Matul din is-sena, ħutna s-sorijiet Agostinjana Servi ta’ Ġesu u Marija qed jiċċelebbraw il-125 sena mill-miġja tagħhom f’Malta u allura 125 sena ta’ ħidma f’dawn il-ġżejjer. L-ewwel sorijiet Agostinjani filfatt ġew mill-Italja f’Awwissu tal-1894 u waqqfu komunità f’Ħal Qormi  fejn fetħu l-ewwel skola għat-tfal żgħar.

Il-missjoni tas-sorijiet Agostinjani hija msejsa fuq il-formazzjoni u l-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Fundatriċi tagħhom, Sor Maria Teresa Spinelli kienet tiġbor tfajliet li ma kellhomx aċċess għall-edukazzjoni fi Frosinone fl-Italja u eventwalment fetħet l-ewwel skola pubblika. Kienet ix-xewqa tal-istess Fundatriċi sa mill-bidu li l-kongregazzjoni tinbena fuq spiritwalita Agostinjana u dan jimmarka r-Rabta bikrija tal-kongregazzjoni mal-Ordni ta’ Santu Wistin.

Dan kien il-bidu ta’ tant snin ta’ ħidma mhux biss fl-Italja u f’Malta imma f’tant pajjiċi madwar id-dinja. Il-kontribut tal-aħwa Maltin li llum jgħoddu madwar mija, huwa strumentali anke fil-ħajja internazzjonali tal-istess Kongregazzjoni.

Bħala parti miċ-ċelebrazzjoninijiet li qed isiru matul din is-sena l-Ħadd li għadda, l-Arċisqof iċċelebra Quddiesa ġiet organizzata ġurnata ta’ attivitajiet li bdiet b’quddiesa preseduta mill-Arċisqof ta’ Malta. Kienet ġurnata li ġabet flimkien lis-sorijiet ma tant kollaboraturi tagħhom u studenti tal-passat u ta’ llum li gawdew mill-impenn ma jaqta xejn ta’ dawn is-Sorijiet.

F’isem l-aħwa tal-provinċja tagħna nawguraw lil ħutna s-Sorijiet ħafna aktar ħidma fl-għalqa tal-Mulej u fil-familja tagħna Agostinjana.



Nhar it-Tnejn 7 t’Ottubru kien organizzat mument sabiħ (Take the Risk) ta’ talb, formazzjoni u logħob għall-istudenti tal-kulleġġ Santu Wistin biex ikompli jsiru jafu lil xulxin u lil Alla.


Matul dawn il-jiem madwar mitt rappreżentant tal-Ordni Agostinjan għadhom għaddejjin bid-diskussjonijiet dwar il-preżenza tagħna fil-knisja u fid-dinja. Nhar it-Tnejn 9 ta’ Settembru l-jum beda bil-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu u wara, l-aħwa nġabru fl-awla kapitulari fejn saret l-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali. B’kollox kien hemm tmenin membru Kapitulari li kellhom id-dritt tal-vot.

P. Alejandro Moral Anton reġa ġie elett bħala Pirjol Ġenerali  għas-sitt snin li ġejjin. Filfatt dan ser ikun it-tieni mandat tiegħu wara li kien ġa qed iservi f’dan l-uffiċċju sa mill-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-2013. P. Alejandro huwa Spanjol u qabel serva f’diversi uffiċċji kemm fil-Provinċja tiegħu u anke fuq livell ta’ Ordni. Mal-aħbar tal-elezzjoni, l-membri Kapitulari nġabru fil-kappella fejn saret it-tħabbira uffiċjali, ittieħed il-ġurament tal-ħatra, tkanta l-innu ta’ Radd il-Ħajr u waqt il-kant tal-Innu lil Santu Wistin, kull reliġjuż preżenti ta’ t-tgħannieqa tal-paċi lill-Pirjol Ġenerali elett.

L-Erbgħa imbagħad ġew eletti l-uffiċjali tal-Ordni fuq suġġerimenti tal-Istess Pirjol Ġenerali. P. Joseph L. Farrell li huwa Amerikan kien ikkonfermat bħala Vigarju Ġenerali tal-Ordni. L-Ewropa ser tkun rappreżentata minn żewġ kunsilliera: P. Luis Marin de San Martin li huwa Spanjol u P. Paul Graham li huwa Ingliż. Il-membri l-oħra tal-Kunsill Ġenerali huma: P. Anthony Banks (Awstraljan), P. Edward Daleng (Niġerjan), u P. Alexander Lam (Peruvjan). P. Pasquale Di Lernia (Taljan) ser ikun is-Segretarju Ġenerali, P. Franz Klein (Ġermaniż) l-Ekonomu Ġenerali u P. Edward Daleng (Niġerjan) il-Prokuratur Ġenerali.

Minn qalbna nawgurawlhom ħidma fejjieda b’risq il-familja tagħna Agostinjana waqt li nwegħduhom it-talb tagħna.


Nhar il-Ħamis 26  u l-Ġimgħa 27 ta' Settembru, fil-Kulleġġ Santu Wistin ġiet iċċelebrata quddiesa għall-istudenti tal-Primarja u Sekondarja flimkien mal-edukaturi u l-ġenituri kollha. Kien mument sabiħ li fih irringrazzjajna lil Mulej għal dak li għamel magħna fis-sajf u offrejnilu din is-sena skolastika li ġejja. 


Il-Ħadd l-1 ta’ Settembru, inagħta bidu għall-Kapitlu Ġenerali Ordinarju 2019 tal-Ordni Agostinjan permezz ta’ quddiesa fil-Bażilika ta’ Santu Wistin Ruma. Dan ser ikun il-186 Kapitlu Ġenerali tal-Ordni u ser jinżamm fil-kurja Ġenerali tal-Ordni biswit il-pjazza ta’ San Pietru.

Il-Kostituzzjonijiet tal-Ordni jindikaw li l-“Kapitlu Ġenerali,li huwa msejjaħ biex jippromwovi l-ġid komuni ta-aħwa reliġjużi, huwa l-avveniment prinċipali fil-ħajja tal-Ordni, għax għandu joffri xhieda tal-Ispirtu Agostinjan waqt li joħroġ b’mod ċar l-għaqda tal-imħuħ u l-qlub. Għaldaqstant, konxji minn din ir-responsabilita, il-membri kollha tal-Kapitlu għandhom ifittxu l-ġid komuni tal-Ordni. (Kost. 408)

Fil-Kapitlu Ġenerali, li jsir kull sitt snin, qed jipparteċipaw madwar mitt reliġjuż minn aktar minn ħamsin pajjiż madwar id-dinja. Malta qed tkun rappreżentata mill-Provinċjal, P. Leslie Gatt u mill-Kunsilier Provinċjali, P. Franco Grech.

Barra mill-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali u l-uffiċjali l-oħra tal-Ordni, il-Kapitli ser ikun qed jiddiskuti: 1) l-Vokazzjonijiet 2)Il-Pjan tal-Formazzjoni tal-kandidati ġodda fl-Ordni 3) L-Ekonomija u l-ġid komuni 4)L-Istrutturi tal-Ordni. 

Il-Papa franġisku ser jiltaqa mal-membri tal-Kapitlu nhar il-Ġimgħa 13 ta’ Settembru. L-Arċisqof Charles Scicluna ser ikun mistieden ukoll biex janima waħda mis-sessjonijiet. 

Jalla l-Ispirtu s-Santu jkun mal-aħwa sabiex inomplu nkunu ta’ servizz lill-Knisja skond il-kariżma u l-ispiritwalita Agostinjana.  


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.