Patri Prospero, twieled il-Birgu nhar l-24 ta’ Diċembru 1925, minn Vincent u Amelia nee Gatt u ngħata l-isem ta’ Stanley. Ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola Mater Boni Consili, ir-Raħal il-Ġdid u St. Catherine’s Tas-Sliema, u kompla l-edukazzjoni sekondarja fil-Liceo.

Fl-1943 inagħqad mal-Ordni Agostinjan fejn ingħata l-isem ta’ Prospero, u agħmel l-ewwel sentejn ta’ studju tal-Filosofija fil-Kulleġġ Teoloġiku Agostinjan fil-kunvent tar-Rabat. Fl-1946 intbagħat Ruma fejn kompla l-istudju tat-teoloġija fil-Kulleġġ Internazzjonali Santa Monika, u fil-25 ta’ Marzu 1950 kien ordnat saċerdot fil-Bażilika tal-Lateran.

Wara l-ordinazzjoni kompla l-istudju tat-teoloġija fl-Universita Pontifiċja Gregorjana fejn fl-1953 kiseb id-dottorat bit-teżi ‘The Atonement and God in Modern English Theology’. Wara kompla jistudja l-iskrittura fl-istitut Pontifiċju Bibliku ta’ Ruma sakemm fl-1952 intbagħat Malta fejn kien jgħallem fil-Kulleġġ Teoloġiku Agostinjan u fil-Mater Admirabilis Training College, ir-Rabat. Fl-istess żmien huwa serva bħala responsabbli tal-formazzjoni tal-istudenti Agostinjani. Fl-1957 inagħta Scholarship fl-univerista ta’ Oxford fl-istudju tal-lindwa Ebrajka u fl-edukazjoni u aktar tard kien mistieden jaħdem flimkien mal-Professur A. J. Arberry fl-istudju li kien qed jagħmel fl-Universita ta’ Cambridge dwar il-Letteratura Maltija u l-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila. Fl-1959 reġa lura fil-Komunità Agostinjana tar-Rabat, fejn għal sentejn oħra impenja lilu nnifsu fit-tagħlim.

Lura Ruma fl-1961, kompla l-istudju tiegħu fl-iskrittura waqt li beda jiddistingwi lilu nnifsu kemm fil-qasam akkademiku, imma anke permezz ta’ ħidmiet oħra fil-Vatikan. Fost l-oħrajn mal-wasla tiegħu Ruma kien nominat segretarju tal-vigarju tal-qdusija tiegħu il-papa għall-belt tal-Vatikan

Fil-bidu tas-snin sebgħin kien ko-fundatur tal-Istitut patristiku Augustinianianum, u ġie maħtur bħala l-ewwel president tiegħu. Barra fl-istess istitut Augustinianum, tul is-snin kompla jagħti l-kontribut tiegħu fil-qasam akkademiku f’diversi universitajiet oħra, fosthom l-Istitut Pontifiċju Bibliku, L-Universita Pontifiċja tal-Lateran u l-LUMSA. Huwa wkoll l-awtur ta’ lista twila ta’ artikli u kotba.

Fl-1984 kien nominat Konsultur tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, fl-1998 Visitatur Appostoliku għas-seminarji fl-India, bejn l-2002 u l-2003 membru tal-Kummissjoni ekumenika għal diskussjonijiet mal-Ortodossi f’Sofia, fl-2003 membru tal-Akkademja Pontifiċja Teoloġika u fl-2004 membru tal-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika.

Minkejja l-involviment dirett tiegħu fil-qasam akkademiku, li bla dubju ta’ xejn jeħodlu ħafna mill-ħin u l-enerġija, P. Prospro kien dejjem presenza sabiħa fil-komunità Reliġjuża fejn għex u bħala saċerdot fittex dejjem li jwettaq il-ministeru pastorali tiegħu fosthom bħala assistent tar-Rinascita Christiana.

Fis-6 ta’ Jannar 2012, Il-Papa Benedittu XVI ħabbar li P. Prospero, bħala persuna ‘li ddistingwa ruħu fis-servizz lill-knisja’ kien maħtur Kardinal f’konċistorju pubbliku li sar fil-Vatikan fit-18 ta’ Frar 2012. Fid-dawl ta’ din in-nomina, huwa kien nominat anke arċisqof titulari ta’ San Leone u kien  ikkonsagrat isqof fit-8 ta’ Frar 2012 fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.



Illum 30 ta’ Diċembru 2019, aktar kmieni wara nofs in-nhar, l-Emminenza Tiegħu, il-Kardinal Prospru Grech, agostinjan, ħalla din id-dinja fi triqtu lejn dar il-Missier, fl-età ta’ 94 sena.

Il-Kardinal Grech, li kien għadu jgawdi minn ħajja attiva fil-Kulleġġ Internazzjonali Agostinjan S. Monika f’Ruma, fejn għex għal ħafna żmien, ħalla warajh kotra ta’ persuni sogħbina għal din it-telfa u grati għal dak kollu li kien u dak kollu li wettaq matul ħajtu.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija, li tagħha kien iben, tingħaqad mal-Ordni Agostinjan u mal-familjari fin-niket ta’ dan il-mument. 

Informazzjoni dwar il-funeral jingħataw aktar ‘l quddiem.

 

Leslie Gatt  OSA
Pirjol Provinċjali


Nhar is-Sibt 28 ta’ Diċembru, kienet organizzata attività tal-Milied għall-istudenti tat-Tagaste Vok Club tal-kulleġġ Santu Wistin fis-Sekondarja. Wara mument ta’ talb l-istudenti raw film flimkien u wara kien organizzat party żgħir tal-Milied bl-affarijiet li ġabu l-istess studenti. La kien temp tajjeb l-istudenti malajr intefgħu jilgħabu ftit futbol.




Nhar it-Tnejn 30 ta’ Diċembru 2019, wara nofs in-nhar, l-Emminenza Tiegħu, il-Kardinal Prospero Grech, agostinjan, ħalla din id-dinja fi triqtu lejn dar il-Missier.

Il-Kardinal Grech kien għadu kif għalaq l-eta’ sabiħa ta' 94 sena propju lejlet il-Milied. Dakinhar stess ħa sehem fil-quddiesa tal-lejl tal-Milied preseduta mill-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta' San Pietru. Sal-jum qabel il-mewt tiegħu għex għal tant snin fil-Kulleġġ Internazzjonali Agostinjan, Santa Monika, f'Ruma. Ħalla warajh kotra ta’ persuni sogħbiena għal din it-telfa u grati għal dak kollu li kien u dak kollu li wettaq matul ħajtu.

Il-Kardinal Grech jibqa’ bla dubju ta' xejn imfakkar bħala akkademiku għaref u reliġjuż ħabrieki li ta kontribut kbir lill-Familja Agostinjana u lill-Knisja. Fuq kollox kien bniedem li għaraf inissel tbissima simpatika f'dawk kollha li ltaqgħu miegħu. Nitolbu għal ruħu sabiex il-Mulej jagħtih il-premju mistħoqq għal dak li ħadem għalih matul ħajtu.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija, li tagħha kien iben, tingħaqad mal-Ordni Agostinjan u mal-familjari fin-niket ta’ dan il-mument.

Agħtih Mulej il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi fuqu jistrieħ fis-sliem. Amen.


Nhar il-Ġimgħa 27 ta' Diċembru il-Patrijiet ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw il-Milied b’ikla fraterna. Din is-sena kien imiss lil komunità ta’ Ħal Tarxien li tilqa’ lil Patrijiet għall-ikla tradizzjonali. L-Aħwa Agostinjani talbu flimkien u wara komplew jaqsmu l-ferħ u l-awgurju tal-Milied f’ikla fl-Ortatorju Agostinjan.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.