Fl-ewwel jiem ta’ Marzu, il-Pirjol Provinċjali, P. Leslie Gatt ħa sehem f’laqgħa tal-Provinċjali tan-nofsinhar tal-Ewropa li saret f’Madrid fi Spanja. Flimkien mal-Pirjoli Provinċjali ta’ Spanja u tal-Italja, u l-Assistent Ġenerali, fil-laqgħa ġie diskuss partikolarment il-futur tal-Proġett ta’ Formazzjoni Inizjali Komuni. Matul il-laqgħa, il-provinċjali kellhom ċans iżuruż-żewġ professorji tal-Provinċja ta’ San Ġwann ta’ Sahagun fi Spanja, f’Valladolid u f’San Lorenzo del’Escorial. F’kull Professorju il-Provinċjali żaru anke l-istituti teoloġiċi  rispettivi u saru laqgħat mat-tmexxija tal-istituti, mal-equip tal-Formazzjoni u mal-Professi li prattikament ġejjin minn ċirkoskrizzjonijiet differenti tal-Asja, l-Afrika u l-Amerka Ċentrali.

Bejn il-Ħadd, 26 ta’ Marzu u l-Erbgħa 29 ta’ Marzu imbagħad P. Leslie ħa sehem fil-laqgħa għas-Superjuri Maġġuri taċ-Ċirkoskrizzjonijiet ta’ Lingwa Ingliża  f’Sydney l-Awstralja.  Fil-laqgħa ħadu sehem diversi superjuri minn diversi partijiet tad-dinja flimkien ma’ erba’ assistenti ġenerali, fosthom il-Vigarju Ġenerali P. Joseph Farrell. Matul il-laqgħat kellhom ċans jaqsmu flimkien l-isfidi u l-esperjenzi partikolari tar-realtajiet tagħhom. Dawn il-laqgħat iservu wkoll biex jiġu diskussi possibiltajiet ta’ aktar kollaborazzjoni bejn ċirkoskrizzjonijiet tal-Ordni f’pajjiżi differenti. Matul din il-laqgħa saret anke żjara interessati fil-kulleġġ Santu Wistin f’Sydney.



Bejn l-10 u t-12 ta’ Marzu, P. David Cortis, Rettur tal-Kulleġġ Santu Wistin ħa sehem f’laqgħa li ttellgħet Madrid għar-retturi ta’ diversi skejjel Agostinjani tal-Ewropa. Wara s-sessjoni tal-ftuħ, P. David għamel preżentazzjoni interessanti dwar il-ħidma tal-Kulleġġ tagħna hawn f’Malta. Barra l-ħafna ħidma li ssir fil-kulleġġi rispettivi, hija ħaġa sabiħa li qed jinbtu ukoll diversi inizjattivi ta’ kollaborazzjoni ma’ kulleġġi oħrajn Agostinjani fuq livell internazzjonali, kemm bħala impenn fil-bini tal-identità Agostinjana kif ukoll fuq livell ta’ esperjenzi edukattivi.

Fl-Ewropa, il-patrijiet Agostinjani għandhom numru sabiħ ta’ istituzzjonijiet Edukattivi, l-aktar fi Spanja, imma anke fl-Irlanda, fl-Ingilterra fi Praga u f’ Malta. Ta’ min jgħid li l-Kulleġġ Santu Wistin f’Malta, li din is-sena se jkun qed jiċċelebra il-175 anniversarju mit-twaqqif tiegħu, huwa filfatt wieħed mill-eqdem fl-Ewropa.


Matul ix-xhur li għaddew l-istudenti tas-sitt sena tagħna kienu okkupati josservaw u jiddiskutu l-problemi kontinwi li qed taffaċċja d-Dinja u jsibu soluzzjonijiet dwar kif jistgħu jgħinu u jnaqqsu dawn il-problemi.

Permezz ta’ dan il-proġett ġew esplorati u pprattikati numru sabiħ ta’ aspetti u ħiliet. L-ewwel nett, l-istudenti  ġew imħeġġa josservaw dak li qed jiġri madwarna permezz ta’ diversi diskussjonijiet, filmati, artikli fil-gazzetti, taħriġ il-fehem u informazzjoni li sabu fuq l-internet. Sabiex jesperjenzaw dawn l-isfidi mill-qrib, fi gruppi l-istudenti kellhom jieħdu ħsieb pjanta. Dawn il-pjanti ġew miżrugħa u mqabbdin b'wajers mal-Kitroniks u mal-Microbits (li huma apparat teknoloġiku); li kienu wkoll programmati bi struzzjonijiet speċifiċi. Kull grupp uża soluzzjoni differenti għat-tisqija tal-pjanti tagħhom; kull waħda minn dawn tirrappreżenta problema ambjentali differenti. L-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tal-pjanti ġiet irreġistrata kull ġimgħa b'ritratti u bar graphs, sakemm intlaħqu l-konklużjonijiet finali.

Għall-fażi finali ta’ dan il-proġett, l-istudenti ġew imħeġġa jaħsbu dwar dawn il-problemi. Iddiskutew l-informazzjoni miġbura u l-konklużjonijiet li sabu. Wara ħolqu invenzjoni sostenibbli biex jindirizzaw waħda jew aktar minn dawn il-problemi.

Bl-għajnuna ta’ xi ġenituri, li b’mod volontarju ġew biex jgħinu, l-istudenti ġabru ideat differenti fi struttura waħda sostenibbli. Wara r-riċerka, ippjanaw u ddisinjaw l-invenzjonijiet tagħhom, u eventwalment bnew ukoll mudelli ta’ dawn l-istrutturi bl-użu ta' materjal riċiklabbli. Matul il-proċess kollu, l-istudenti kkollaboraw billi użaw il-ħiliet personali tagħhom u qasmu l-ideat tagħhom biex jilħqu għan komuni.

Biex niċċelebraw esperjenza edukattiva mill-isbaħ, l-invenzjonijiet kollha ġew ippreżentati fid-dettall minn kull grupp lill-ġenituri tagħhom u mistednin distinti oħra. L-implimentazzjoni u s-suċċess ta’ dan il-proġett ma kienx ikun possibbli mingħajr ix-xogħol iebes u l-appoġġ tas-Sur Simon Peter Schembri,  is-Sinjura Daniela Buttigieg u l-edukaturi tas-sitt sena kollha, l-assistent kap tal-iskola s-Sinjura Veronique De Gabriele Ferrante, kif ukoll is-Sinjura Roberta Trapani Maggi, is-Sinjura Pamela Fenech u s-Sinjura Natalie Lombardi Calleja mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija.

Ms Daniela Buttigieg

Primary Teacher


Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, ser torganizza Ċelebrazzjoni Penitenzjali għal-lajċi midħla tal-Agostinjani,

nhar it-Tnejn, 13 ta' Marzu, 2023, fis-6.00pm

Din iċ-ċelebrazzjoni ser issir fil-Knisja San Mark, Rabat.  Ser ikun hemm diversi saċerdoti għall-Qrar.

Min hu interessat huwa mitlub ikellem lill-Pirjol jew lil min hu responsabbli. Ser jiġi provdut trasport.


Il-Ġimgħa, 27 ta’ Jannar, P. Josef Sciberras O.S.A. iddefenda t-teżi tad-dottorat fil-Fakulta' tal-Istorja u l-Beni Kulturali tal-Knisja, fl-Universita Pontifiċja Gregorjana f’Ruma. Wara l-istudju tal-Liċenzja fl-istess Fakulta, P. Josef kompla jkabbar l-interess tiegħu fil-qasam tal-istorja tal-knisja. Sadanittant snin ilu nibtet l-idea li jkompli l-istudju għad-dottorat billi jistudja l-figura ta’ Mons. Paolo Micallef li kien l-uniku Pirjol Ġenerali Malti fl-Istorja tal-Ordni tagħna u li qatt ma kienet saret riċerka akkurata dwaru.

Wara s-snin tal-formazzjoni f’Malta, P. Paolo Micallef O.S.A. ħadem fl-Italja u fl-1855 kien iservi bħala Pirjol fil-Kunvent ta’ Fermo meta, b’intervent dirett tal-Papa Piju IX, issejjaħ biex iservi ta’ Vigarju Ġenerali tal-Ordni u aktar tard elett Pirjol Ġenerali. P. Paolo Micallef O.S.A. kien anke għal xi xhur Amministratur Appostoliku tad-djoċesi ta’ Għawdex, u imbagħad isqof ta’ Citta del Castello u Arċisqof ta’ Pisa.

Wara diversi snin ta’ ħidma, nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Jannar 2023, P. Josef ippreżenta t-teżi li fiha studja partikolarment is-snin tal-Ġeneralat ta’ P. Paolo Micallef O.S.A. bejn l-1855 u l-1865. Huwa xogħol li joħroġ għad-dawl is-servizz li P. Paolo ta lill-Ordni wara snin ta’ dekadenza.

P.Josef bħalissa jaħdem fis-servizz lill-Ordni bħala Postulatur Ġenerali u filfatt jagħmel parti mill-Komunita Agostinjana tal-Kurja f’Ruma. Minn qalbna nifirħulu għal din il-kisba u nawgurawlu li jkompli jagħtina studji oħrajn li jgħinuna nifhmu aħjar dak li sawwarna partikolarment fl-apprezzament tal-istorja tagħna.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.