Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Lulju 2023, l-aħwa tal-Fraternità Agostinjana Sekulari Santu Wistin u Santa Monika ltaqgħu f’Dar Santa Monika, f’San Pawl il-Baħar. Huma għamlu mument ta’ talb u ta’ qsim ta’ esperjenzi spiritwali dwar iċ-ċentralità ta’ Kristu fl-Ispiritwalità Agostinjana u fil-ħajja tagħhom personali. Wara kellhom mument soċjali li kien jikkonsisti f’ BBQ li għamlu fil-bitħa tad-dar.

Il-Fraternità Agostinjana Sekulari ta’ Santu Wistin u Santa Monika (F.A.S.) hija magħmula minn lajċi nsara.  Huma msejħin biex jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva Agostinjana, u jagħrfu jaqsmu bejniethom u ma’ oħrajn il-fidi u l-ħbiberija tagħhom.



Il-Kċina tal-Imħabba ġiet inawgurata nhar il-Ħamis 20 ta’ Lulju b’ikla pprovduta b’mod ġeneruż minn The Avenue Restaurant u organizzata minn Tony Mejlaq u l-Prof Victor Grech. Għal din l-attività attendew 40 benefattur speċjali tal-Kappella tal-Millennju li taw kontribut ġeneruż għall-finanzjament tal-Kċina tal-Imħabba.

Mistieden speċjali tas-serata kien il-Prof Richard England li kien iddiżinja l-Millennium Chapel. Il-Prof England ta waħda mill-pitturi u l-ktieb speċjali tiegħu tal-knisja tal-Manikata għall-irkant matul is-serata. Inġabret ukoll somma sabiħa ta’ flus għall-ispejjeż tal-operat u l-ispejjeż tal-Kċina tal-Imħabba li dalwaqt tibda tipprovdi ikel lil nies foqra u bla dar. Inti tista' wkoll tkun parti mill-Kċina tal-Imħabba billi tagħmel id-donazzjoni tiegħek lill-APS Bank Account nru 36932120016 jew permezz ta' Revolut 99829429. Grazzi


Nhar l-Erbgħa 5 ta’ Lulju għal ħabta tas-7pm l-aħwa Agostinjani iltaqgħu flimkien għal mument ta’ talb fil-kappella Bellesini fil-Kulleġġ Santu Wistin, Pietà u wara komplew jieħdu gost bil-preżenza ta’ xulxin billi kielu flimkien fil-kunvent San Tumas minn Villanova f’Tal-Pietà. Kien mument fratern sabiħ għal dawk kollha li kienu preżenti.


Il-Provinċja Agostinjana Maltija għada kif ippubblikat ‘Ir-Ritrattazzjonijiet’, li hija kitba ta’ Santu Wistin dwar kitbietu maqluba għall-Malti u ppreżentati mil-Professur P. Salvino Caruana OSA. Il-ktieb ikompli mas-sensiela ta’ xogħolijiet ta’ Santu Wistin li tana P. Salvino tul is-snin, u huma ta’ siwi kbir għall-istudju dwar il-ħajja, il-kitba, u l-wirt li ħallielna l-isqof kbir duttur tal-Knisja. Din hija filfatt biċċa ħidma letterarja ta’ ċertu toqol li ħadet madwar sentejn ta’ ħidma.

Fiż-żewġ kotba tar-Ritrattazzjonijiet, S. Wistin, tana għamla ta’ stqarrija oħra, din id-darba mhux dik dwar xi qagħdiet ta’ ħajtu,  bħalma b’umiltà morali mill-iprem tana fl-Istqarrijiet, iżda dik dwar kitbietu. Fihom, huwa stqarr fejn seta’ fisser ruħu aħjar, fejn sewwa xi ħsibijiet teoloġiċi u oħrajn, jew ċaħad xi aspetti f’kitbietu tul l-40 sena ta’ ħidma tal-pinna. Hekk Wistin, b’sens ta’ umiltà mill-ikbar u b’biċċa xogħol unika fix-xejra tagħha, ta’ 72 sena, reġa’ ta’ daqqa t’għajn lejn il-kotba kollha li kien kiteb sa mis-sena 383 WK. F’moħħu kellu li jagħmel l-istess ħaġa għall-priedki tiegħu kollha, kif ukoll għall-ittri kollha li kien kiteb, imma laħaq miet.

Is-siwi kbir ta’ dawn iż-żewġ kotba huwa magħruf u mfaħħar minn għadd ta’ kittieba nsara tal-ewwel sekli. Il-kotba tar-Ritrattazzjonijiet jistgħu jitqiesu bħala daħla għall-kitbiet kollha li tal-istess Wistin ta’ Ippona, tul l-erbgħin sena ta’ ħidma tal-pinna li biha huwa qeda lill-Knisja u lill-bnedmin. Huma biċċa xogħol li  jixraq li titniżżel fl-ewwel post fil-lista tal-kitbiet tad-Duttur Afrikan tal-Knisja Kattolika.

Il-Ktieb jista’ jinkiseb għall-prezz ta’ €18 mingħand P. Salvinu, Kunvent S. Wistin Triq l-Ifran, il-Belt Valletta (m. 7929 4177); mill-Kunvent ta’ Santu Wistin f’Għawdex; kif ukoll mid-The Santa Rita Priory, San Ġiljan (m. 79515371 e-mail. This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.).


Matul is-sajf isiru diversi attivitajiet maż-żgħażagħ bħal live-ins, BBQs, mumenti ta’ talb u esperjenzi oħrajn li jkomplu jgħinu liż-żgħażagħ fil-mixja tal-ħajja tagħhom. Daniel Bajada, wieħed miż-żgħażagħ qasam l-esperjenza tiegħu tal-live-in li kien organizzat fil-bidu ta’ Lulju:

 Il-Ħadd 2 ta’ Lulju, flimkien ma’ sħabi, Fr Terence, Fr Leslie u Fr Mario irħejnilha lejn Għawdex. Qattajna 3 ijiem flimkien fil-kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat. Kull ġurnata kienet mimlija attivitajiet varji fejn għenuna nsiru nafu aktar lil xulxin, bħal ħrug lejn iċ-Ċittadella, Ta’ Pinu kif ukoll il-baħar fejn lgħabna u komplejna nieħdu gost flimkien. Apparti l- ħruġ, xi ħaġa li veru apprezzajt u li ħalliet impatt fuqi huma l-ħinijet ta’ riflessjoni u ta’ talb li qattajna flimkien. Tghidx kemm dħaqna ukoll waqt xi attivitajiet ta’ teamwork.  Dawn komplew għaqqduna flimkien, speċjalment fl-attivita li kellna dik li nibnu torri bil-karti mingħajr ma stajna nikkomunikaw verbalment.

Kif konna flimkien iċċelebrajna wkoll l-għaxar snin ta’ Fr. Terence mill-ordinazzjoni tiegħu.  Kellna x-xorti li kif konna qeghdin fil-kunvent morna mawra mal-kunvent kollu, fejn urewna diversi oġġetti storiċi kif ukoll niżżluna fix-xelters li hemm taħt il-kunvent. Ghalkemm ma kinetx l-ewwel darba li nżilt ġo xelter ħassejtni eċitat għaliex erġajt ġeddidt xi memorji tal-istejjer li tirrakkonta l-bużnanna meta għexet dawn l-esperjenzi fi tfulitha.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.