L-esperjenza tagħna bdiet 9 xhur qabel ma tlajna lejn il-pajjiż sabiħ tal-Kenja. F’Malta, ippjanajna diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi biex niġbru flus għall-missjonijiet Agostinjani ta’ Amigos fl-Afrika. Kellna għadd ta’ laqgħat u live-in matul dan iż-żmien bi tħejjija għall-missjoni tagħna flimkien.

Malajr wasal iż-żmien li ntiru xi 2,900 mil lejn il-Kenja. Ladarba wasalna, kien impossibbli li ma tħobbx il-Kenja. In-natura kienet mill-isbaħ. Barra minn hekk, il-Kenjani kienu edukati ħafna, akkoljenti u ospitabbli mmens. Il-fidi tagħhom kienet ukoll mill-aqwa. Tassew kienu jafu  jiċċelebraw quddiesa! Il-kant u ż-żfin kollu kien tant tar-ruħ li dejjem tohrog bi tbissima fuq wiċċek.

Il-missjonijiet ewlenin tagħna f’Kisumu, Ishiara u Mbwiru kienu li nibnu djar għall-familji fil-bżonn. Familja waħda minn dawn kellha bżonn dar ġdida ghax id-dar preċedenti tagħhom kienet qed tiġġarraf minħabba l-għargħar. L-għargħar kultant kien tant ħażin li kellhom jorqdu fuq siġra!

Familja oħra kienet tikkonsisti f’omm u 3 itfal kollha jorqdu flimkien f’dar żgħira ħafna tal-landa. Il-missier miet milux u peress li t-tfal qed jikbru, kellhom bżonn spazju akbar fejn jgħixu. Qalbna kienet mimlija sodisfazzjon u imħabba li naraw dawn id-djar jiehdu l-forma. Il-familji rreċiprokaw bi gratitudni bla limitu.Meta ma konniex qed nibnu d-djar, konna qed nagħtu l-ikel lil uħud mill-ifqar tal-post u nżuru tfal tal-iskola. Fl-iskejjel ġejna milqugħa bl-aktar modi sabiħ li tista’ timmaġina, kienu jkantawlna u jiżfnulna. Uħud mit-tfal anke raw nies bojod għall-ewwel darba f’hajjithom!

Kollox ma’ kollox kienet esperjenza indimentikabbli u ha ngorru dejjem maghna l-gratitudni lejn dawk ta’ madwarna u għal dak kollu li ġejna mbierkin bih f’ħajjitna.

Mariana Grima



Jekk ikollok terġa’ tmur, tmur? Din kienet mistoqsija li minn mindu wasalt saqsewhieli diversi persuni bosta drabi. Ir-risposta tiegħi tkun pronta;“IVA!”.

Kont ilni nisma b’din il-mixja jew aħjar pellegrinagg għal ftit tas-snin mhux ħazin. Kont naf ħafna li għamluha minn diversi għaqdiet u dejjem kont imħajjar. Biss bejn li hija xi ħaġa relattivament stramba; għax ngħiduha kif inhi li timxi dak it-tul kollu (madwar 120Km f’6 ijiem) bl-affarijiet li jkollok bżonn fuq dahrek mihiex in-norma. Li esperjenza bħal din għall-ewwel darba tagħmilha waħdek tkun diffiċli u xtaqt insib grupp li nkun nista’ nagħmila magħhom.

B’xorti tajba waslitli l-kelma li kien hemm grupp taż-żgħażagħ li ser jitilgħu sabiex jagħmlu din il-mixja. Ovvjament la ġietni l-opportunità li naqta’ xewqti u ningassa ħaġa oħra mill- “bucket list”; dħalt għaliha. Għall-bidu kienet xhur ‘il bogħod u għalkemm kont ħerqan ma kontx nhewden u ninkwieta fuq l-ostaklu li kien hemm quddiemi. Iżda kif appena qorbu l-ġimgħat bħal donni ħassejtni ma kontx lest u kont ftit beżgħan; bdejt ninduna kemm forsi ma ppreparajtx biżżejjed għalkemm kelna mixjiet, laqgħat u anke live-ins biex inkunu iktar komdi mal-idea tal-Camino u flimkien bħala grupp.

Biss fl-aħħar mill-aħħar tipprattika kemm tipprattika qat m’inti ħa dduq l-istess toma tal-benna tal-Camino. Kienet xi ħaġa surreali li tqum filgħodu u taf li ser tgħaddi minn qalb il-kampanja, foresta, villaġġi u għelieqi. Tiltaqa’ ma’ kull xorta ta’ ħdura u natura. Veduti mill-isbaħ. Stħajjiltni qed ngħix f’ktejjeb tal-istejjer tat-tfal. Apparti dik il-frazi “Buen Camino”, li inti u miexi nies li qatt ma tkun iltqajt magħhom jispiċċaw jagħtuk dan l-awgurju.

F’xenarju mill-isbaħ konna nispiċċaw niltaqgħu ma’ diversi nies, pellegrini oħra, li kienu mexjin magħna u mal-ħin bdejna inrabbu din il-ħbiberija ma’ xulxin. Nies ġejjin minn kull rokna tad-dinja, kulħadd bl-għan u bl-esperjenza personali tiegħu.

L-iskopijiet għaliex ikunu qegħdin jagħmlu din il-mixja jkunu ħafna, hawn min ikun bħali, forsi jidħol għal-esperjenza bħal din għall-kurzità, u min forsi biex tkun challenge personali fl-aspett fiżiku. Biss pero naħseb il-Camino kapaċi jissorprendik b’mod li ma tkunx qed tistenna. Għalkemm kienet il-kurzità u l-leblieba sabiex nesperjenza xi ħaġa differenti li għenitni ngħid iva għal-mixja, ma kontx qed nistenna affarijiet oħra.

Il-Camino tista’ tqisu bħala metafora kbira tal-ħajja. Tlajja u inzul. Wita, art lixxa u oħra imħarbta. Foresti u anke “highways”, xemx jew xita. Matul it-triq tibda tagħti kas dak li qabel forsi anqas biss kien jagħddilek minn moħħok. Tkun inti u s-silenzju, inti u l-ħsibijiet tiegħek. Il-post jgħinek tirrifletti u tagħmel eżami tal-kuxejnza u tkompli tiskopri dak li Alla jrid minnek.

Kienet kaxxa ta’ Pandora li infetħet matul il-mixja. Ħallejt lili innifsi nintilef fl-esperjenza  tal-Camino, kemm mill-aspett fiziku imma anke dak spiritwali u mentali. Tibqa’ f’moħħi ix-xena ta’ meta wara dawk il-jiem kollha mixi wasalna f’dik il-pjazza quddiem il-Katidral ta’ San Ġakbu, emozzjoni indiskrivibbli li tħallik bla kliem. Ferħ għax tkun wasalt, fejn it-triq ma kienetx faċli għax qtiegħ il-qalb sibna ukoll, biss fl-istess ħin dwejjaq li l-esperjenza tkun laħqet il-qofol tagħha. Fl-aħħar mill-aħħar gratitudni kbira li kont wieħed mill-invidiwi li esperjenzajt il-Camino de Santiago.

L-istedina tiegħi tmur għal dawk kollha li anke jekk forsi għal-kurzità, jidħlu għaliha, zgur mhux forsi li tħalli impatt fuq l-ġewwieni tagħhom. Fl-aħħar nirringrazzja b’mod speċjali lil Fr Terence Spiteri osa u l-Augustinian Youths tal-opportunità, b’esperjenza indimentikabli. Jekk tkunu tixtiequ iktar informazzjoni fuq l-esperjenza tal-Camino għas-sajf 2024 u attivitajiet oħrajn tistgħu tidħlu fuq facebook/instagram Augustinian Youths jew email: This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.  

Ryan D'Amato


Il-Kċina tal-Imħabba ġiet inawgurata nhar il-Ħamis 20 ta’ Lulju b’ikla pprovduta b’mod ġeneruż minn The Avenue Restaurant u organizzata minn Tony Mejlaq u l-Prof Victor Grech. Għal din l-attività attendew 40 benefattur speċjali tal-Kappella tal-Millennju li taw kontribut ġeneruż għall-finanzjament tal-Kċina tal-Imħabba.

Mistieden speċjali tas-serata kien il-Prof Richard England li kien iddiżinja l-Millennium Chapel. Il-Prof England ta waħda mill-pitturi u l-ktieb speċjali tiegħu tal-knisja tal-Manikata għall-irkant matul is-serata. Inġabret ukoll somma sabiħa ta’ flus għall-ispejjeż tal-operat u l-ispejjeż tal-Kċina tal-Imħabba li dalwaqt tibda tipprovdi ikel lil nies foqra u bla dar. Inti tista' wkoll tkun parti mill-Kċina tal-Imħabba billi tagħmel id-donazzjoni tiegħek lill-APS Bank Account nru 36932120016 jew permezz ta' Revolut 99829429. Grazzi


Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Lulju 2023, l-aħwa tal-Fraternità Agostinjana Sekulari Santu Wistin u Santa Monika ltaqgħu f’Dar Santa Monika, f’San Pawl il-Baħar. Huma għamlu mument ta’ talb u ta’ qsim ta’ esperjenzi spiritwali dwar iċ-ċentralità ta’ Kristu fl-Ispiritwalità Agostinjana u fil-ħajja tagħhom personali. Wara kellhom mument soċjali li kien jikkonsisti f’ BBQ li għamlu fil-bitħa tad-dar.

Il-Fraternità Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika (F.A.S.) hija magħmula minn lajċi nsara.  Huma msejħin biex jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva Agostinjana, u jagħrfu jaqsmu bejniethom u ma’ oħrajn il-fidi u l-ħbiberija tagħhom.


Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada kif ippubblikat ‘Ir-Ritrattazzjonijiet’, li hija kitba ta’ Santu Wistin dwar kitbietu maqluba għall-Malti u ppreżentati mil-Professur P. Salvino Caruana OSA. Il-ktieb ikompli mas-sensiela ta’ xogħolijiet ta’ Santu Wistin li tana P. Salvino tul is-snin, u huma ta’ siwi kbir għall-istudju dwar il-ħajja, il-kitba, u l-wirt li ħallielna l-isqof kbir duttur tal-Knisja. Din hija filfatt biċċa ħidma letterarja ta’ ċertu toqol li ħadet madwar sentejn ta’ ħidma.

Fiż-żewġ kotba tar-Ritrattazzjonijiet, S. Wistin, tana għamla ta’ stqarrija oħra, din id-darba mhux dik dwar xi qagħdiet ta’ ħajtu,  bħalma b’umiltà morali mill-iprem tana fl-Istqarrijiet, iżda dik dwar kitbietu. Fihom, huwa stqarr fejn seta’ fisser ruħu aħjar, fejn sewwa xi ħsibijiet teoloġiċi u oħrajn, jew ċaħad xi aspetti f’kitbietu tul l-40 sena ta’ ħidma tal-pinna. Hekk Wistin, b’sens ta’ umiltà mill-ikbar u b’biċċa xogħol unika fix-xejra tagħha, ta’ 72 sena, reġa’ ta’ daqqa t’għajn lejn il-kotba kollha li kien kiteb sa mis-sena 383 WK. F’moħħu kellu li jagħmel l-istess ħaġa għall-priedki tiegħu kollha, kif ukoll għall-ittri kollha li kien kiteb, imma laħaq miet.

Is-siwi kbir ta’ dawn iż-żewġ kotba huwa magħruf u mfaħħar minn għadd ta’ kittieba nsara tal-ewwel sekli. Il-kotba tar-Ritrattazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala daħla għall-kitbiet kollha li tal-istess Wistin ta’ Ippona, tul l-erbgħin sena ta’ ħidma tal-pinna li biha huwa qeda lill-Knisja u lill-bnedmin. Huma biċċa xogħol li  jixraq li titniżżel fl-ewwel post fil-lista tal-kitbiet tad-Duttur Afrikan tal-Knisja Kattolika.

Il-Ktieb jista’ jinkiseb għall-prezz ta’ €18 mingħand P. Salvinu, Kunvent S. Wistin Triq l-Ifran, il-Belt Valletta (m. 7929 4177); mill-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex; kif ukoll mid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan (m. 79515371 e-mail. This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.).


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.