Franco Grech osa

 

Reflections and Articles written by Fr Franco Grech osa

 


 

Il-Ħames Ħadd tar-Randan sena A - Il-ġrajja tal-qawmien ta’ Lażżru (Ġw 11, 1-45)

Ġuf, mhux iktar qabar

Ġesu’ igħid lil Martha: “Kull min igħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (v. 26). Biex nispjegaw dan irridu nqabblu l-ħajja tal-bniedem f’din id-dinja, mal-ħajja tiegħu.

L-eżistenza tagħna hija kkareterizzata minn ħruġ u dħul..noħorġu minn imkien u nidħlu fil-ġuf ta’ l-omm. Meta t-tqala ta’ l-omm tispiċċa, aħna noħorġu biex nidħlu f’din id-dinja karatterizzata minn ħafna sinjali ta’ mewt. Solitudni, abbandun, firda, tradiment, injoranza, mard u tbatija huma forom ta’ mewt. Il-ħajja tagħna qatt mhi kompleta. Hija dejjem suġġetta għall-limitazzjonijiet. Dan ma jistax ikun id-destin aħħari tagħna. Biex ngħixu ħajjitna b’mod sħiħ u mingħajr mewt, hemm bżonn li noħorġu minnha.

Ħa nissoponu li fil-ġuf ta’ l-omm hemm tewmin. Huma jistgħu jaraw, jifhmu, jikkomunikaw bejniethom waqt id-disa xhur tat-tqala. Jafu biss id-dinja żgħira tagħhom, u ma jistgħux jimmaġinaw x’hemm barra il-ġuf. Wara disa’ xhur, it-tewmin jitwieldu wieħed wara l-ieħor. U dak minnhom li jitwieled ftit sekondi wara l-ieħor u jibqa’, anke jekk għal ftit ħin, fil-ġuf ta’ l-omm, jibda' jaħseb : “Ħija miet. Mhuwiex hawn iktar” u jibki. Imma ħuħ mhux mejjet. Kull ma għamel huwa li ħalla ħajja qasira limitata u daħal f’forma ta’ ħajja oħra.

Ġesu’ jgħid lil Martha li d-dixxiplu ma jesperjenzax il-mewt, imma jitwieled għall-forma ġdida ta’ ħajja. Jidħol fid-dinja ta’ Alla, u jkun jagħmel parti minn ħajja li mhix iktar suġġetta għal-limitazzjonijiet u l-mewt, bħal ma kien fid-dinja. Fil-perspettiva nisranija, mela, il-ħajja f’din id-dinja huwa bħal proċess tat-tqala u l-mewt hija verifikata minn min jibqa’ f’din id-dinja, mhux minn dak li jmut.

“Għalkemm nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara għax inti miegħi”.

 


Ir-Randan tal-Corona Virus

Dan ir-Randan ser jibqa’ msemmi bħala ir-Randan tal-Corona Virus. Żmien li ġab ħafna inċertezzi. Qaleb il-ħajja tagħna ta’ taħt fuq. Affettwa x-xogħol tagħna, id-dħul finanzjarju tagħna, il-vjaġġi tagħna, kif ukoll ċ-ċelebrazzjonijiet reliġjużi tagħna. U ma nafux kemm ser indumu f’din is-sitwazzjoni!

Hemm min staqsa jekk dan kollu kienx kastig ta’ Alla. Il-Lhud ta’ żmien Ġesu’ kienu jaħsbu hekk ukoll. Fil-vanġelu ta’ San Luqa (Lq 13,1-9), jissemmew żewġ ġrajjiet koroh li ġraw fi żmien Ġesu’: il-fatt ta’ meta Pilatu qatel xi Galilej waqt l-offerta tas-sagrifiċċji, u l-fatt ta’ meta waqa’ t-torri ta’ Silwaħ f’ Ġerusalem, u qatel tmintax il-ruħ. Il-Lhud kienu jaħsbu li dawn ġraw lil nies li soffrewhom għax kienu nies ħżiena. Ġesu’ jikkoreġi din il-mentalita’ u jgħid ċar u tond: "Taħsbu intom li dawn il-Galilin kienu iżjed midinbin mill-Galilin l-oħra biex sofrew dan kollu? Le, ngħidilkom .….... Jew dawk it-tmintax-il ruħ li fuqhom waqa' t-torri ta' Silwam u qatilhom, taħsbu intom li kienu iżjed ħatja min-nies l-oħra ta' Ġerusalemm? Le, ngħidilkom”. Imma mbagħad iżid igħid: “imma jekk ma tindmux, ilkoll tintilfu xorta waħda."

Dan ifisser li għalkemm Alla ma jikkastigax lil bniedem għal ħażen tiegħu, għax iħobbu, jippermetti li l-bniedem jgħaddi minn żmien iebes, biex dan iż-żmien iservih ta’ eye-opener biex jara l-ħajja tiegħu fejn qegħda u fejn sejra.

Aħna ħafna drabi nispiċċaw aljenati...ngħixu l-ħajja tagħna ta’ kuljum mingħajr ma nindunaw liema direzzjoni qbadna. Nieħdu kollox for granted. Meta tiġi fuqna f’daqqa ċirkostanza iebsa, trawma...ċirkostanza li theżżiżna...nibdew napprezzaw iktar.

Fis-sitwazzjoni preżenti, il-Mulej jista jkun qed jgħidilna: Qumu mir-raqda tagħkom ħarsu lejn iċ-ċirkostanzi tal-ħajja u ħalluhom ikellmukom. Ma nkunux rasna ebsa għax jekk inkunu rasna iebsa nispiċċaw inkunu suppervi. Staqsi lilek innifsek:

  • Jien aljenat miż-żwieġ tiegħi
  • Jien aljenat minn familti
  • jien aljenat mill-persuna/persuni li nħobb
  • Jien aljenat minn Alla
  • Jien aljenat mill-valuri

Il-Corona Virus ġab lockdowns u kwarantini. Ħafna nies spiċċaw immobilizzati. Naqqas l-għaġla tal-pass ta’ ħajjitna. Naqqas il-ġiri minn post għall-ieħor fit-traffiku. Tana l-opportunita’ li nkunu iżjed fid-djar tagħna ma’ dawk li nħobbu, u b’hekk nerġgħu napprezzaw dawk l-affarijiet li ma kellniex ħin għalihom jew li konna neħduhom wisq for granted, per eżempju:

  • Li nitolbu flimkien bħala familja
  • Li nilgħabu, li nirrakuntaw stejjer lil xulxin jew naraw it-TV, jew xi film flimkien
  • Li naqraw xi ktieb li kollna ilna biex naqraw jew indoqqu xi strument
  • Li nagħmlu affarijiet li xi wħud minnha ma konniex nagħmlu, għax kien jagħmilhomlna ħaddieħor bħal tisjir, tindif, ħasil
  • Li nagħmlu xogħol fil-ġnien
  • Li jkollna iktar ħin għall-passatempi tagħna jew niskopru xi passatemp ġdid
  • li naqalgħu qala t-tajba d-dar u npoġġu kollox fl-ordni

.....affarijiet sempliċi li jġibuna eqreb ta’ xulxin.

Ir-Randan kien oriġinarjament irtir ta’ 40 jum għall-poplu nisrani kollu. Il-COVID-19 ġalna nnaqqsu ftit mill-ġiri tal-ħajja u nagħmlu irtir fi djarna.

Ħa nisimgħu mis-sejħa li jagħmlilna wieħed mill-qaddisin, Sant’Anselmu: “Bniedem insinifikanti, aħrab ftit minn dak li għandek tagħmel ta’ kuljum għal ftit tal-ħin, staħba għal mument mill-ħsibijiet tiegħek li ma jħallukx kwiet. Inqata mill-inkwiet li għandek u kun inqas preokkupat b’dak li għandek tagħmel. Agħmel ftit ħin għal Alla u strieħ ftit fiH”.

Ħa nieħdu ħin biex naħsbu, nitolbu u naqraw il-Bibbja. Ħa nikkunsidraw kemm hija insinifikanti l-eżistenza umana. Bl-avvanzi kollha teknoloġiċi, virus li ma jidhirx, jista jwaqqaf id-dinja kollha, u jħassar billjuni ta’ flus, u magħhom is-suppervja tagħna. U jaffettwa lil kulħadd...sinjuri u fqar.

Forsi din il-pandemija qed tgħidilna: mur lura lejn l-affarijiet bażiċi tal-ħajja:

  • lejn ir-relazzjonijiet umani bażiċi mal-membri tal-familja
  • lejn l-għaqda tiegħek ma’ Alla, dak li ħsibt li tista tinjora, imma fl-aħħar mill-aħħar l-iktar wieħed li tista sserraħ rasek fuqu. L-imħabba tiegħu ma taqta qatt. Huwa l-blata tas-salvazzjoni tagħna.

Dan il-virus jista jkun li qed jagħtina direzzjoni oħra – lejn xulxin. Ġejna bżonn xulxin u indunajna li għandna bżonn lil xulxin. Għandna bżonn il-koperazzjoni ta’ kulħadd ħalli ma tibqax tinxtered l-infezzjoni. Waqt li nieħdu ħsieb is-safety u l-bżonnijiet tagħna nfusna, ħa niftħu għajnejna għall-bżonnijiet ta’ l-oħrajn, speċjalment dawk li huma l-iktar vulnerabbli – l-anzjani, il-morda, il-fqar. Ħa nkunu ġenerużi ma dawk li ser ikunu weqfin minn xogħolhom għal żmien twil. Inkunu redikoli, nitolbu lil Alla biex jieħu ħsiebna, meta ma nkunux qegħdin nieħdu ħsieb ħaddieħor.

Jekk aħna nies ta’ fidi, nemmnu li xejn ma jiġri għal xejn – lanqas il-pandemija.

 


Id-Duluri ta’ Marija u r-realtà li għaddejjin minnha bħalissa

Ix-xena tal-Madonna taħt is-salib (Ġw. 19:25), hija xena iebsa ta’ omm tassisti għall-mewt ta’ binha. Marija, taħt is-salib qed tbati mhux biss minħabba l-mewt inġusta ta’ binha, imma hija mħassba dwar kif setgħet tirrikonċilja dak li kienet għaddejja minnu, dak li qed tara quddiemha, u dak li kien jingħad fuq binha Ġesù li kellu jkun is-Salvatur tad-dinja.

Il-kliem li Marija rċeviet fit-tħabbira tal-anġlu huma qawwijin ħafna: “Ara, inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u semmieh Ġesù (Alla jsalva). Hu jkun kbir u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Lq. 1:31-33)

Marija tisma’ li dan hu l-Iben ta’ Alla. U li s-Saltna tiegħu ma jkollhiex tmiem. Imbagħad Marija tmur għand Eliżabetta u tisma’ kliem simili għal dak li wasslilha l-anġlu: “U minn fejn ġieni dan li omm il-Mulej tiegħi tiġi għandi.” (Lq. 1:43) “Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej.” (v.45)

Imma, wara li tisma’ dan kollu, meta jaslilha ż-żmien li twelled... Marija tagħmel esperjenza ta’ miżerja kbira. Marija twelled fi dwejra abbandunata, f’solitudni, u jkollha tpoġġi lil dan binha f’maxtura.

Ma jistax ikun li Marija qatt ma ħasbet, li dan l-iben, li kien Iben Alla l-Għoli, is-Salvatur tad-dinja, u l-eredi tat-tron ta’ David... kien ser ikollu xi twelid straordinarju. Imma mbagħad fil-fatt kellha twelldu f’sitwazzjoni ta’ miżerja assoluta. U allura kif kienet ser tasal tirrikonċilja dan kollu?

Iktar minn hekk, l-ewwel li żaru lil Ġesù tarbija, kienu r-ragħajja li f’dak iż-żmien ma kienu stmati xejn. Kienu meqjusin bħala briganti, u ma setgħux jidħlu fit-tempju jew fis-sinagogi. Imma kien propju lil din il-kategorija ta’ nies, ir-ragħajja, li Alla ħabbrilhom li kien twieled il-Messija, is-Salvatur. U allura l-ewwel żjara lil dan is-Salvatur li twieled, kellha ssir minn dawn in-nies fost l-iktar fqar tas-soċjetà ta’ dak iż-żmien. U Marija riedet tirrikonċilja l-kliem li semgħu r-ragħajja mingħand Alla dwar din it-tarbija, mal-ġrajja li fil-fatt kienet qed isseħħ... il-miżerja li kellu jitwieled fiha dan is-Salvatur.

Qatt ma nistgħu nimmaġinaw biżżejjed kemm kien diffiċli għal Marija li tkun taħt is-salib. Marija kienet taħt is-salib li fuqu kien hemm miktub: Dan huwa s-Sultan tal-Lhud. Marija ma setgħetx hemmhekk ma tiftakarx il-Kelma li kienet intqalitilha fit-tħabbira mill-anġlu: li kellu jkun fuq it-tron ta’ David. U issa l-uniku post li fuqu kellu miktub li huwa sultan huwa s-salib. Dan huwa t-tron li fuqu jinsab Kristu.

Meta ma’ Ġużeppi, Marija ppreżentat lil Ġesù fit-tempju, intqalilha li sejf għad jinfdilha qalbha, anzi l-ħajja tagħha. Is-sejf huwa xi ħaġa li taqta’, tissepara. Fl-Ittra lil-Lhud, dan is-sejf, ix-xabla, hija l-kelma: “Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija, taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) Taħt is-salib, Marija ħasset dan is-sejf, din ix-xabla li taqta’.

Imma diġà fil-bidu tal-Evanġelju tiegħu, San Luqa għal darbtejn jgħid li “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha.” (Lq. 2:19 u Lq. 2:51) F’qalbha Marija kienet qed iġġorr xi ħaġa prezzjuża: ir-rikonċiljazzjoni bejn il-kliem li semgħet u l-ġrajjiet li kienet għaddejja minnhom. Kienet tipprova tirrikonċilja dan kollu flimkien.

Marija kienet f’konverżjoni kontinwa. Hija tirrapreżenta persuna li tħobb lil Alla, imma kontinwament tkun trid tmur lil hinn minnha nfisha. Riedet dejjem tirrikonċilja dak li dejjem tgħallmet fis-sinagoga fuq il-Messija, dak li tħabbrilha, u dak li issa kien qed jiġri madwarha.

Aħna llum imdorrijin naħsbu b’dan il-mod: li l-ewwel hemm l-idea, imbagħad skont dik l-idea, ir-realtà. Il-qawwa tagħna huwa l-proġett, il-programm li nkunu fassalna, imbagħad dan irid jikkorrispondi mal-istorja tagħna. Imma fil-fatt, fil-ħajja ma jiġrix hekk. Kieku kien hekk, konna nsiru l-iktar nies suppervi, għaliex l-affarijiet imorru kif ippjanajna aħna. U ma jistax jiġrilna xi ħaġa agħar spiritwalment milli nkunu suppervi.

Min jaf kemm kellna proġetti u pjanijiet u ideat għal dawn ix-xhur li għaddejjin minnhom, u issa kollox tar mar-riħ, għaliex spiċċajna magħluqin f’darna minħabba l-Covid-19. Spiċċajna beżgħanin, qalbna maqtugħa, ixxukkjati għaliex din mhix ir-realtà kif konna ħsibnieha aħna, qatt ma stennejnieha. Mhix kif nixtieqha, kif irridha jien... allura l-bniedem jitkisser. Hawn min qed jiddubita anke mill-imħabba t’Alla.

Marija turina l-maqlub ta’ din il-mentalità tagħna: mhux stenniet li r-realtà ssir skont il-Kelma, skont kif ħasbitha hi li ser tkun, imma ħalliet ir-realtà ġġegħelha tikkoreġi l-mod kif hi fehmet il-Kelma. Hija kellha dejjem tifhem il-kelma b’mod ġdid. U dan kienet tagħmlu l-ħin kollu. Dan għaliex il-ġrajjiet jibqgħu dawk li huma. Imma dawn il-ġrajjiet iwasslu lil Marija tifhem il-Kelma b’mod differenti.

Marija tiġi ppreżentata bħala persuna f’konverżjoni kontinwa. Il-mimlija bil-grazzja, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, kontinwament tifhem il-Kelma b’mod ġdid u b’din il-kelma tifhem ir-realtà.

San Pawl jgħidilna: “Aħna ma ħadniex l-ispirtu ta’ din id-dinja, imma l-Ispirtu ta’ Alla, biex nagħrfu d-doni li Alla għoġbu jagħtina.” (2 Kor. 2:12) Aħna bħal Marija, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, nistgħu nifhmu li r-realtà ta’ tbatija li ngħaddu minnha, anke jekk iebsa, tista’ tkun don prezzjuż:

It-tbatija hija prezzjuża għaliex turina aħna min aħna. Aħna m’aħniex “allat”, għalkemm nixtiequ nkunu hekk. Hi tqegħedna f’postna. Iddaħħalna fil-qies veru tagħna. Tedukana.

It-tbatija hija għażiża għaliex tgħallimna nistrieħu fuq dak li hu sod. Aħna li bnejna ħajjitna fuq ir-ramel tal-flus, tas-suċċess, nitgħallmu nistrieħu fuq il-blata li ma tiċċaqlaqx, il-ħellies li jifdi... il-karriera hija vojta, il-flus jispiċċaw, is-saħħa tmur, il-ħbieb ma ssibhomx, ir-raġel jew il-mara jmutu... Hu biss jibqa’.

It-tbatija hija teżor għax tista’ ġġegħelna ndawru għajnejna lejh. Tgħallimna nwerżqu għall-għajnuna. Tgħallimna niggranfaw miegħu. Abraham fis-salib tiegħu skopra li Alla jipprovdi. Pietru meta kien se jegħreq skopra li Ġesù jsalva. Aħna fit-tbatija nistgħu niskopru li Hu jimpurtah ħafna minna. Hu jaf sewwa u tajjeb kif joħroġ il-ġid mid-deni.

Marija wieqfa taħt is-salib tgħallimna dan kollu.


It-tielet Ħadd tar-Randan Sena A - Il-laqgħa mal-mara Samaritana (Ġwanni 4:5-42)

Ilma li jagħti l-ħajja

L-għatx tal-mara Samaritana huwa simbolu tal-bżonnijiet l-iktar profondi fil-bniedem: il-bżonn tal-paċi, ta’ l-imħabba, tas-serenita, tat-tama, tal-ferħ, tas-sinċerita u tal-bżonn ta’ Alla. Dawn huma il-bżonnijiet li kull bniedem jesperjenza.

L-ilma tal-bir jissimboliżża dak li jipprova jagħmel il-bniedem biex jaqta l-għatx, għatx li l-ebda ħaġa materjali ma tista tissodisfa.

L-ilma ħaj li Ġesu’ jwiegħed huwa tip ta’ ilma ieħor. Huwa l-Ispirtu ta’ Alla. Huwa l-imħabba li timla l-qalb. Dawk li jħallu lilhom infushom jitmexxew mill-Ispirtu ta’ Alla, jkollhom il-paċi u ma jkunu jeħtieġu xejn iktar.

 


Ir-raba’ Ħadd Tar-Randan sena A - Ġesu’ jiltaqa ma’ l-għama minn twelidu (Ġwanni 9,1-4.10)

Hemm dawl li qatt ma jbatti

L-Evanġelista San Ġwann huwa mnebbaħ mill-ġrajja meta Ġesu’ ltaqa ma’ l-għama minn twelidu. Huwa juża din il-ġrajja biex jiżviluppa tema ċentrali tal-messaġġ nisrani: is-salvazzjoni mogħtija minn Kristu.

Jeżistu nies li huma għomja imma li jaħsbu li għandhom id-dawl u l-kapaċità li jagħtu valur huma lil kollox: flus, suċċess, karriera, sesswalità, saħħa u mard, żgħożija, xjuħija, familja u tfal. Madanakollu jibbażaw dawn il-konvinzjonijiet tagħhom fuq l-iskala ta’ valuri ta’ din id-dinja. Probabilment, mingħajr ma jirrealizzaw, jagħmlu l-konklużjonijiet tagħhom immexxijin mill-istinti u l-emozzjonijiet tagħhom tal-mument. Dawn il-konklużjonijiet ikunu ġejjin minn ideoloġiji u sistemi ekonomiċi mħassra mid-dnub u mill-paroli vojt li jipproduċi biss dwal foloz.

“Id-dawl veru li jdawwal kull bniedem huwa u ġej fid-dinja” (Ġw 1, 9), huwa Kristu, li ġie biex ineħħi id-dlamijiet tagħna, biex idawwal l-iljieli tagħna, biex iniedi familja ta’ “ulied id-dawl u wlied il-jum” (Tess. 5,5).

 


Minn Patri Franco Grech - Agostinjan

L-ispiritwalità ta’ Santu Wistin hija bbażata fuq il-Kelma ta’ Alla. Hija ma titlobx xi eżerċizzi jew prattiċi reliġjużi speċifiċi. Santu Wistin iħalli lil dak li jkun ħieles li jagħżel metodu ta’ talb li l-iktar iħossu tajjeb għalih. Dawk li jipprattikaw din l-ispiritwalità jiltaqgħu ma’ Alla u jaqdu lil Alla, prinċipalment fin-nies ta’ madwarhom. Din l-ispiritwalità tinfluwenza l-ħajja ta’ kuljum. F’din l-ispiritwalità hemm l-għarfien tad-dipendenza totali tal-bniedem fuq Alla. Dan iħeġġeġ l-umiltà bħala virtù nisranija fundamentali. Fl-istess ħin f’din l-ispiritwalità hemm l-iskoperta sabiħa li Alla jsejjaħ għall-intimità ma’ Kristu. “Alla tiegħek jixtieq li jkun kollu kemm hu tiegħek. Inti tieklu biex ma tkunx bil-ġuħ. Tixorbu biex ma tispiċċax bil-għatx” (Santu Wistin, Diskorsi fuq is-Salmi 36.1.12).

Spiritwalità Kristu-ċentrika

Il-qalba tal-ispiritwalità Agostinjana tinsab fil-frażi li tinsab fl-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani: “Ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu” – il-qofol ta’ dik is-silta li hu kien qara waqt li kien fi ġnien fil-mument tal-konverżjoni tiegħu (Ara Santu Wistin, Stqarrijiet 8, 12,29). Il-fidi f’Ġesù Kristu bħala veru Alla u vera bniedem, hija assolutament fundamentali għall-ispiritwalità ta’ Santu Wistin. “Ġesù Kristu hu l-Medjatur bejn Alla u l-bnedmin (San Pawl, 1Tim 2,5), għaliex huwa Alla mal-Missier u huwa bniedem mal-bnedmin... Alla mingħajr umanità ma jistax jagħmel medjazzjoni, umanità mingħajr Alla ma tistax jagħmel medjazzjoni. Imma dak li tagħmel medjazzjoni bejn Alla fih innifsu u l-umanità fiha nnfisha, hija l-umanità divina ta’ Kristu u d-divinità umana ta’ Kristu” (Santu Wistin, Prietka 47, 21).

L-Inkarnazzjoni hija att ta’ umiltà min-naħa ta’ Kristu meta huwa ħa fuqu l-kundizzjoni umana (Ara San Pawl, Filippini 2,6). Il-fatt li Kristu sar fqir jitlob lin-nisrani li jaqdi lil Kristu fqir u umli li jinsab f’nofsna. Kristu huwa preżenti fil-qalba tal-komunità u tal-familja, u fil-qalb tal-membri individwali li jġorru x-xbiha u l-preżenza ta’ Alla f’qalbhom.

Santu Wistin jitkellem dwar Kristu sħiħ biex jirreferi għal Kristu u l-membri tiegħu flimkien, “Ħa nifirħu u nirringrazzjaw li aħna konna magħmulin mhux biss insara, imma magħmulin Kristu nnifsu. Qed tifhmu ħuti l-grazzja ta’ Alla li ngħatat lilna? Stagħġbu, ifirħu, li aħna konna magħmulin Kristu. Għaliex Huwa r-Ras, aħna l-membri: Il-bniedem sħiħ huwa Hu u aħna” (Santu Wistin, Trattat fuq l-Evanġelju Ta’ San Ġwann, 21,8).

Imħabba inklussiva

Meta Santu Wistin beda jikber fil-mod kif jifhem il-Kotba Imqaddsa u l-ħajja nisranija tiegħu mmaturat, huwa wasal għall-konklużjoni li l-imħabba hija indiviżibbli. Fil-prattika ma tagħmilx differenza jekk wieħed iħobbx lil Alla, lil Ġesù Kristu jew lill-persuna umana. Dawn it-tliet imħabbiet jinkludu lil xulxin; ma jistax ikollok waħda mingħajr l-oħra. “Fil-liġi, l-imħabba ta’ Alla tiġi l-ewwel, għalkemm fil-prattika l-imħabba tal-proxxmu tiġi qabel. Min ordnalek din l-imħabba fiż-żewġ preċetti tagħha ma semmilekx l-ewwel il-proxxmu u mbagħad lil Alla, imma l-ewwel ’l Alla u mbagħad ’il-proxxmu. Int lil Alla għadek ma rajtux, imma jekk tħobb lill-proxxmu jkun jistħoqqlok tarah. L-imħabba tal-proxxmu ssaffilek għajnejk biex tkun tista’ tara lil Alla” (Santu Wistin, Trattat fuq l-Evanġelju ta’ San Ġwann 17,8).

Għal Santu Wistin kull ħaġa tajba hija magħmula għax wieħed iħobb lil Alla u lill-proxxmu. Kulma hu ħażin ġej mill-egoiżmu. Huwa jirriduċi kollox għall-imħabba; jara l-virtujiet bħala espressjoni tal-imħabba. L-imħabba hija ġustizzja, għerf, korteżija, rispett, paċenzja, ġenerosità, benevolenza, lealtà, ġentilezza, onestà - kull virtù eventwalment issib l-għeruq tagħha fl-imħabba. Għandna nħallu l-imħabba torjentana lejn dak li hu sew fil-ħajja tagħna – tpoġġi ordni f’ħajjitna.

Il-Ħerqa Kontinwa ta’ Santu Wistin u tagħna

Meta l-Papa Franġisku kien qed ikellem lill-Patrijiet Agostinjani li kienu qegħdin jieħdu sehem fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-Ordni tas-sena 2013 huwa beda bil-kliem tant magħruf ta’ Santu Wistin: “quia fecisti nos ad te et inquietum est cor nostrum, donec requiescat in te” (“Inti għamiltna għalik u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistrieħx fik”) (Santu Wistin, Stqarrijiet, 1,1,1), u qal li l-kelma “inquietum” tolqtu u ġġagħlu jirrifletti, u jistaqsi: “Liema ħerqa jistedinna biex inqanqlu fina u nżommu ħajjin f’ħajjitna dan il-bniedem u qaddis kbir?”. U l-Papa jipproponi tlieta minnhom: il-ħerqa għat-tfittix spiritwali li bih Santu Wistin skopra li Alla qed jistennieh, anzi li qatt ma waqaf ifittxu Hu l-ewwel; il-ħerqa għal-laqgħa ma’ Alla li ssir ħerqa kbira biex huwa jagħrfu dejjem aktar u biex joħroġ minnu nnifsu u jagħmlu magħruf lill-oħrajn; il-ħerqa għall-imħabba li tixprunana dejjem biex immorru niltaqgħu mal-ieħor, mingħajr ma nistennew li l-ieħor juri ħtiġijietu.

Din hija l-mixja tagħna l-Agostinjani lejn Alla. Mixja li naqsmuha ma’ ħutna l-lajċi nsara, speċjalment dawk li huma midħla tagħna, għax jagħtu sehemhom u jaqsmu magħna l-ħajja u l-ħidma pastorali tagħna. Flimkien magħhom nirringrazzjaw lil Alla ta’ dan id-don li hu l-ispiritwalità Agostinjana, u tar-reliġjużi u l-lajċi kollha li matul dawn l-200 sena li ilha mwaqqfa l-Provinċja Agostinjana Maltija dejjem ħadmu flimkien biex iżommu tħeġġeġ f’Malta, f’Għawdex, u fil-pajjiżi fejn il-membri tal-Provinċja ntalbu jservu ’l-Poplu ta’ Alla, dik il-ħerqa kbira li jistedinna biex ikollna Santu Wistin Missierna: “il-ħerqa spiritwali li nfittxu lil Alla dejjem, il-ħerqa li nħabbruH bil-kuraġġ, u l-ħerqa għall-imħabba lejn kull wieħed u waħda minn ħutna”. (Ara L-Omelija tal-Papa Franġisku fil-Quddiesa tal-Ftuħ tal-Kapitlu Ġenerali Ordinarju, 28 ta’ Awwissu, 2013).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.