Il-Ħadd 15 ta’ Jannar, fil-Knisja Konventwali ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-Festa tradizzjonali ta’ Sant’Anton Abbati bir-rit tat-tberik tal-annimali. Numru sabiħ ta’ nies bl-annimali tagħhom ħadu sehem fil-quddiesa, l-purċissjoni, u aktar tard iċ-ċerimonja ħelwa tat-tberik tal-annimali fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja.

Il-festa bdiet bil-quddiesa fil-Knisja preseduta mil-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. u wara ħarġet il-purċissjoni qasira bil-istatwa tal-qaddis. Lura quddiem il-Knisja saret it-talba ta’ barka u l-ewwel ma tbierku kienu żewġt iżwiemel tal-kavallerija tal-Pulizija. Warajhom imbagħad segwew numru sabiħ ta’ żwiemel oħra u ħmir. Imbagħad kien imiss l-annimali domestiċi partikolarment numru kbir ta’ klieb, qtates, għasafar u frieken. Ma naqsux anke xi annimali xi ftit anqas komuni fosthom, serp, kokka u għoġol.

Id-devozzjoni lejn il-qaddis fil-Knisja Agostinjana tar-Rabat filfatt tmur lura diversi sekli. Sa minn żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ Sant’Anton li ssir fir-Rabat. Fl-1806 kienet saret l-istatwa artistika ta’ Sant Anton, xogħol fl-injam tal-iskultur Xandru Farrugia.

Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ Sant Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu u għenuh fil-mixja tiegħu lejn il-konverzjoni. Għal ħafna snin il-patrijiet agostinjani kienu jissejħu anke eremiti u d-devozzjoni lejn Sant’Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes tagħhom. 



Il-Ħadd 15 ta’ Jannar, diversi lajċi midħla tar-realtajiet Agostinjani ltaqgħu fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni f’Birkirkara għal attività li din id-darba kienet pjuttost rikreattiva. Din kienet filfatt l-ewwel attivita għal din is-sena organizzata mill-Kummissjoni Lajċi Agostinjani fi ħdan il-Provinċja.

Il-Laqgħa bdiet bil-wiri tal-film  The Greatest Showman li huwa musical ispirat mill-istorja veru ta’ B.T. Barnum. Il-film li ħareġ fl-2017 għandu messaġġ qawwi ta’ inklużjoni u jipprovdi riflessjoni fuq dak li għandu jkun l-aktar importanti fil-ħajja. Wara l-film kien hemm ukoll mument soċjali flimkien fejn ma naqsitx anke xi ħaġa tajba tal-ikel.

Dawn l-attivitajiet li jsiru minn żmien għal żmien, għandhom l-iskop li jġibu flimkien lajċi mir-realtajiet differenti Agostinjani u joħolqu sens sabiħ ta’ familja waqt li jinvestu fil-formazzjoni tagħhom.


Nhar il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2023, solennità tal-Epifanija tal-Mulej, P. Frans Calleja iċċelebra quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Knisja Arċipretali ta’ San Nikola s-Siġġiewi, li permezz tagħha rringrazzja lil Alla għal 50 sena ta’ ministeru saċerdotali. Għall-quddiesa, ingħaqdu miegħu diversi aħwa Agostinjani, saċerdoti u membri tal-familja tiegħu.

P. Frans filfatt twieled is-Siġġiewi fit-30 ta’ Diċembru 1948. Sa minn ċkunitu kien jattendi l-Kulleġġ Santu Wistin, dak iż-żmien f’Ħal-Tarxien. Fil-1964 beda n-novizzjat fil-Familja Agostinjana u fit-3 ta’ Ottubru 1965 għamel l-ewwel Professjoni tal-Voti Reliġjużi. Aktar tard intbagħat ikompli l-istudju tiegħu fl-Istitut Patristiku f’Ruma u fid-9 ta’ Jannar 1972 imbagħad għamel il-Professjoni Solenni. Fis-17 ta’ Diċembru 1972 ġie ordnat saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, flimkien ma’ diversi reliġjużi oħra Agostinjani.

Bħala reliġjuż hawn Malta serva fost l-oħrajn bħala responsabbli tal-kandidati għall-ħajja reliġjuża fil-Kunvent ta’ Santa Rita. Għal ħafna snin huwa serva f’komunitajiet Agostinjani fl-Italja, partikolarment f’Pisa, Cascia, Catania, Gela u Palermo fejn għadu jgħix u jservi bħala pirjol sal-ġurnata ta’ llum.

Il-Provinċja Agostinjana tawgura lil P. Frans ħafna aktar saħħa u ferħ fil-Mulej. Grazzi P. Frans. 

Ad Multos Annos.


Il-Ġimgħa 13 ta’ Jannar 2023 ġie mniedi l-ktieb ġdid Searching and Confessing, Augustine’s Quest for Wisdom and Truth, miktub mir-Rev. Dr. Salvino Caruana O.S.A. u ppubblikat mill-Provinċja Agostinjana Maltija. Il-ktieb, miktub bil-lingwa ingliża ilaqqa’ l-qarrej mal-figura ta’ Santu Wistin u jistiednu jterraq mal-qaddis fit-tfittxija tiegħu lejn l-għerf u l-verità. Dan jagħmlu f’ħames kapitli prinċipali li fihom jirreferi għal fażijiet differenti mill-ħajja u t-taqtigħa kontinwa ta’ Wistin.

Il-Ktieb kien ippreżentat f’serata mill-isbaħ li ttellgħet fl-Awditorium tal-Millennium Chapel fil-preżenza tal-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. u l-E.T. Mons Savio Hon Tai-Fai, Nunzju Apostoliku għal Malta. Fil-bidu tas-serata, l-awtur, P. Salvino Caruana laqa’ lil dawk preżenti u rringrazzja lil dawk kollha li b’mod jew ieħor kienu parti minn dan il-ktieb li jkompli mal-għadd kbir ta’ kitbiet u traduzzjonijiet li ħarġu mil-pinna tiegħu. 

Tul is-snin P. Salvino tana diversi xogħlijiet li jgħinuna nitqarrbu dejjem aktar lejn il-figura u t-tagħlim ta’ Santu Wistin. Fis-serata ir-Rev. Dr Stefan Attard, dekan tal-Fakulta tat-Teologija, u r-Rev. Dr Jonathan Farrugia, Kap tad-Dipartiment tal-Patrologija fl-istess Fakulta, ippreżentaw apprezzament għal dan ix-xogħol. Is-serata kienet imżewqa anke b’siltiet mużikali mill-pjanista Julia Miller u s-soprana Christine Dalli.

Din is-serata ittellgħet anke ġimgħa biss qabel il-ftuħ ta’ kors ieħor tal-Istitut Agostinjan li ser jittella kull nhar ta’ Ġimgħa bejn l-20 ta’ Jannar u l-24 ta’ Marzu fid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan. Il-Kors huwa miftuħ għal kulħadd u ser jitratta temi relatati mal-ktieb ta’ Santu Wistin  De catechizandis rudibus.


Nhar is-Sibt 7 ta’ Jannar 2023, Patri Mark Cauchi ċċelebra quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-Knisja ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, flimkien mal-komunita’ Agostinjana, li permezz tagħha rringrazzja lil Alla għal 70 sena ta’ ministeru saċerdotali. Patri Mark li llum għandu 94 sena ilu għal dawn l-aħħar 20 sena membru tal-Komunita Agostinjana tal-Belt.

Patri Mark twieled Bormla fil-5 ta’ Lulju 1928 u ngħaqad mal-familja Agostinjana fl-20 ta’ Jannar 1946 meta beda n-novizzjat fil-Kunvent ta’ Santu Wistin, ir-Rabat Għawdex. Sena wara mbagħad, propju fis-26 ta’ Jannar 1947  (76 sena ilu) għamel il-Professjoni Sempliċi tal-Kunsilli Evanġeliċi fl-Ordni ta’ Santu Wistin. Wara  kompla l-istudju tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kulleġġ San Mark fir-Rabat Malta u fil-5 ta’ Frar 1950 għamel il-Professjoni Solenni. Huwa kien ordnat Saċerdot nhar l-20 ta’ Diċembru 1952 fil-Konkattidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. 

Bħala reliġjuż u saċerdot huwa serva f’diversi komunitajiet f’Malta u kien ukoll għalliem tal-Latin u l-Lingwa Franċiża fil-Kulleġġ Santu Wistin u kappillan tal-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta. Barra minn Malta ħadem fil-missjoni Agostinjana fl-Afrika ta’ Fuq u fi Sqallija.  Tul is-snin huwa kellu dejjem imħabba kbira għall-Istorja, ir-riċerka u l-kitba tant li kiteb diversi artikli u ppubblika diversi kotba.

 Il-Provinċja Agostinjana tawgura lil Patri Mark ħafna aktar saħħa u ferħ fil-Mulej. Grazzi Patri Mark.

Ad Multos Annos.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.