tal-Kardinal Grech tqiegħdu fil-kappella tal-kunvent għall-qima tal-pubbliku. Fis-1:40pm, it-tebut ittieħed fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina, u fis-2pm saret quddiesa praesente cadavere b’suffraġju għall-Kardinal, ippreseduta mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Flimkien mal-Arċisqof ser jikkonċelebraw l-Arċisqof Alessandro D’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; l-Isqof Mario Grech, Amministratur Appostoliku tad-Djoċesi ta’ Għawdex; l-Isqof Joseph Galea-Curmi; u l-Isqof Pawlu Darmanin, Isqof Emeritu tad-Djoċesi ta’ Garissa, il-Kenja.

L-Ordni Agostinjan kien irrappreżentat mill-Vigarju Ġenerali, Patri Joseph Farrell, flimkien mal-Assistent Ġenerali Patri Edward Daleng. Il-Provinċja Agostinjana Maltija kienet preżenti mill-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt u għadd ta’ reliġjużi oħra tal-Provinċja.

Il-kongregazzjoni kienet immexxija mill-President ta’ Malta Dr George Vella. Wara l-Quddiesa, id-difna kompla f’forma privata.




94 sena ilu, ta’ tarbija tawh l-isem ta’ Stanley, imma aħna l-maġġorparti tagħna, nafuh bl-isem li għażlulu bħala reliġjuż: Prospero. Dan l-isem jiġbor fil-qosor kemm jista’ jkun f’kelma waħda s-simpatija li tattira l-memorja ta’ bniedem kbir, tal-Kardinal Prospero Grech.

Hu kellu l-grazzja mingħand il-Mulej li jirċievi s-sejħa li jimxi wara Ġesù mill-qrib. Ġesù fuqu quddiem il-Missier, jista’ jgħid li hu jsib il-glorja tiegħu permezz tal-qaddej tiegħu Prospero. “Dak kollu li hu tiegħi huwa tiegħek u dak li hu tiegħek huwa tiegħi u jien igglorifikat permezz tagħhom” (Ġw 17:10). Aħna nistgħu ngħidu b’sens kbir ta’ fiduċja li Ġesù gglorifikat fil-Kardinal Prospero.

Is-simpatija ta’ Prospero ġejja wkoll mill-kapaċità tiegħu li jkun bniedem tassew liberu, l-ironija tiegħu anke bih innifsu u b’dak kollu ta’ madwaru, imma l-ħarsa tiegħu mimlija simpatija lejn pajjiżu, lejn il-Knisja li tant ħabb u kien jafha tajjeb minn ġewwa bid-dlamijiet u d-dawl tagħha, kienu jirrenduh tassew għaref, bniedem li kapaċi japprezza l-umanità u jitbissmilha. Jagħraf id-dinjità ta’ kull bniedem mingħajr ma jinsa d-dgħufija tiegħu.

Dak li kien jolqtok fih, nimmaġina li huwa dak li kien jolqot f’ħafna nies, li kienu jiltaqgħu ma’ Ġesù: il-fatt li hu kien kapaċi jitkellem b’awtorità, l-awtorità ta’ min jitkellem mill-qalb. Anke kumment ċkejken tiegħu, kultant b’xi kritika ħelwa li tolqtok bħal żiffa u tibqa’ għaddejja, kont tkun taf li l-kumment tiegħu jolqtok u jgħaddi, ma jumiljakx imma għax wara hemm volontà kbira li tixtieqlek il-ġid. Meta kien jitkellem dwar Malta, bħal meta kien jitkellem dwar il-Knisja, għajnejh kienu jilmgħu bl-imħabba imma b’realiżmu profond.

Il-kelma ta’ Bin Sirak tant toqgħod għall-Kardinal Prospero: “Ibni, minn ċkunitek agħżel li titgħallem u sa ma jibjad xagħrek issib l-għerf” (Sir 6:18). Prospero ma twilidx għaref imma sar għaref. U kellu l-għerf tassew ta’ min jaf li biex tkun għaref trid titgħallem u trid taqdef u tistinka. Min jaf kemm għaddew studenti minn taħt idejh u sabu fih bniedem ta’ dixxiplina – wara kollox l-esperjenza tal-militar ma nesieha qatt – imma sens kbir ta’ rġulija, ta’ rettitudni u ta’ mħabba kbira lejn kull bniedem.

M’ilux il-Kardinal Ladaria fakkarni li darba minnhom kien qiegħed jaqsam il-Pjazza San Pietru u ltaqa’ mal-Kardinal Prospero u qallu: ‘Eminenza’ u l-Kardinal Prospero, tipikament Prospero qallu: ‘Ma non dire parolaccie’. Dan is-sens ta’ ironija ma kienx ifisser li hu ma laqax b’umiltà u b’ferħ kbir id-deċiżjoni tal-Papa Benedittu li elevah għad-dinjità ta’ Kardinal. Wara kollox hu kien it-tieni kardinal fl-istorja ta’ pajjiżna u l-ewwel wieħed bil-kunjom Grech, imma kienet din is-sens ta’ ironija li tħallih liberu.

U din il-libertà tgħallimha fl-iskola tal-ħajja reliġjuża, li fil-voti reliġjużi toftom il-bniedem mill-kilba għall-poter permezz tal-ubbidjenza, mill-kilba u r-regħba taż-żina permezz tal-kastità, u mir-regħba tal-flus permezz tal-faqar. Imma Prospero kien l-ewwel wieħed li jifhem li l-ideal huwa għoli u l-ħajja bil-fallimenti tagħha tumiljak. U għalhekk għandna bżonn tal-ironija li ma neħdux lilna nfusna b’ħafna serjetà, imma dejjem bit-tbissima realista.

Wara kollox hu obda l-kliem qaddis tal-ktieb ta’ Bin Sirak u fih seħħet ukoll il-kelma tal-profezija: “Il-madmad tal-għerf tiżjin tad-deheb u lġiemu ħabel tal-porpra” (Sir 6:30). Hu u jitlibbes il-porpra fl-2012 mill-Papa Benedittu seħħet fuqu din il-kelma ta’ Bin Sirak, fuq qaddej li kien ta ħajtu biex iwassal lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ tal-Knisja ta’ wara l-Konċilju, xewqa kbira tal-isqfijiet li aħna nerġgħu niskopru l-għajn safja tal-missirijiet tal-Knisja.

flimkien ma’ sħabu l-Agostinjani waqqaf l-Istitut Patristiku u ħeġġeġ lill-ġenerazzjonijiet ġodda, lilna, biex napprezzaw il-wirt sabiħ tal-missirijiet tal-Knisja. U f’dan is-sens kien wild tassew dehen ta’ Santu Wistin, li tant kien iħobb u għandu wieħed xi jħobb fl-Isqof ta’ Ippo. Dan il-ġgant tal-Knisja sab fi Prospero qaddej kbir li wassal l-għerf tiegħu lill-Knisja.

“Hemm xi ħadd għaref u għaqli fostkom? Ħa juri bl-imġiba tajba tiegħu għemilu bi ħlewwa għaqlija” (Ġak 3:13). Dawn iż-żewġ kelmiet ħlewwa għaqlija jiġbru wkoll it-tratti tal-Kardinal Prospero ma’ kull wieħed u waħda minna.

Insellmulu wkoll f’mument iebes fl-istorja ta’ pajjiżna, ma beżax jidħol bħala intermedjarju u jfittex triqat ta’ rikonċiljazzjoni. Il-ġesti tiegħu ma nftehmux u hu kellu jħallas il-prezz, imma l-Mulej għandu ż-żmien u s-siegħa tiegħu.

Nirringrazzjawh ukoll talli bil-fotografija tiegħu melles kemm-il rokna ta’ pajjiżna, tal-Italja li tant kien iħobb u pprova jiġbor is-sbuħija fl-espressjoni artistika tiegħu. Il-lambretta tiegħu ma nafx fejn spiċċat. Min jaf kemm dera. Niftakru meta sar Kardinal, qalli: ‘Qaluli għax Kardinal ma nistax insuq iżjed il-lambretta’. Ovvjament mhux għax Kardinal biss, għax kien ukoll misjur fl-età. Immaġinaw il-headlines: Cardinale si schianta con il motorino!

Nixtieq inkun naf x’qal Santu Wistin meta Prospero daħal fl-eternità, imma mhux mogħti lilna. Mogħti lilna li aħna minn hawnhekk nitolbu b’suffraġju għal ruħu, imma wkoll nirringrazzjaw lil Alla tad-don li tana fi Prospero, il-Kardinal Grech u nitolbu biex hu jinterċedi għalina fil-misteru kbir tax-xirka tal-qaddisin.

Agħtih, o Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem.

Ammen.





Ħajr lil Arċidjoċesi ta’ Malta

Church.mt

 


Il-Ġimgħa 3 ta’ Jannar 2020, fil-Kulleġġ Santu Wistin, Tal-Pietà, kien imniedi l-ktieb ‘festschrift’ “Non laborat qui amat” ad unur Rev. Prof. Salvino Caruana OSA fl-okkażjoni ta’ għeluq is-70 sena tiegħu.

Il-ktieb jinkludi ħmistax-il kitba dwar il-ħajja ta’ Santu Wistin, teoloġija u filosofija. Hemm messaġġi ta’ awguri mill-mibki Kardinal Prospero Grech OSA, mill-Kardinal Gianfranco Ravasi, mill-Pirjol Ġenerali Agostinjan Patri Alejandro Moral Antón OSA u l-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt OSA.

L-edituri ta’ “Non laborat qui amat” huma r-Rev. Dr Jonathan Farrugia, ir-Rev. Prof. Hector Scerri u s-Sur Andre Debattista. Patri Salvino Caruana kien Professur tal-Patristika fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u d-Direttur tal-Istitut Agostinjan (Malta). Ingħaqad mal-Ordni ta’ Santu Wistin fl-1968 u kien ordnat saċerdot mill-Papa San Pawlu VI fl-1975. Huwa l-awtur ta’ bosta kotba u pubblikazzjonijiet fuq Santu Wistin u l-Ispiritwalità Agostinjana. Matul il-karriera distina tiegħu, ta sehmu fit-traduzzjoni għall-Malti ta’ numru ta’ xogħlijiet ta’ Santu Wistin.

Il-ktieb fih ħames temi; “Teoloġija, Kristoloġija u Marjoloġija”, “Antropoloġija”, “Ħajja Nisranija”, “Il-Konverżjoni ta’ Santu Wistin” u “Ħidma Pastorali”.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.