5 żgħażagħ ser jagħmlu esperjenza missjunarja s-sajf li ġej

Fis-sajf li ġej 5 żgħażagħ flimkien ma' Fr Mario Abela osa ser jitilgħu l-Kenja biex jagħmlu ħidma missjunarja flimkien mal-Patrijiet Agostinjani. Staqsejniehom ftit kif saru jafu b'din l-esperjenza. Grazzi ta' din l-għażla li għamiltu biex tqattgħu parti mis-sajf għal ħaddieħor f'pajjiż fqir bħal Kenya. 

 

Mireille Gauci: għalija din hija l-ewwel esperjenza ta’ xogħol volontarju li se nagħmel. Dejjem kelli x-xewqa li ngħin lil ħaddieħor li huwa fil-bżonn. Din l-opportunità ġiet b’kumbinazzjoni għax persuna qrib tiegħi rat ir-riklam fuq il-midja soċjali u kienet taf li għandi x-xewqa li nitla’ ngħin fil-missjoni. Jiena għalliema tas-snin bikrin u bħala xogħol nieħu ħsieb u ngħallem tfal żgħar ħafna. Minn dejjem kelli x-xewqa li ngħin tfal li qegħdin fil-bżonn. Meta nkun qed ngħallem niftakar fi tfal li forsi mhumiex daqshekk ixxurtjati u li m’għandhomx l-opportunitajiet li għandhom it- tfal li nkun qed ngħallem. Peress li se nitla’ bħala l-ewwel esperjenza missjunarja ma nafx x’se nsib quddiemi imma naħseb li se nsib faqar li qatt ma esperjenzajnih. Inħeġġeġ liż-żgħażagħ biex jagħmlu din l-esperjenza li żgur se sservihom għal ħajjithom kollha u jitgħallmu minnha.

 

Antonio Chetcuti: Kont ilni nara stejjer ta’ nies imorru fuq missjoni, u sena u nofs ilu avviċinajt persuna li kienet parti  mill-grupp Amigos. Malajr kellimt lil Fr Mario, però dik is-sena ma kellniex l-opportunità li mmorru. Din is-sena jekk Alla jrid sejrin ngħixu din l-esperjenza f’komunitajiet fil-Kenja fejn in-nies qed jgħixu ħajja b’dinamika differenti milli forsi mdorrijin biha aħna. Kelli l-impressjoni li l-missjoni tibda meta tasal hemm, però fil-verità tibda minn ħafna żmien qabel! Grazzi għall-għajnuna ta’ nies li diġà għamlu l-esperjenza qabilna qed isir xogħol biex niġbru fondi għal dawn il-komunitajiet. Grazzi ħafna lilkom ukoll, li dejjem tagħtu l-għajnuna tagħkom biex din il-missjoni tkun ta’ success.

 

Raisa Mifsud: Il-grupp Amigos jagħtini l-esperjenza li nimrah fil-qasam tal-volontarjat, kemm lokali u kif ukoll barra minn Malta. Minn dejjem kont inħobb inżomm ruħi involuta fil-qasam tal-volontarjat għaliex apparti milli jagħtini l-opportunità li nagħti ftit minn dak li għandi, jagħtini wkoll iċ-ċans li nersaq iktar qrib tiegħi nnifsi u niskopri iktar il-valur tal-ħajja. Kull esperjenza hija unika u tlaqqgħek ma’ personalitajiet u sitwazzjonijiet differenti. Flimkien ma’ sħabi tal-Amigos ħerqana li se nkunu qed naħdmu flimkien ġewwa tliet villaġġi fil-Kenja.

 

Mariana Grima: Kont bejn ħalltejn jekk nagħmilx dik it-telefonata biex immur fuq xogħol missjunarju l-Kenja peress li bżajt mill-impenn li jkun fiha. Però, fl-aħħar ċempilt lil Fr Mario u minn dakinhar s’issa ħdimna bħala grupp biex inġibu kemm jista’ jkun fondi ħalli ngħinu lill-foqra fix-xiri ta’ ikel, mediċini, kartolerija għat-tfal tal-iskola, bini ta’ bjar u djar. Itolbu għalina biex nuruhom imħabba, kuntentizza u biex ngħinuhom bla rażan u bla kundizzjoni. Grazzi kbira lil kull min ta sehemu fl-attivitajiet li għamilna u lil min ta donazzjoni. Huwa bis-saħħa tagħkom il-qarrejja li dan ix-xogħol huwa possibbli.

 

Nicholas Ferry: Kull sena l-Mulej sejjaħli biex nagħmel esperjenza missjunarja u din is-sena għażilt li mmur il-Kenja. Din l-għażla ġiet wara li indunajt li ridt xi ħaġa aktar mill-esperjenzi li għamilt qabel f’Malta, u meta skoprejt li kien hemm xi ħadd li naf tielgħa mal-Amigos għamilt iktar kuraġġ. Grazzi ħafna tas-sapport tagħkom u nassigurakom li l-kontribuzzjonijiet tagħkom ħa jmorru għand nies li huma veru fil-bżonn.

--

Il-bżonn tad-donazzjonijiet tagħkom għal din il-ħidma fl-art tal-missjoni huwa dejjem kbir u għalhekk nixtiequ nħeġġukom sabiex tkomplu tgħinuna f’din il-ħidma tagħna billi tibgħatu d-donazzjoni tagħkom fuq:

Bank Transfer: MT58VALL22013000000040010188817

SMS:

50617357 għal donazzjoni ta’ €2.33

50618085 għal donazzjoni ta’ €4.66

50618905 għal donazzjoni ta’ €6.99

50619206 għal donazzjoni ta’ €11.65

 

Ċekk lil:

Fr Mario Abela OSA

Patrijiet Agostinjani,

Kunvent San Tumas minn Villanova,

Triq J. Zammit Tabona,

Pietà, PTA1331

 

Revolut: +35679255936

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.