Bejn is-16 u l-20 ta’ Ġunju, fl-Istudju Teoloġiku Agostinjan f’Valladolid fi Spanja, iltaqgħet l-Assemblea tal-Organizzazzjoni tal-Agostinjani tal-Ewropa. Malta kienet rappreżentata mil-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A.. Din il-laqgħa ġabet flimkien rappreżentanti tal-pajjiżi fejn jaħdmu l-aħwa Agostinjani, flimkien mal-Pirjol Ġenerali, il-Vigarju Ġenerali u l-Assistenti Ġenerali responsabbli miċ-ċirkoskrizzjonijiet Ewropej.

F’dawn il-jiem l-assemblea ddiskutiet is-Sinodalità, l-attenzjoni għall-protezzjoni tal-minuri u l-persuni vulnerabbli, u l-formazzjoni tal-kandidati ġodda. Kull rappreżentant kellu l-opportunità jaqsam anke ftit spunti dwar ir-realta’ tal-preżenza Agostinjana fil-pajjiż partikolari u l-isfidi tal-Ordni u tal-Knisja rispettivament.  

Fil-Monasteru ta’ Valladolid, tgħix komunità mdaqqsa ta’ patrijiet Agostinjani u hemm ukoll professorju fejn jiġu ffurmati kandidati minn diversi pajjiżi madwar id-dinja. Iċ-Ċentru Teoloġiku iservi anke s-seminaristi djoċesani, kandidati minn Ordnijiet u Kongregazzjonijiet oħra, flimkien ma’ numru sabiħ ta’ Lajċi.



Bejn l-10 u l-14 ta’ Ġunju grupp ta’ aħwa Agostinjani inġabru għal ftit jiem ta’ rtir f’Dar il-Ħanin Sammaritan f’Santa Venera. Matul dawn il-jiem l-aħwa kellhom l-opportunità li jieqfu ftit mir-rutina tal-ħajja u jgħixu mumenti ta’ aktar skiet, talb u riflessjoni akkumpanjati minn Fr Brendan Mark Gatt li anima dawn il-ġranet. Ir-riflessjonijiet ta’ Fr Brendan offrew spunti interessanti biex wieħed jirrifletti dwar is-sejħa tar-reliġjużi u l-mixja tagħhom fil-Knisja.

Dawn il-jiem kienu wkoll opportunità sabiħa biex reliġjużi minn komunitajiet differenti jiġu flimkien u jaqsmu s-sabiħ tal-ħajja reliġjuża Agostinjana lil hinn mill-ħidma u minn dak kollu li normalment isawwar il-ġranet b’tant attività. Il-ġranet tal-Irtir jagħtu  anke okkażjoni ta’ esperjenza sabiħa ta’ talb b’mod aktar kalm u opportunita sabiħa ta’ tiġdid spiritwali. Grupp ieħor ta’ aħwa għandhom jieħdu sehem f’irtir ieħor li ser isir f’Għawdex f’Ottubru li ġej.


Il-Provinċja Agostinjana Maltija b’sogħba kbira tħabbar il-mewt ta’ Fra Mario Bonnici OSA li nhar is-Sibt 25 ta’ Mejju 2024 mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu. Fra Mario dawn l-aħħar ġimgħat kien rikoverat fl-isptar Karen Grech. 

Bħala reliġjuż, Fra Mario qatta żmien twil fil-komunità f’Tal Pietà fejn kien jaħdem fil-Kulleġġ Santu Wistin. Sitt snin ilu imbagħad beda jagħmel parti mill-komunità tal-Parroċċa Santu Wistin tal-Belt Valletta.  Fra Mario kien bniedem disponibbli mmens u għal ħafna snin, barra l-Kulleġġ Santu Wistin, ta s-servizz tiegħu lil diversi kunventi.

Il-funeral tiegħu ser isir nhar is-Sibt 1 ta' Ġunju fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna Fra Mario ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

L-aħwa agostinjani jirrakomandawh fit-talb sabiex il-Mulej jilqgħu fil-ħniena tiegħu u jagħtih il-ħlas ta’ dak kollu li ħadem għalih matul ħajtu. 

Agħtih O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqu, jistrieħ fis-sliem. Amen.


Bejn it-23 ta’ Mejju u t-8 ta’ Ġunju, Patri Javier Perez Barba O.S.A., Assistent Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin għamel żjara Kanonika lir-reliġjużi Agostinjani f’Malta. Patri Javier huwa l-Assistent Ġenerali responsabbli mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Ewropa, jiġifieri Spanja, l-Italja, u Malta. Parti mill-ħidma tiegħu bħala Assistent tal-Pirjol Ġenerali hija li minn żmien għal żmien iżur lir-reliġjużi tal-pajjiżi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, jismagħhom, u joffrilhom spunti ta’ riflessjoni għat-tiġdid tagħhom.

Matul dawn il-jiem filfatt huwa għadda jumejn f’kull Komunità Agostinjana fejn kellu ċ-ċans jitkellem ma’ kull reliġjuż individwalment u anke għamel laqgħa ma’ kull komunità rispettivament. Fl-aħħar taż-żjarat fil-Komunitajiet huwa ltaqa’ anke mal-Kunsill Provinċjali u qasam magħhom riflessjonijiet dwar dak li sema u dak li jħoss li għandom ikunu l-prijoritajiet tal-Provinċja għas-snin li ġejjin. Huwa kellu okkażjoni jżur anke l-aħwa fid-dar tal-Kleru u Villa Messina.

F’Isem il-Pirjol Ġenerali, Patri Javier għamel żjara anke lis-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplativa fil-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt Valletta u evalwa magħhom l-isfidi tar-realta’ li qed jgħixu waqt li esprima x-xewqa tal-Ordni li r-realta’ tal-Ħajja Kontemplativa Agostinjana tissaħħaħ.


Fiċ-ċelebrazzjoni tradizzjonali għall-Morda u l-Anzjani fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta, il-Provinċjal P. Leslie Gatt  OSA, inkoraġixxa lill-morda biex iħaddnu lil Ġesù kif għamlu tant qaddisin fit-toqol tal-ħajja. Il-Provinċjal ħeġġeġ biex waqt li jsibu l-kuraġġ fl-interċessjoni tal-qaddisa tal-impossibbli Santa Rita, joffru t-tbatija u t-toqol tal-mard tagħhom għal aktar vokazzjonijiet - u vokazzjonijiet qaddisa - fil-Knisja u fil-Familja Agostinjana fejn Santa Rita għexet il-konsagrazzjoni reliġjuża tagħha.

Għall-quddiesa li fiha ġie amministrat is-sagrament tal-Griżma tal-Morda, kienu preżenti numru kbir ta’ morda, ħafna minnhom minn residenzi tal-anzjani differenti. Iċ-ċelebrazzjoni għall-morda u l-anzjani fil-jiem tal-festa ta’ Santa Rita fil-Belt Valletta, hija tradizzjoni li ilha ssir snin twal u ħafna jiftakru anke t-trasmissjoni tagħha fuq ir-redifjuxin.

Prattikament dan kien il-bidu taċ-ċelebrazzjonijiet li jsiru f’ġieh Santa Rita fil-knejjes kollha Agostinjani madwar Malta. Il-festa tal-qaddisa kienet iċċelebrata is-Sibt li għadda (17 ta’ Mejju) fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat u fil-weekends li ġejjin tkompli issir fil-knejjes l-oħra. Sadanittant fil-Jum tal-Festa Liturġika, li jaħbat nhar l-Erbgħa 22 ta’ Mejju, il-festa tiġi ċċelebrata fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta, li sservi bħala ċentru nazzjonali ta’ devozzjoni lejn il-qaddisa, u fil-Knisja ta’ Santu Wistin fir-Rabat Għawdex. Fiż-żewġ knejjes ikun hemm programm ta’ ċelebrazzjonijiet tal-quddies matul il-Jum u pellegrinaġġ fit-toroq bl-istatwa tal-qaddisa.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.