Grupp ta’ 8 żgħażagħ flimkien ma’ Fr Terence Spiteri osa ser jagħmlu esperjenza differenti forma ta’ mixja twila lejn Santiago. Il-grupp ser jitlaq nhar it-Tnejn 1 t’Awwissu lejn Porto (Portugal) u minn hemm jibda l-mixja tiegħu lejn Santiago (Spanja).

Matul is-sena l-grupp kellu diversi attivitajiet li fihom mexa fit-tul bħala preparazzjoni għal dan il-mument. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, dawn iż-żgħażagħ għexu flimkien għal jumejn biex ikomplu jsiru jafu lil xulxin u jħejju lilhom infushom fiżikament permezz ta’ mixjiet twal fuq xulxin.

Nhar il-Ħadd 31 ta’ Lulju fl-10am ser issir quddiesa fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien bħala bidu għal dan il-pellegrinaġġ spiritwali lejn Santiago.



Grupp ta’ żgħażagħ għexu jumejn flimkien mal-Komunità Agostinjana f’Tal-Pietà. F’dawn il-jumejn Tagaste Youths kellhom l-opportunità li jagħtu ftit ħin għall-ħaddieħor permezz ta’ ħidma ta’ tindif u tisbieħ fil-Millennium Chapel. Wara dan il-mument, iż-żgħażagħ kielu ukoll flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Agostinjani f’Paceville. It-tema għal dawn il-jiem kienet Arise and Celebrate ispirata mill-messaġġ tal-Papa Franġisku ta’ din is-sena għaż-żgħażagħ. Fost diversi mumenti oħrajn ta’ talb, u attivitajiet ta’ logħob, Tagaste Youths marru sa Għawdex u għaddew ftit ħin flimkien. Dawn l-attivitajiet huma organizzati mill-Kummissjoni Provinċjali għall-ħidma maż-żgħażagħ u d-dixxerniment vokazzjonali flimkien ma’ diversi reliġjużi u żgħażagħ oħrajn li joffru l-ħin u l-għajnuna tagħhom.


Festa Familja Agostinjana 2022

“Inħallu t-tmun f’idejn Alla għax Hu biss jaf x’għandna bzonn” Inez Casolani, Terzjarja Agostinjana

Nhar it-Tlieta, 7 ta’ Ġunju, il-Kummissjoni Provinċjali tal-lajċi Agostinjani, organizzat il-Festa Familja Agostinjana 2022 f’Għawdex.

Sebgħin lajk u lajka mill-komunitajiet Agostinjani tal-Belt, ta’ Ħal Tarxien, ta’ Paceville u San Ġiljan, flimkien ma’ xi membri tal-Fraternità Agostinjana Sekulari, ltaqgħu ċ-Ċirkewwa biex jaqbdu l-vapur tad-9.00 am. Meta waslu Għawdex baqgħu sejrin għand is-Sorijiet Agostinjani f’Għajnsielem. Hemmhekk kellhom żewġ taħditiet interessanti.

Is-Sinjura Stephanie Quintano, President tal-Assoċjazzjoni Henry u Inez Casolani, tkellmet fuq din il-koppja qaddejja ta’ Alla, li kienu Terzjarji Agostinjani. Għal din it-taħdita kienu prezenti wkoll Suor Cecilia Casolani, l-unika wild tal-koppja Casolani, u s-Sur Anton Quintano, Viċi Postulatur tal-kawza ta’ beatifikazzjoni ta’ din il-koppja.

Wara waqfa għall-kafè, il-lajċi kellhom taħdita oħra, din id-darba dwar il-Qaddej ta’ Alla, Fra Grazzja Gauci, reliġjuż Agostinjan. Din it-taħdita saret mis-Sur Eman Bonnici, li kien kiteb il-biografija ta’ Fra Grazzja. Tajjeb ngħidu li l-postulatur ta’ dawn iz-zewġ kawzi ta’ beatifikazzjoni huwa l-Agostinjan, Patri Josef Sciberras OSA. 

Wara l-lajċi nizlu Marsalforn għall-ikel f’restaurant hemmhekk. Kien mument sabieħ fejn il-lajċi, ġeddew il-konoxxenzi u l-ħbiberiji ma’ xulxin wara sentejn pandemija fejn il-Kummissjoni ma setgħetx torganizza attivitajiet bħal dawn. Minn Marsalforn, il-lajċi marru l-Għarb, fis-Santwarju ta’ Pinu, post għall-qalb kulħadd, bla dubju anke għall-qaddejja ta’ Alla l-koppja Casolani, imma b’mod speċjali għall-qaddej ta’ Alla, Fra Grazzja Gauci OSA, li kien mill-Għarb. Hemmhekk l-lajċi ħadu sehem fil-quddiesa, ċċelebrata mill-Provinċjal, P. Leslie Gatt OSA.

Grazzi għall-membri tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, l-Festa Familja Agostinjana 2022, kien mument sabiħ fejn kull min kien preżenti reġa’ ħassu parti mill-Familja Agostinjana, bħalma kienu parti minn din il-Familja Fra Grazzja, u Henry u Inez Casolani.

 

Fr Franco Grech OSA

Assistent Reliġjuz – Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani


Wara ċ-Ċelebrazzjoni tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li sar f’Marzu u April li għadda, il-Pirjol Provinċjali kompla bid-diskussjonijiet mal-Kunsill Provinċjali u ma’ diversi aħwa b’mod individwali. Il-ħidma u d-diskussjonijiet li jkunu qed isiru f’dan il-perjodu jitilqu minn dak li jkun ġie diskuss fil-Kapitlu Provinċjali u jagħmlu evalwazzjoni dwar xi tibdil li jkun meħtieġ li jsir fir-responsabiltajiet tal-aħwa u  fil-komunitajiet partikolari. Kien propju b’dan il-għan li l-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju, l-aħwa Agostinjani nġabru għal laqgħa li saret fl-Oratorju Dun Ġwann Mamo f’Ħal-Tarxien.

Il-laqgħa bdiet bit-talba ta’ filgħaxija, u wara l-Provinċjal qasam mal-aħwa xi ħsibijiet tiegħu dwar il-ħidma li saret f’dawn il-ġimgħat u xi tibdil li qed jiġi propost. Imbagħad inqrat il-lista tal-Formazzjoni tal-Komunitajiet, id-delegati Provinċjali, responsabiltajiet u membri ta’ entitajiet oħra tal-Provinċja. Fil-ġimgħat li ġejjin ikomplu jiġu ffurmati u approvati l-entitajiet li jinkludu diversi lajċi.

Hekk qed tiġi konkluża fażi oħra ta’ wara l-Kapitlu Provinċjali. Dan is-sit jawgura ħidma fejjieda lill-aħwa kollha Agostinjani fir-responsabiltajiet rispettivi tagħhom. Fuq kollox tkun ħaġa sabiħa li nżommu l-komunitajiet kollha fit-talb tagħna, waqt li nitolbu għal aktar Vokazzjonijiet fil-familja Agostinjana.


Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani ser torganizza Festa Familja Agostinjana f’Għawdex. Din ser tkun nhar it-Tlieta, 7 ta’ Ġunju 2022. Nitilqu mal-vapur tad-9.00 am u niġu lura mal-vapur tal-5.15 p.m.

Il-programm ser ikun dan: 

  • Zjara fil-Kunvent tas-Sorijiet Agostinjani f’Għajnsielem. Hemmhekk ikollna zewġ taħdidiet qosra dwar il-Qaddejja ta’ Alla, Fra Grazzja Gauci OSA u l-koppja Inez u Henry Casolani, Terzjarji Agostinjani. Bejn iz-zewġ taħdidiet ikollna l-Kafe’.
  • Ikla f’Restaurant Marsalforn
  • Quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu

Il-ħlas huwa ta’ €20  għall-adulti u €10 għat-tfal, li jinkludi t-trasport f’Għawdex u l-ikel.

Tistgħu tibbukkjaw fil-knisja agostinjana li intom tiffrekwentaw. Minn kull fejn hemm knisja agostinjana ser jiġi pprovdut trasport għaċ-Ċirkewwa. Għal iktar informazzjoni staqsu lill-Pirjol tal-post.

Nistiednukom tieħdu din l-opportunita’ biex nerġgħu niltaqgħu lkoll flimkien.

Il-Mulej iberikkna lkoll. Santu Wistin u l-Qaddisin Agostinjani jitolbu għalina!


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.