Wieħed mill-proġetti kbar ta’ ħidma tagħna bħala Provinċja li kważi lkoll kemm aħna missejna miegħu f’xi waqt jew ieħor huwa l-Kulleġġ, u xtaqt li permezz ta’ din iċ-ċirkolari niċċelebaw lil dawk l-aħwa kollha li tul is-snin u llum kienu jew għadhom parti minn din l-esperjenza.

Kien għadu tista’ tgħid fl-ewwel snin mit-twaqqif tal-Provinċja tagħna meta l-Provinċjal P. Gaetano Pace Forno ġieħ il-ħsieb li l-Provinċja, timraħ f’esperjenza ġdida. Ir-rapport tal-Kummissjoni Rjali tal-1836, kien wera biċ-ċar li wieħed min-nuqqasijiet kbar li kien hawn f’Malta kien dak ta’ opportunitajiet għall-edukazzjoni tat-tfal u fi ftit snin, il-Gvern ingliż beda jiftaħ l-ewwel skejjel tiegħu. Sensibbli għal din ir-realtà, fl-1847 il-Provinċjal kiteb lill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni f’Ruma u qasam miegħu il-ħsieb li kellu li l-Provinċja, tinvesti fi skola bla ħlas għat-tfal. Il-Pirjol Ġenerali malajr approva u esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-idea sabiħa ta’ din l-opra soċjali li sejħilha kbira u meħtieġa. L-istess idea kienet imbagħad diskussa u approvata unanimament fil-Kunsill Provinċjali nhar il-31 ta’ Awissu 1848. Nhar it-23 ta’ Ottubru 1848 fetħet l-ewwel sena akkademika tal-Iskola Santu Wistin li kienet filfatt l-ewwel skola kattolika bla ħlas fil-gżejjer Maltin. Apparti s-sensibilità għall-bżonn reali tat-tfal, kien hemm bla dubju ta’ xejn fatturi oħra li mmotivaw dan il-pass bħalma kien in-numru sabiħ ta’ reliġjużi li setgħu jagħtu kontribut soċjali akbar u s-sentiment li l-Knisja Kattolika tibqa preżenza valida f’kull qasam, imma fuq kollox jibqa’ l-fatt li f’dawn iċ-ċirkostanzi kien pass profetiku.

Żgur li ma kienx jgħaddi minn moħħ ir-reliġjużi ta’ dak iż-żmien l-iżviluppi kbar li din l-opra soċjali kellha tgħaddi minnhom tul is-snin. Fost dawn, ta’ min isemmi l-investiment kontienwu fl-ispazji u r-riżorsi, il-qtigħ il-qalb ta’ żmien il-gwerra, l-għażliet li saru meta r-reliġjużi ma setgħux jibqgħu ilaħħqu mal-impenn meħtieġ weħidhom u allura il-kollaborazzjoni tal-lajċi, l-espansjoni tal-Kulleġġ, u diversi fatturi oħra. F’nota li sibt fl-arkivju tas-segreterija xi ħadd kien ħalla miktub li matul is-snin tat-tieni gwerra dinjija r-reliġjużi għamlu li setgħu biex baqgħu isibu modi kif jgħallmu lit-tfal, anke jekk il-bibien tal-iskola formalment kellhom jingħalqu. Ftit forsi kien jgħaddilna minn moħna li din l-istorja kellna nerġgħu ngħaddu minna fi żmienna meta faqqgħet il-Pandemija Covid-19 u l-bibien tal-Kulleġġ reġgħu ingħalqu. Grazzi għat-tmexxija preżenti, anke din id-darba l-Kulleġġ impenja lilu nnifsu li jibqa’ għaddej u kien minn ta’ l-ewwel biex jimraħ f’sistemi virtwali li setgħu jibqgħu iwasslu t-tagħlim lit-tfal fid-djar tagħhom. Meta tħares lejn dan kollu tirrealizza kemm l-istorja tirrepeti ruħha anke jekk quddiem strutturi, u riżorsi li huma ferm differenti minn ta’ qabilhom. L-isbaħ fuq kollox huwa l-fatt li dak li baqa jirripeti ruħu huwa l-ispirtu u l-impenn li l-iskola jew il-Kulleġġ tagħna jibqa’ jagħti l-aħjar.

Illum inħarsu lejn din il-missjoni edukattiva u tassew għandna għax irroddu ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna tul is-snin. Kemm hu sabiħ li napprezzaw dak li sar qabilna li jitwaħħad f’esperjenza kontienwa ma dak kollu li għadu jsir illum f’istorja waħda twila. Nixtieq minn qalbi nsellem lill-aħwa kollha li tul is-snin ħadmu fil-Kulleġġ u li llum m’għadhomx magħna. Il-Mulej jilqagħhom fi ħdanu u jagħtihom il-premju tal-eternita’ li tant ħadmu għalih. Insellem anke lil dawk kollha li għadhom mimlija bil-għomor u li ħadmu b’mod jew ieħor fil-Kulleġġ. Żgur li ż-żmien tagħhom fil-Kulleġġ immarkahom b’xi mod jew ieħor għal ħajjithom, bħalma l-marka ta’ kull wieħed minna tibqa’ fil-qalb tal-istudenti u familji kollha li xi darba kienu parti mill-komunita’ edukattiva tal-Kulleġġ. Fuq kollox insellem lill-aħwa li huma impenjati fil-Kulleġġ illum, partikolarment il-Komunità tagħna f’Tal-Pieta li, barra responsabiltajiet oħra fil-Provinċja, janimaw fuq kollox din il-Missjoni Edukattiva; ir-Rettur P. David Cortis, ic-Chaplain P. Terence Spiteri u l-Pirjol tal-Komunità P. Mario Abela. Grazzi tal-ħidma li qed tagħmlu f’isimna lkoll, waqt li f’isimkom, ilkoll kemm aħna ngħixu l-preżenza u l-qadi tagħna f’servizzi u komunitajiet oħra.

Għalkemm din iċ-ċirkolari hija indirizzata aktar għar-reliġjużi, ma nixtieqx nagħlaq dawn il-kelmtejn bla ma nsellem in-numru dejjem jikber ta’ lajċi li jikkollaboraw magħna f’din il-ħidma  partikolarment il-kapijiet rispettivi u l-assistenti kapijiet, imma magħhom dawk kollha li jservu f’kull qasam. Is-sabiħ ta’ din l-istorja kollha, kemm bit-tant reliġjużi tul is-snin, u anke bil-ħafna lajċi llum, huwa l-fatt li jirnexxielna nġibu flimkien tant karattri differenti li iżda jinagħqdu fi spirtu u għan wieħed li huwa l-missjoni edukattiva tat-tfal tagħna.

Ejjew nitolbu l-Mulej inissel l-ispirtu tiegħu fuq il-Komunità edukattiva kollha tal-Kulleġġ tagħna waqt li jgħinna nkomplu ninvestu b’kull mezz possibbli fi struttura li tagħti stabilita’ u kontinwita’ lil din il-missjoni tagħna.

P. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali



Is-Sibt 7 ta’ Ottubru, il-Komunita Agostinjana tal-Belt ħadet sehem fin-Notte Bianca li issa saret parti mill-Kalendarju annwali tal-Belt Kapitali permezz ta’ diversi inizjattivi. Fost dawn ta’ min isemmi il-wirja li ġiet imtella’ fl-okkażjoni tal-175 sena mit-twaqqif tal-Kulleġġ Santu Wistin fl-istess kuriduri li tant snin ilu servew bħala skola fil-Kunvent tal-Belt. Dak iż-żmien l-Iskola Santu Wistin kienet l-ewwel skola tal-Knisja bla ħlas għat-tfal Maltin. Diversi żgħażagħ minn Tagaste Youths li huma lkoll ex-studenti tal-kulleġġ, laqgħu in-nies fid-daħla tal-Kunvent u dawruhom mhux biss mal-wirja, imma anke ma’ partijiet mill-mużew tal-Kunvent. Dawk kollha li ġew, setgħu japprezzaw diversi spazji tal-kunvent li jagħmlu parti mic-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tal-Komunità li eventwalment għandu jkun lest u jinfetaħ għall-pubbliku fix-xhur li ġejjin.

Apparti ċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa bħal kull nhar ta’ Sibt, fil-knisja ttellgħu żewġ kunċerti mis-Saint Monica Vocal Ensamble b’repertorju ta’ siltiet ta’ mużika sagra. Iż-żewġ kunċerti ntlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku li apprezza kemm il-biċċiet magħżula imma anke l-vuċijiet mill-isbaħ.


Il-ġimgħat li għaddew ġabu magħhom diversi festi fil-kalendarju Liturġiku Agostinjan. Ewlenin fosthom huma l-festi ta’ Santu Wistin u tal-Madonna taċ-Ċintura li kienu ċċelebrati b’mod solenni partikolarment fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tar-Rabat f’Malta, u tal-Belt Victoria f’Għawdex. Għal dawn il-festi tħejja programm ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi li permezz tagħhom raddejna ħajr lil Alla għal dak kollu li għamel magħna permezz ta’ Ommu Marija u ta’ Santu Wistin missierna.

Il-festi fil-Belt Valletta laħqu l-qofol tagħhom permezz tal-Festa Titulari tal-Parroċċa li ġiet iċċelebrata fit-3 ta’ Settembru bil-purċissjoni bl-istatwa ta’ Santu Wistin fit-toroq tal-Belt. Il-Festa tal-Madonna taċ-Ċintura fil-Belt kienet iċċelebrata s-Sibt 26 ta’ Awwissu, waqt li fir-Rabat imbagħad kienet iċċelebrata s-Sibt 9 ta’ Settembru. Fil-Knisja ta’ Santu Wistin f’Għawdex iż-żewġ festi kienu ċċelebrati fil-ġranet liturġiċi tagħhom jiġifieri nhar it-28 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru. Barra l-jiem tal-festa saru anke jiem ta’ preparazzjoni b’diversi ċelebrazzjonijiet li offrew riflessjonijiet fuq il-figuri ta’ Santu Wistin u d-devozzjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-konsolazzjoni li hija l-padruna tal-familja Agostinjana.

Fis-27 ta’ Awwissu flimkien mal-Knisja universali ċċelebrajna anke l-festa ta’ Santa Monika, omm Santu Wistin, waqt li fl-10 ta’ Settembru imbagħad, il-Kalendarju liturġiku Agostinjan ippreżentalna l-figura ta’ San Nikola minn Tolentino li huwa l-ewwel reliġjuż Agostinjan li kien iddikjarat qaddis. Il-festa tiegħu fil-Knisja ddedikata lilu f’Ħal-Tarxien ser tiġi ċċelebrata s-Sibt 30 ta’ Settembru.

Sadanittant matul ix-xahar ta’ Settembru, diversi Parroċċi madwar Malta iċċelebraw il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura bl-aħħar waħda tkun imbagħad dik tal-Gudja li tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.


Bejn is-Sibt 23 ta’ Settembru u l-Ħadd 24 ta’ Settembru, il-Komunità Agostinjana tar-Rabat ħadet sehem fl-inizjattiva Rabat Sacrum li ġiet imtella mill-Kunsill Lokali tar-Rabat bil-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet ċivili u reliġjużi. L-idea tal-inizjattiva kienet l-ewwel u qabel xejn li tagħti l-opportunità lill-pubbliku biex jaraw u japprezzaw it-teżori moħbija fl-Imqades Rabtin. Ma’ dan kien hemm anke diversi inizjattivi mużikali u kulturali li kkaratteriżżaw is-serata tas-Sibt.

Il-Komunità Agostinjana tar-Rabat għal din l-okkażjoni fetħet is-sular ta’ isfel tal-Kunvent biex in-nies setgħet tapprezza l-binja sabiħa tal-arkitett tal-Ordni Andrea Belli li nbena lejn nofs tas-seklu 18. F’dawn l-ispazji tal-Kunvent, wieħed seta' japprezza ukoll il-mużew mill-isbaħ b’diversi opri ta’ arti. Ewlenija fosthom ta’ min isemmi l-erba’ pannelli ta’ skola pittorika ta’ Sqallija li jiffurmaw il-polittiku li kien ikkummissjonat mir-reliġjużi Agostinjani fis-seklu XV.  Din hi opra ta’ arti ta’ valur kbir mhux biss għall-Kunvent ta’ San Mark, imma anke għall-istorja tal-Arti fil-gżejjer tagħna.

Apparti l-kunvent wieħed seta’ japprezza wkoll il-knisja ta’ San Mark  li tmur lura għas-seklu  XV, u nbniet mill-arkitett Girolamo Cassar li aktarx uża l-pjanta ta’ din il-knisja bħala prova biex imbagħad bena l-Konkatidral ta’ San Gwann. 

Bħala parti mill-inizjattivi kulturali li ttellgħu, wara l-quddiesa ta’ filgħaxija ttella’ kunċert tal-Orgni fil-knisja mill-organista Claire Balucci akkumpanjata minn Soprani lokali.


Il-Ħadd 10 ta’ Settembru l-Komunità Kattolika Vjetnamiża f’Malta ċċelebraw l-ewwel quddiesa tagħhom fil-Knisja tal-Madonna tal-Bon Kunsill, Paceville. Dan kien pass enormi għall-komunità żgħira Vjetnamiża li għadha kif ġiet stabbilita. Nittamaw li, fil-futur, din il-komunità tkun post fejn il-familji u ż-żgħażagħ Kattoliċi Vjetnamiżi kollha li jgħixu u jistudjaw Malta jiltaqgħu u jappoġġjaw lil xulxin biex jgħixu l-fidi u l-ħajja ta’ kuljum bħala wlied Alla ‘l bogħod mill-familji u l-pajjiż tagħhom.

Nixtiequ nirringrazzjaw mill-qalb lill-Komunità Agostinjana f’Paceville talli fetħet idejha b'mod ġeneruż u laqgħetna b’idha miftuħa.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.