Nhar il-Ġimgħa 27 t’ April intemm il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta li fih ir-reliġjużi inġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. Din il-parti tal-Kapitlu kienet preseduta mil-Assistent Ġenerali tal-Ordni, P. Luis Marin de San Martin.

F’dawn il-jiem ġiet ippreżentata u diskussa viżjoni għall-provinċja b’elenku ta’ erba’ prijoritajiet partikolari. Fis-snin li ġejjin l-aħwa agostinjnai ser ikunu qed jiffukaw b’mod partikolari fuq: Il-ħajja umana, spiritwali u komunitarja tal-aħwa; Iż-żgħażagħ u d-dixxerniment; L-attenzjoni għal-lajċi u l-kollaboraturi tagħna b’mod partikolari dawk li llum jaqsmu magħna responsabiltajiet partikolari; u l-Evanġelizzazzjoni fiċ-ċentru tad-djalogu mal-kultura u s-Soċjetà.

Id-diskussjonijiet u l-ħidmiet f’dawn il-jiem saru fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat. Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju għalaq bil-quddiesa preseduta mil-Pirjol Provinċjali, P. Leslie Gatt fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, il-Ġimgħa 27 ta’ April.

 

 

 

 

 

 

 

 

 



Nhar il-Ħamis 12 t'April il-Provinċjal P. Leslie Gatt osa flimkien mal-Pirjol tal-Komunità tal-Belt Valletta P. Alex Cauchi osa taw ċertifikat lil dawk il-persuni li taw l-għajnuna tagħhom fil-ftuħ tal-kunvent matul iċ-ċelebrazzjonijiet inizjali tal-Belt Kapitali Ewropea Valletta 18. 
 
Dr. Malcolm Borg mill-Fundazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Agustina qassam ċertifikati ta' parteċipazzjoni lil dawk li ħadu sehem fil-proġett VOPS.
Il-Provinċjal fil-messaġġ tiegħu rringrazzja lil dawk kollha li taw u qegħdin jagħtu l-għajnuna tagħhom f'dan il-proġett pastorali ta' kultura filwaqt li kompla jħeġġeġ l-importanza ta' dan id-djalogu mal-kultura fis-soċjetà tal-lum. 
 
 
 
 
 
 

Nhar il-Ġimgħa 6 t' April P. Rikkardu Attard iċċelebra 60 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu permezz ta' Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-Knisja San Nikola minn Tolentino Ħal Tarxien. Il-Mulej ikompli jbierek lil dan ħuna u jagħtih is-saħħa u l-qawwa fil-ministeru tiegħu.

 

 

Ritratti: Francis Darmanin MBA MIAP MIMIS MIM BA Hons. Photography

 


Ilbieraħ, 4 ta’ April 2018 fetaħ uffiċjalment il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta. Fil-lejla ta' qabel, kien hemm Velja ta' talb għal dan il-għan. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjeta f’diversi oqsma, f’Malta u lilhinn minn xtutna.

Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-ftuħ tal-Kapitlu l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, P. Alejandro Moral Anton O.S.A. ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali ġdid P. Leslie Gatt O.S.A. li kien elett aktar kmieni din is-sena. F’sessjoni tal-Ħamis filgħodu 5 ta' April 2018 kien elett ukoll il-Kunsill tal-Provinċja magħmul minn, P. Mario Abela O.S.A., P. Alex Cauchi O.S.A., P. Paul Formosa O.S.A. u P. Franco Grech O.S.A.

Patri Terence Spiteri O.S.A. kien imbagħad elett Segretarju Provinċjali waqt li Patri Pierre Desira O.S.A. kien elett Ekonomu Provinċjali.

Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jinżamm fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat ikompli permezz ta’ diskussjonijiet fil-ġranet li ġejjin.

Il-Patrijiet jerġgħu imbagħad jinġabru f’assemblea Ġenerali għal ġimgħa ta’ ħidma fl-aħħar ġranet ta’ April.

 

 

(Ritratt 1: Fr Raphael Abdilla OSA

Ritratti 2 - 8 : Fr Terence Spiteri OSA)

 

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.