Inħallu lil Kristu Jgħaġġibna

Wara sentejn ta’ restrizzjonijiet li ċaħħduna miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-knejjes tagħna, għal darba oħra qed nerġgħu niċċelebraw flimkien bħala komunità ta’ fidi l-Misteru tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Għalkemm xorta ma nistgħux ngħidu li aħna ħielsa mill-ħsieb tal-pandemija jew minn kull limitazzjoni fuq il-ġesti li jqarrbuna lejn xulxin, għandna quddiemna opportunità biex naqsmu l-ferħ u t-tama tal-Għid il-Kbir b’aktar qawwa. Fl-aħħar mill-aħħar bħala nsara nafu li huwa hawn li nsibu s-sens veru tal-ħajja tagħna!

Ftit ġranet ilu kellna l-grazzja li nilqgħu fostna l-Papa Franġisku. Fil-preżenza tiegħu minna nfisha rajna trasmissjoni kontienwa ta’ tama nisranija. Kellu l-mumenti meta deher limitat fiżikament, u diversi drabi deher anke għajjien, imma l-preżenza u t-tbissima tiegħu xorta trasmettew ferħ, tama, u disponbilità għall-missjoni li Alla qed jitlob minnu. Huma kwalitajiet li jitilqu minn esperjenza qawwija ta’ fidi li ssib il-qofol tagħha fil-profondità tal-Evanġelju.

Fir-riflessjoni tiegħu quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu (2 ta’ April 2022), il-Papa tkellem fuq ‘is-siegħa tal-mewt ta’ Ġesù imma tkellem ukoll fuq l-ewwel dixxipli li ‘meta raw il-qabar vojt, bla telf ta’ żmien, b’qalbhom tħabbat sitta sitta, marru jiġru biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Qawmien.’ F’dan il-mument, fi kliem il-Papa ‘Il-biki tan-niket ħdejn is-salib inbidel fil-ferħ tat-tħabbira’. L-istess Papa jfakkarna wkoll ‘fl-Appostli, li dwarhom hemm miktub: “U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija” (Atti 5:42)… It-tħassib li kien iċaqlaqhom kien kif se jxandru u jagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’ Kristu (ara Rum 1:1).’

Bl-ispirtu ta’ dawn l-ewwel dixxipli, u bix-xbieha friska tal-Papa Franġsiku - kultant għajjien imma determinat - jagħti xhieda ta’ Kristu fit-toroq tagħna, nixtieq nawgura lil kull wieħedu waħda  minna ċelebrazzjonijiet qaddisa. Jalla ngħixu b’intensità din l-esperjenza qawwija tal-waqfa taħt is-salib li tħares b’tama lejn il-qawmien, biex imbagħad iċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien timlina b’entużjażmu ġdid u ddawwalna fl-isfidi tal-ħajja. Din hi l-veru attitudni nisranija li għandu jkollna! Ejjew ma niddejqux “Inħalluh jgħaġġibna.” U “Nilqgħu bil-ferħ l-aħbar ġdida tiegħu.” (Għeluq tal-Omelija tal-Papa Franġisku fuq il-fosos tal-Floriana, 3 ta’ April 2022)

Minn qalbi nawguralkom li lkoll kemm aħna ngħixu b’dan l-ispirtu l-mixja tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Għalina l-aħwa Agostinjani il-jiem li ġejjin ser iġibu anke ċ-ċelebrazzjoni tat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 propju fl-Ottava tal-Għid. Inħeġġiġkom tiftakru fina u takkumpanjawna bit-talb tagħkom.

Sadanittant f’isem l-aħwa Agostinjani, nawgura lilkom u lill-familji tagħkom, Għid qaddis.

fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali



Nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu, l-aħwa agostinjani ltaqgħu fid-Dar tal-Irtiri Mount Saint Joseph, Mosta għal mument ta’ talb u riflessjoni fi żmien ir-Randan. Il-laqgħa bdiet b’mument ta’ talb u wara Fr. Martin Micallef Ofm Cap qasam mal-aħwa xi riflessjonijiet bibbliċi fuq il-figura ta’ Ġuda u t-tentazzjonijiet li jeżistu fil-ħajja llum.

Wara ftit mument ta’ riflessjoni personali, l-aħwa Agostinjani inġabru mill-ġdid għal mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat.

Spiċċajna dan in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu billi kilna flimkien.


Bejn il-15 u s-16 ta’ Marzu, il-Patrijiet Agostinjani Maltin iltaqgħu għall-Ewwel parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jiġi ċċelebrat f'The Santa Rita Priory, San Ġiljan. Lejlet il-ftuħ tal-Kapitlu ġiet organizzata Velja ta' talb fil-Knisja San Nikola minn Tolentino, Ħal-Tarxien. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru flimkien biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-Agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjetà f’diversi oqsma, f’Malta u lilhinn minn xtutna.

Il-Kapitlu fetaħ it-Tlieta 15 ta’ Marzu filgħodu permezz tal-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu li fiha, l-Assistent Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, P. Javier Perez Barba O.S.A. ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. li ġie elett għat-tieni darba u għaldaqstant ser jerġa’ jkun qed iservi l-Provinċja għall-erba’ snin li ġejjin. Il-jum tat-Tlieta kompla bid-diskors tal-ftuħ mill-President tal-Kapitlu, rapport fuq il-qagħda tal-Provinċja mill-Pirjol Provinċjali u rapport mill-Ekonomu Provinċjali.

F’sessjoni tal-Erbgħa filgħodu 16 ta' Marzu  ġew eletti l-uffiċjali tal-Provinċja bil-membri tal-Kunsill tal-Provinċja jkunu P. Terence Spiteri O.S.A., P. Alexander Cauchi O.S.A., P. Mario Abela O.S.A. u P. Paul Formosa O.S.A.. P. Franco Grech O.S.A. ġie elett bħala Segretarju Provinċjali waqt li P. Pierre Desira O.S.A. bħala Ekonomu Provinċjali.

Fil-ġranet li ġejjin ikomplu d-diskussjonijiet fil-Kunsill Provinċjali sakemm imbagħad il-Provinċja terġa' tiltaqa f’Assemblea Plenarja għat-Tieni Parti tal-Kapitlu li ser jinżamm bejn it-18 u t-22 ta’ April 2022.

 

 


L-aħwa Agostinjani Maltin miġbura waqt il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022, filwaqt li juru solidarjetà mal-poplu Ukren li f’dawn il-ġranet qed jiġi mġarrab b’attakki ħorox kontra l-ħajja u l-libertà tiegħu, jesprimu l-kundanna tagħhom għal kull forma ta’ gwerra u theddida kontra l-libertà u l-ħajja ta’ kull persuna, speċjalment ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Santu Wistin Missierna, jafferma li “il-paċi hija ġid tal-qalb li jinqasam mal-ħbieb, imma mhux bħalma wieħed jaqsam il-ħobż. Jekk trid tqassam il-ħobż, aktar ma hu kbir l-għadd ta’ dawk li magħhom taqsam, inqas jifdallek xi tqassam. Il-paċi, mill-banda l-oħra hija bħal-ħobż tal-miraklu li kompla jitkattar f’idejn id-dixxipli waqt li kienu jaqsmu u jqassmuh.” (Priedka 357, 2)

F’dan id-dawl, nixtiequ nuru l-appoġġ konkret tagħna l-ewwel u qabel kollox permezz tat-talb ħerqan lil Alla sabiex juri l-ħniena tiegħu bid-don tal-paċi lil poplu Ukren. L-istess Santu Wistin iħeġġeġ lil “dawk li jħobbu l-paċi u jixtiequ jipposseduha” biex “jagħmlu minn kollox sabiex joktru dawk li jipposseduha.” (Priedka. 357, 3) Għaldaqstant nixtiequ anke nesprimu l-għajnuna konkreta u solidali tagħna b’donazzjoni lill-inizjattiva ta’ akkoljenza lir-refuġjati Ukreni ta’ ħutna l-Agostinjani fil-Polonja u l-proġetti ta’ għajnuna bl-istess għan tal-Caritas Malta .

Maħruġa mis-Segreterija tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022

The Santa Rita Priory, San Ġiljan

16 ta’ Marzu 2022


Il-Provinċja Agostinjana Maltija tistieden lill-dawk kollha li jixtiequ jinagħqdu magħha għal mument ta’ talb li ser isir lejlet il-ftuħ tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022. Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju huwa mument li l-Provinċja tiċċelebra kull erba’ snin u joffri okkażjoni biex l-aħwa reliġjużi jiltaqgħu flimkien, jevalwaw ir-realta tal-ħajja u l-ħidma tagħhom u jippjanaw għal li ġej.

Bi preparazzjoni għal dan il-mument ser jiġi organizzat mument ta’ talb li għalih huma mistiedna b’mod partikolari dawk kollha li b’mod jew ieħor jikkollaboraw jew jiffrekwentaw knejjes u realtajiet agostinjani. Il-mument ta’ talb ser ikun animat mill-Fraternita Agostinjana Sekulari u ser ikun presedut mill-Assistent Generali tal-Ordni P. Javier Perez Barba OSA. Hija okkażjoni biex ilkoll flimkien nagħmlu talba lill-Mulej biex ikun mal-aħwa reliġjużi f’dan il-mument fil-ħajja tal-Provinċja.

Il-Velja ser issir nhar it-Tnejn 14 ta’ Marzu, fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u tibda fis-6.30pm (iddum madwar siegħa). Fis-6pm ikun hemm il-quddiesa tal-ħin. Il-preżenza ta’ kull wieħed u waħda minkom f’dan il-mument tkun ferm apprezzata.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.