Nhar l-erbgħa 23 t’Ottubru l-aħwa Agostinjani kellhom laqgħa ta’ formazzjoni immexxija minn Dr. Nadia Delicata (delegat tal-Arċisqof għall-Evanġelizzazzjoni). F’din il-laqgħa ir-reliġjużi qasmu ma’ Dr. Nadia Delicata ideat, ħolm u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fir-realtajiet pastorali fejn jaħdmu.

Għall-aktar informazzjoni fuq il-ħidmiet tal-Agostinjani f’Malta idħol fuq http://www.agostinjani.org/mt/min-ahna/osa-harsa-lejn.html




Nhar il-Ħamis 17 t’Ottubru, Dr. Anthony Abela Medici għamel diskors sabiħ ħafna u interressanti fuq l-esperjenza personali u professionali tiegħu waqt ħames esumerazzjonijiet tal-ġsem ta’ l-ewwel qaddis Malti Dun Gorg Preca ddikjarat mill-Knisja. Kien hemm diversi persuni li pparteċipaw għal dan il-mument.


Nhar il-Ġimgħa, 11 t’Ottubru 2019, sar il-ftuħ tas-Sena Akkademika 2019-2020 tal-Istitut Agostinjan. Il-WR Provinċjal P. Leslie Gatt OSA mexxa konċelebrazzjoni Ewkaristika flimkien mal-Professur P. Salvinu Caruana OSA, Direttur, P. Pierre Desira OSA, Ass. Dir., P. Joe Borg OSA, u P. Mario Attard ofm cap. Fost għadd sabih ta’ partiċipanti għall-korsijiet ta’ din is-sena, madwar 40, hemm ukoll is-Sindtku tal-località tal-Pjetà is-Sur Keith Tanti. Din is-sena akkademika sejra tkun sensiela ta’ lezzjonijiet dwar l-Istqarrijiet ta’ S. Wistin mogħtija minn għadd ta’ għalliema universitarji. L-Annual St Augustine Lecture sejjer jinżamm nhar il-Erbgħa, 27 ta’ Novembru 2019 ġewwa l-Università ta’ Malta fis-7pm. Is-suġġett li dwaru sejjer jitħadded il-Professur Martijn Boven tal-Università ta’ Groningen fl-Olanda, ser ikun The Splintered Mind: Augustine’s ingenious response to the problem of Time.


F’Serata li ttellgħet llum 18 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni ta’ Jum Ħal Qormi ġiet esegwita għall-ewwel darba mużika tas-Surmast Agostinjan Qormi P. Ġużepp Spiteri Fremaud. Is-Sinfonija li kienet esegwita llejla ġiet mislufa mill-Arkivju tal-Mużika tal-Provinċja tagħna Agostinjana li jinsab il-Belt Valletta. L-arkivju mużikali tal-Provinċja jiġbor fih patrimonju imprezzabbli, li jinkludi x-xogħolijiet tal-istess Spiteri Fremaud li għex il-parti kbira tal-ħajja reliġjuża tiegħu fl-istess kunvent fil-belt Valletta. Hemmhekk għallem fil-Kulleġġ Santu Wistin proprju fl-ewwel snin tiegħu f’nofs is-seklu 19. Hemmhekk ukoll huwa fetaħ skola tal-mużika  waqt li fis-skiet tal-kunvent ikkompona xogħolijiet mill-isbaħ. Fost l-istudenti tiegħu insibu kompożituri rinomati bħal Paolino Vassallo, Antonio Nani u Ferdinando Camilleri. Huwa kien anke Maestro di Cappella kemm tal-knejjes agostinjani u anke tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, f’Belt twelidu.

Sadanitant fis-serata tal-lejla s-Sindku  S-Sur Renald Falzon ippreżenta lill-Provinċjal tifkira ta’ ringrazzjament għall-kollaborazzjoni tal-Komunità Agostinjana biex dan ix-xogħol seta jittella’. Fuq kollox hija turija ta’ rikonoxximent lejn il-figura ta’ ħuna P. Ġużepp Spiteri Fremaud, iben dehen tal-belt Pinto u tal-Familja tagħna Agostinjana.


Qaddisin Agostinjani: Għalliema u xhieda ta’ L-ispiritwalita’ tagħna

Nhar it-Tnejn, 14 ta’ Ottubru 2019, f’Ħal Tarxien saret laqgħa għal-Lajċi midħla tagħna l-Agostinjani f’Malta u Għawdex. Kienu madwar 90 persuna li attendew minn diversi komunitajiet agostinjani. Kienu preżenti wkoll il-Provinċjal, Fr. Leslie Gatt OSA, il-Pirjol tal-komunita ta’ Ħal Tarxien, Fr. Alan Scerri OSA, u  patrijiet oħrajn.  Fis-6.00 p.m. saret il-Quddiesa fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, u wara l-lajċi nġabru fis-sala tal-Oratorju Agostinjan. Hawnhekk saret introduzzjoni u mument ta’ talb minn Fr. Franco Grech osa, Assistent Reliġjuż fil-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani. Wara saret taħdita dwar it-tema magħżula: Qaddisin Agostinjani: Għalliema u xhieda tal-Ispiritwalita’ tagħna, minn Fr. Josef Sciberras OSA, Postulatur Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. Huwa spjega b’mod ċar u bl-għajnuna ta’ powerpoint kif twaqqaf l-Ordni Agostinjan fis-seklu 13, u u kif matul iż-żmien li ilu mwaqqaf l-Ordni spikkaw il-ħajjiet ta’ qaddisin reliġjużi u lajċi agostinjani. Wara it-taħdita, is-Sur Victor Spiteri, membru tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, għamel xi ringrazzjamenti, u avża li l-laqgħa tal-Lajċi Agostinjani li jmiss ser issir nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Novembru 2019, fis-6.00 p.m., għand is-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-Belt Valletta, fejn hemmhekk ser ikollna l-quddiesa tal-festa tal-Qaddisin kollha Agostinjani. Il-laqgħa spiċċat b’mument soċjali fejn ħadna xi ħaġa tal-ikel u x-xorb flimkien...mument sabieħ fejn il-lajċi midħla ta’ diversi komunitajiet jiltaqgħu u jsiru jafu iktar lil xulxin.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.