F’dawn il-ġranet, il-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. qed jagħmel żjara fraterna lill-aħwa Agostinjani fil-Brażil. Fost l-aħwa agostinjani hemmhekk hemm tliet aħwa Brażiljani li wara t-twaqqif tal-Provinċja Agostinjana tal-Brażil għaxar snin ilu, baqgħu affiljati mal-Provinċja ta’ Malta waqt li jaħdmu fil-Provinċja l-ġdida tal-Brażil.

Fl-1962 l-aħwa Maltin bdew il-ħidma missjunarja tal-Provinċja Agostinjana Maltija fil-Brażil u tul is-snin ħadmu f’diversi parroċċi fi stati differenti ta’ dan il-pajjiż enormi. Hemmhekk il-patrijiet Maltin, bil-għajnuna ta’ tant benefatturi Maltin bnew knejjes, kunventi u anke Dar ta’ formazzjoni. Fil-Brażil kienu jaħdmu ukoll diversi agostinjani Spanjoli u biż-żmien bdew jiżdiedu anke l-vokazzjonijiet Brażiljani. Għaxar snin ilu twaqqfet il-Provinċja Agostinjana tal-Brażil u d-delegazzjoni Maltija appoġġjat il-proċess tat-twaqqif u għaddiet kollox lill-Provinċja l-ġdida .

F’dawn il-ġranet il-Provinċjal iltaqa’ mal-Provinċjal tal-Provinċja tal-Brasil, P. Mauricio Jose Manosso Rocha O.S.A. u qed ikollu laqgħat ukoll mal-aħwa Brażiljani li huma affiljati fil-Provinċja ta’ Malta. Huwa qed iżur ir-realtajiet differenti li fihom ħadmu l-Maltin u anke diversi proġetti tal-Provinċja Brażiljana inkluż diversi kulleġġi.



L-Assemblea Provinċjali Intermedja ġiet fi tmiemha permezz ta’ ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija bil-parteċipazzjoni ta’ numru sabih ta’ lajċi, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Il-Quddiesa li fiha ċċelebrajna l-liturġija tal-Festa tal-Konverżjoni ta’ Santu Wistin kienet preseduta mil-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt, filwaqt li l-Assistent Ġenerali P. Javier Perez Barba għamel l-omelija.

Aktar kmieni waranofsinhar, l-aħwa nġabru fl-Awla Santu Wistin fil-Kunvent tal-Belt stess fejn inqraw l-Atti tal-Assemblea u ġew approvati. Imbagħad l-Assistent Ġenerali għamel kelmtejn ta’ ringrazzjament u għalaq formalment l-Assemblea.

Matul dawn il-jiem l-aħwa agostinjani kellhom diversi mumenti ta’ laqgħat li fihom evalwaw il-mixja tagħhom u ddiskutew anke l-isfidi u ‘l mixja ‘l quddiem.


Minn nhar it-Tnejn 22 sal-Erbgħa 24 ta' April, l-aħwa Agostinjani tal-Provinċja Maltija ser jinġabru għall-Assemblea Provinċjali Intermedja fid-The Santa Rita Priory f'San Ġiljan. L-Assemblea hija mument li fih il-patrijiet jagħmlu evalwazzjoni tal-ħajja u l-ħidma tagħhom partikolarment fis-sentejn li għaddew u jiddiskutu l-l-isfidi ta’ llum u l-mixja 'l quddiem.

It-Tlitt ijiem tal-Assemblea jagħlqu permezz ta’ quddiesa nhar l-Erbgħa 24 ta’ April, Festa tal-Konverżjoni ta’ Santu Wistin fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fis-7.15pm.  Il-quddiesa hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jinagħqdu magħna f’dan il-mument u jroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li jagħmel mal-aħwa Agostinjani u permezz tagħhom fir-realtajiet li jservu. Wara l-quddiesa nieħdu xi ħaġa flimkien fil-kuridur tal-Kunvent.


Permezz taċ-Ċelebrazzjoni tal-quddiesa tal-Ispirtu s-Santu u l-kant tal-Veni Creator, dalgħodu fetħet l-Assemblea Provinċjali 2024 tal-aħwa Agostinjani Maltin fid-The Santa Rita Priory f’San Ġiljan. L-Assemblea qed tkun preseduta mill-Assietent Ġenerali P. Javier Perez Barba O.S.A. li ppresieda anke l-Ewkaristija ta’ dalgħodu. Aktar tard filgħodu l-aħwa nġabru fl-awla tal-kapitlu fejn infetħet l-ewwel sessjoni minn P. Frankie Cini M.S.S.P. li qasam mal-aħwa diversi riflessjonijiet marbuta mal-isfidi tal-ħajja konsagrata, tal-Knisja u s-soċjetà tallum, u l-ħtieġa ta’ mixja li twassal għal għażliet konkreti. L-istess P. Frankie anima wkoll id-diskussjonijiet fis-sessjoni ta’ waranofsinhar. L-Ewwel jum tal-Assemblea għalaq permezz tat-talba tal-Għasar. 


Ħidma prestiġjuża akkademika ta’ kull sena fl-Istitut Agostinjan hu l-Annual Saint Augustine Lecture. Il-lecture twaqqaf mill-Professur P. Salvinu Caruana, Agostinjan, fl-1998 ġewwa l-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta fuq xewqa u interess kbir mill-mibki Professur Dun Peter Serracino Inglott, Rettur tal-istess Università. L-ewwel lecture jinżamm fl-Università ta’ Malta, u l-ieħor imbagħad jinżamm fl-Istitut Agostinjan. Is-suġġett għal din is-sena akkademika tal-Istitut Agostinjan kien dwar l-Istqarrijiet ta’ Santu Wistin ta' Ippona. Ġie mistieden sabiex jagħti ż-żewġ lectures tal-25 edizzjoni tal-Annual Saint Augustine Lecture (2024), Dr Kolawole Chabi, Agostinjan minn Benin, imma li issa ilu jgħix u jgħallem għal snin twal fl-Università Pontifiċja Augustinianum f’Ruma.

Il-lecture hu mniedi flimkien mal-Provinċja Agostinjana ta’ Malta, mal-Fakultà tat-Teoloġija tal-Università ta’ Malta, u mal-Fondazzjoni għall-Istudji fit-Teoloġija tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. L-ewwel lecture ta’ nhar il-Erbgħa, 20 ta’ Marzu 2024, fis-7.00pm, il-Professur Chabi għamlu fl-LT 2 (Francis Ebejer Hall) tal-Università ta’ Malta, dwar The Concept confessio/confiteri and its Use in Augustine of Hippo’s Œuvre outside of The Confessions. Is-serata tmexxiet mir-Revdmu Mons. Professur Hector Scerri. Wara kien hemm riċeviment. L-għada, il-Professur Chabi ta lecture ieħor ta’ nhar il-Ħamis, 21 ta’ Marzu 2024 fis-6.30pm, fis-sala tal-Istitut Agostinjan, dwar Augustine, Doctor Gratiae, in The Confessions. Is-serata tmexxiet mir-Revdu P. Pierre Desira OSA, Ass. Dir. Istitut Agostinjan. Wara Wara kien hemm riċeviment. Il-lecture huwa aspett ieħor tas-sena akkademika ġewwa l-Istitut Agostinjan fil-kumpless ta’ S. Rita, S. Ġiljan.

Għal iktar tagħrif dwar is-sena akkademika 2025, ikteb lil P. Salvinu Caruana OSA PO Box 61 Msida PO MSD 1000; Kunvent S. Wistin, Triq l-Ifran, Il-Belt Valletta VLT 1452; jew ċempel fuq 7929 4177.

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.