1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Jiena mir-Rabat Għawdex u twelidt fl-4 t’Awwissu 1942

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Kont nattendi fl-iskola Primarja tar-Rabat Għawdex u l-Kulleġġ Santu Wistin li dak iż-żmien kien Ħal Tarxien. Wara komplejt l-istudji tiegħi tal-Filosofija u t-Teoloġija fil-Kunvent tagħna l-Agostinjani fir-Rabat Malta (Kunvent San Mark).

L-istudji tiegħi komplejthom fil-Brażil fejn hemmhekk għamilt Diploma fil-Katekeżi (Catequética de Belo Horizonte - MG (Brasil) 29-11-1968) u wara komplejt il-liċenjzatura fil-lingwa u l-letteratura Portugiża mill-Università Estadual Mato Grosso (10-09-1979).

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Ta’ tifel kont abbati fil-knisja Santu Wistin tagħna l-Agostinjani fir-Rabat Għawdex u kont għal 5 snin ngħix fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Ħal Tarxien bħala border. Billi kont ngħix f’ambjent Agostinjan u dejjem interessajt ruħi fil-ħidma u l-kariżma Agostinjana, meta wasal il-waqt tlabt biex nibda l-esperjenza tiegħi bħala novizz.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Inħobb naqra, nimxi, nisma’ l-mużika u nġemma l-bolol ta’ Malta.

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

“Santo Agostinho” ta’ Peter Brown. Jitratta fuq Santu Wistin (kitbiet u l-ħajja tiegħu).

“Meeting Him changed our lives” ta’ Selim Sayegh. Jitratta fuq karattri differenti mill-Evanġelju li jirrakkuntaw ħajjithom.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

“Timeo Deum transeuntem” li tfisser nibża’ minn Alla li jgħaddi.


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Twelidt fit-28 t’Ottubru 1934 u trabbejt fil-bombi tat-tieni gwerra dinjija f’Ħal Tarxien.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Kont nattendi fl-iskola Primarja u Lyceum sal-1950. Imbagħad mort għan-novizzjat Għawdex meta kelli biss 16-il sena.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Kont immur għand Patri Egidio Galea OSA biex nitgħallem il-Latin u ammirajt il-komunità ta’ Patrijiet li ġew fir-raħal tiegħi u kif kienu laqgħuhom in-nies. Minn dak iż-żmien bqajt infittex u niskopri dak li Alla jrid minni fil-ħajja!

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Naqra ħafna, ngħum, indoqq il-pjanu u nara l-futbol!

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

L-aħħar ktieb sabiħ li diġà qrajt darbtejn huwa “Alive in God” ta’ Patri Timothy Radcliffe OP (ex Pirjol Ġenerali tad-Dumnikani) u erġajt ħadt pjaċir naqra “Crime and Punishment” ta’ Dostoyevsky.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

Għandi ħafna favoriti ta’ Santu Wistin imma l-aktar waħda hija ta’ Nelson Mandela wara li ħareġ minn 28 sena ħabs li tgħid “As I walked out of the door of prison towards my freedom, I knew that if I did not leave all the anger, hatred and bitterness behind me I would still be in prison.”


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Jiena mill-Fgura u twelidt f’Ġunju tal-1975.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Skola primarja tal-Fgura, wara l-Liċeo Mikiel Anton Vassalli f’Tal-Ħandaq u s-Sixth Form l-Imsida.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Għal diversi snin ħassejt is-sejħa għall-ħajja kkonsagrata, imma l-kuntatt mal-Agostinjani beda fis-sajf tal-1989 wara promozzjoni li kienet saret fil-Liċeo M. A. Vassalli. Wara esperjenza ta’ ftit jiem fid-dar ta’ San Pawl il-Bahar, għoġobni l-ispirtu li kien hemm u s-sens ta’ komunità li ħajjarni nfittex aktar.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Qari, mużika klassika, xi passiġġata, ċinema.

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

“Sull’utilità e il danno della storia per la vita” ta’ Friedrich Nietzsche, fejn l-awtur japprofondixxi l-valur, jew in-nuqqas ta’ valur, li għandha l-istorja fil-ħajja tal-bniedem, u kif din tista’ tkun aljenazzjoni biex il-bniedem jilħaq is-sodisfazzjon li jinsa, u ma jibqax skjav tar-rabtiet tas-sens storiku tal-ħajja.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

“Se vuoi possedere la Carità, cerca te stesso, trova te stesso.” (S. Agostino, Serm. 34, 7)

“Jekk trid ikollok l-imħabba, fittex lilek innifsek, sib lilek innifsek.” (S. Wistin, Serm. 34, 7)


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Jien twelidt il-Pietà, però għext dejjem San Ġiljan. Ta’ sittax-il sena dħalt il-Kunvent ta’ Santa Rita, li wkoll jinsab f’San Ġiljan.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Skola Primarja kont San Ġiljan, Form 1 u 2 il-Gżira, Form 3 Naxxar u Form 4 u 5 fl-Imtarfa.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

--

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Inħobb nisma’ ħafna l-Mużika u ndoqq il-mużika.

 


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Jien twelidt fis-26 ta’ Mejju 1953 fil-belt Victoria, Għawdex, u mgħammed fil-Parroċċa ta’ San Ġorġ.

Trabbejt fil-borgo tal-belt ir-Rabat Għawdex. It-trobbija tiegħi barra li ġiet iffurmata fi ħdan il-familja, speċjalment taħt id-dixxiplina ta’ ommi minħabba li tlift lill-missieri kmieni fi tfuliti, ta’ adolexxent kont midħla sewwa tal-Oratorju Don Bosco, li f’nofs is-sittinijiet kienu telqu s-Sależjani u daħlu saċerdoti djoċesani, taħt id-direzzjoni ta’ Dun Karm Mercieca, pedagogu minn natura tiegħu, dan iż-żmien kien tad-deheb għall-formazzjoni tiegħi.

 F’dan iż-żmien ukoll skoprejt il-komunità ta’ Santu Wistin qrib l-Oratorju għax kont ġejt mistieden min-Novizzi biex noħroġ magħhom. Minn hawn bdiet xrara żgħira li maż-żmien kompliet tikber.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Attendejt l-iskola primarja u sekondarja fil-belt Victoria ta’ Għawdex. Dan iż-żmien ukoll kien ta’ formazzjoni fl-edukazzjoni tiegħi, imma iżjed mit-tagħlim li kont nirċievi, kien l-eżempju u r-responsabbiltà serja tal-għalliema li kelli matul dan iż-żmien. Kienu edukaturi vokazzjonali għalina t-tfal u l-adolexxenti.

 Il-post-sekondarja kont bdejtha meta kont dħalt mal-patrijiet Agostinjani r-Rabat, Malta. Wara sena letteratura għamilt sentejn filosofija l-INSERM (Institutum Nationale Studiorum Ecclesiasticorum Religiosorum). Komplejt l-istudji fit-Teoloġija fl-Istitutum Patristicum Augustinianum waqt li kont qed ngħix fil-Kulleġġ Internazzjonali ta’ Santa Monika f’Ruma. Imbagħad komplejt Liċenzjat fil-Pastorali Giovanile fl-Università Pontificia Salesiana.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Mela l-ħajra vokazzjonali tiegħi kienet hekk. Tibqa’ dejjem friska għax kien mument li beda mix-xejn u baqa’ jimmatura.

Jien kont niffrekwenta l-Oratorju Don Bosco għall-Katekiżmu, biex nilgħab u biex nara l-film il-Ħadd. L-Oratorju jinsab fl-istess pjazza fejn hemm il-kunvent ta’ Santu Wistin. Qegħdin nitkellmu fis-sena 1963 meta Patri Liberat Cini kien Pirjol. Fis-sena 1964 imbagħad kien laħaq Patri Salv Portelli bħala Pirjol. Niftakar bħala Provinċjal Patri Ugolino Gatt. Imma fil-komunità kien hemm ukoll Patri Gibson, Patri Feliċ, Patri Ġorġ Bezzina surmast tan-novizzi.

Ġara li darba in-novizzi li kien hemm fil-kunvent tagħna, kienu ħerġin passiġġata mas-surmast u stednuni mmur magħhom. Imbagħad kif wasalna lura stednuni nilgħab magħhom il-ping pong u wara stednuni ngħid ir-rużarju fil-kappella u kont jien li mexxejt ir-rużarju. Tgħidx kemm fraħt meta mort id-dar u għedt kollox lil ommi dwar din l-avventura tiegħi. Missieri kien digà mejjet.

Jien kelli 10 jew 11-il sena. Imbagħad komplejt niffrekwenta l-kunvent u sirt midħla sewwa tal-patrijiet. Flimkien mal-abbatini l-oħra konna nagħmlu ħafna praspar. Kont sirt midħla tal-patrijiet l-oħra. Mhux darba jew tnejn Patri Gibson kien jistedinni mmorru ngħumu x-Xlendi filgħodu fis-sajf. Kien ikellimni ħafna fuq il-missjoni tal-Algerija. U minn hawn li nibtet ż-żerriegħa ta’ vokazzjoni missjunarja. Ma’ Patri Feliċ kont noħroġ passiġġata lejn Ta’ Sannat. Mal-Pirjol konna nkantaw fuq l-orgni speċjalment meta ġie mżanżan il-ġdid ta’ Mascioni. Niftakar il-quddiesa tal-Ħadd “De Angelis” jew il-Ħamisijat ta’ Santa Rita bl-innu “Ittir minn Moħħna”...

Imma ma ninsewx li f’dak iż-żmien li qegħdin insemmu, l-kunvent kien il-post tas-silenzju. Jien għadni niftakar meta dħalt l-ewwel darba fil-kunvent, is-silenzju kien impressjonani b’mod ħafna pożittiv. Kont tinduna li hemm il-ġabra u l-ħajja tat-talb kienet organizzata immens.

Matul dan iż-żmien li fih kont qrib tal-patrijiet bdejt nara li l-ħajja li jgħixu huma u nistqarr magħkom li l-ħajja komunitarja bdiet tiġbidni u tħajjarni.

Imma safrattant jien kont insegwi wkoll is-seminarju u kont insegwi wkoll patrijiet oħra bħal ngħidu aħna ta’ San Franġisk, il-Ġeżwiti u is-Sależjani.

Qatt ma ħallejt barra l-ħajja soċjali tiegħi għax bqajt insegwi l-Oratorju taħt id-direzzjoni ta’ saċerdoti djoċesani. Hawn insemmi b’mod speċjali lil Dun Karm Mercieca li kien verament pedagogu magħna ż-żgħażagħ. Kien jimbuttana biex immorru lil hinn biex iġegħelna noħorġu l-kapaċitajiet tagħna u nagħrfu aħjar lilna nfusna. Hawn ukoll irrid ngħid li din il-formazzjoni għenitni ħafna fil-vokazzjoni tiegħi. Li nipparteċipa ma’ adolexxenti, imbagħad żgħażagħ oħra bħali li minnhom ħarġu wkoll saċerdoti qaddisa.

Bħal kull żagħżugħ ieħor jien ukoll kelli nagħmel l-għażla. Kelli direttur spiritwali li kien jgħinni fil-mixja tiegħi. Kont għadni żgħir meta għazilt li nidħol mal-Patrijiet Agostinjani. Intreħejt f’idejn il-Mulej u meta nħares lura ngħid l-istess kliem tal-profeta “kont dak it-tafal f'idejn il-fuħħari” li bil-mod il-mod kien qed jagħti forma lill-persuna tiegħi.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Matul iż-żmien kelli diversi passatempi li kont verament nedha fihom. Kont inġemma’ l-bolol, diversi stampi, u muniti... Mhux biss il-kollezzjoni fiha nfisha, imma l-general knowlegde li kien hemm wara kull kollezzjoni. Meta kont is-sekondarja kont tħarriġt fil-wood-work. Meta kont għadni d-dar jew ir-Rabat fil-formazzjoni mhux l-ewwel darba li fil-ħin liberu jien flimkien ma’ sħabi konna naħdmu xi għamara jew nirranġaw dak li jkun imkisser. Kont nieħu pjaċir naħdem l-arkett. Fis-sajf konna nduru l-kunventi u nirranġaw fejn kien ikun hemm bżonn.

 Passatemp ieħor huwa s-sajd għax ninsa d-dinja. Imma dan l-aħħar passatemp ieħor sabiħ li kiber sewwa fija huwa l-qari flimkien mal-kitba għax bdejt nippubblika xi ktieb fuq xi suġġett għall-qalbi.

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

Bħalissa qed naqra “Jerusalem: The Biography” ta’ Simon Sebag Montefiore. Huwa ktieb li jibda u jkompli l-istorja kollha tal-belt ta’ Ġerusalemm kollu dokumentat.

 Dan huwa ktieb verament interessanti speċjalment mill-att storiku. Jien inħobb ħafna l-istorja. Dan il-ktieb qed jgħinni nifhem u nibni argumenti mill-att storiku u filosofiku biex inwieġeb għal domandi li bnejt fuq dan il-personaġġ li għandu x’jaqsam ma’ dan l-ambjent f’waħda mill-epoki li jittratta dan il-ktieb.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

Għandi żewġ frażijiet li huma għal qalbi:

"Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra" (Ġw 10,10)

"Neħħi l-qorq minn riġlejk, għax il-post li inti fuqu hu art qaddisa" (Eż 3,5)


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Twelidt Ħaż-Żebbuġ, Malta, fis-26 ta’ Diċembru 1943.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

L-iskola primarja għamiltha fl-iskola ta’ Ħaż-Żebbuġ filwaqt li dik sekondarja kont nattendi l-kulleġġ tagħna Santu Wistin li dik is-sena stess kien beda f’Ħal Tarxien. Kienet is-sena 1954 meta bdejt fil-kulleġġ tagħna, ir-rettur dak iż-żmien kien P. Ġużepp Borg OSA. Spiċċajt il-form V bl-eżami tal-G.C.E. Oxford f’Lulju tas-sena 1960.

Għal madwar il-21 ta’ Settembru tal-istess sena jiena u żewġ żgħażagħ Maltin oħra morna ma’ P. Pawl Spiteri OSA Għawdex fejn flimkien ma’ P. Adeodato Schembri OSA bdejna n-novizzjat, taħt it-tmexxija tas-Surmast P. Ġorġ Bezzina. Lanqas ilħaqna wasalna, għaliex mill-għada stess bdejna ngħixu l-ħajja Agostinjana u l-ewwel attività li assistejna għaliha kien l-irtir tas-sena li dak iż-żmien kien isir fil-kunvent. Għamilt l-ewwel professjoni reliġjuża tiegħi taħt il-Provinċjal P. Ugolin Gatt OSA fl-1 ta’ Ottubru tas-sena 1961.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Ommi tgħid li sa minn meta kont tarbija kelli l-vokazzjoni Agostinjana! Storikament ġara dan. Ommi Beltija u meta kienet xebba kienet taħdem ma’ familja li kienet toqgħod ‘Vincenti Buildings’ quddiem il-kunvent tagħna S. Wistin fi Triq l-Ifran, Valletta. Matul il-gimgħa kienet tisma’ l-quddies fil-knisja tagħna. Hemm sabet lill-P. Anġ Pizzuto OSA li għażlitu bħala l-konfessur u d-direttur spiritwali tagħha.

Darba minnhom ġie P. Anġ id-dar tagħna għax kien wiegħed lil ommi li jiġi jikkonsagra d-dar għall-qalb Imqaddes ta’ Ġesù meta nitwieled jien. U hekk għamel. Ikkonsagra d-dar u wara ommi tatni f’idejh. Dan mal-ewwel qalilha: “Maria, dan għalina l-Agostinjani.” U ommi dejjem sostniet li minn dak il-ħin bdiet il-vokazzjoni tiegħi għal mal-Agostinjani.

Jien nemmen li kienu l-Mulej, ommi u P. Anġ li wellduni għall-ħajja Agostinjana. Qatt ma jiddispjaċini li hekk twieldet il-vokazzjoni tiegħi Agostinjana. Illum, wara ħajja Agostinjana ta’ sittin sena, inrodd ħajr lill-Mulej, lill-ġenituri tiegħi – għax missieri fuq dan kien jaqbel ma’ ommi – u lill-Patri Anġ Pizzuto li fetħuli t-triq biex mingħajr ma jistħoqqli nħaddan il-kariżma Agostinjana li fiha stajt nikber fl-isbuħija tal-fidi Kattolika u dan permezz tal-formazzjoni li rċevejt fit-tagħlim ta’ Santu Wistin u tal-ispiritwalità Agostinjana – nimmatura psikoloġikament u ngħix ferħan inservi lil Alla, lill-Knisja, l-Ordni Agostinjan u l-umanità fid-diversi pajjiżi fejn ġejt mibgħut u fid-diversi missjonijiet li s-Superjuri tagħna afdawli.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Billi bħalissa ninsab fil-missjoni tagħna ta’ Kuba u impenjat prinċipalmet fit-tagħlim tat-teoloġija fil-Fakultà tas-Seminarju u dekan tad-dipartiment tal-filosofija tal-Institut Pontifiċju tal-Umanitajiet tal-belt ta’ Havana biċċa mill-ħin liberu tiegħi ngħaddih insajjar għall-komunità, speċjalment il-Ħadd u nieħu ħsieb il-ftit qsari tropikali li għandna. Ħafna drabi jkolli ngħaddi l-ħin liberu tiegħi nikkoreġi x-xogħlijiet tal-istudenti, nieħu ħsieb l-arkivju tad-Delegazzjoni Agostinjana Kubana, immexxi spiritwalment xi persuni li talbuni d-direzzjoni spiritwali jew inkella nħejji l-liturġija tal-Ħdud u l-festi.

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

Impossibbli nwieġeb għal din il-mistoqsija. Ħafna kienu l-kotba interessanti, speċjalment fit-teoloġija u l-filosofija, li qrajt. Fuq kollox interessat immens fuq dak li jinkiteb fuq t-tagħlim ta’ Santu Wistin. Dan hu kamp wiesa’ mmens u wieħed qatt ma jispiċċa jikxef aspetti ġodda tal-għana li hemm f’Santu Wistin. Ili issa aktar minn 40 sena nistudja lil Santu Wistin u nistqarr li dejjem insib xi ħaġa ġdida fil-kitba tiegħu jew f’dak li l-istudjużi jiktbu dwaru.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

Nillimita ruħi għal żewġ frażijiet. L-ewwel waħda ta’ Sokrate li jgħid: “Dak li naf hu li ma nafx.” Quote famuża għax hija l-bażi ta’ kollox. Filfatt min jaħseb li jaf jieqaf li jkompli jistudja u jinvestiga u flok imur ’l quddiem imur lura. Min jippretendi li jaf biżżejjed iqarraq bih innifsu u jingħalaq fil-kbuirija li hija r-rovina ta’ kull għerf u għaqal.

It-tieni quote hija mill-ewwel paragrafu tal-Istqarrijiet (Confessiones) fejn Santu Wistin jgħid: “[O Mulej] Int għamiltna għalik u qalbna tkun mingħajr mistrieħ sakemm ma tistrieħx fik.” F’dinja fejn il-bniedem warrab lil Alla tajjeb li wieħed jiftakar f’dan għax jekk it-terapiji moderni huma mezz effiċjenti kontra l-istress madanakollu l-aqwa terapija biex wieħed isib il-paċi u jgħix seren u ferħan huwa li jinbena fuq Alla.


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt? 

Twelidt fis-26 ta' Novembru 1979 f'Tal-Pietà u trabbejt Burmarrad

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)? 

Kont nattendi l-iskola Primarja San Pawl il-Baħar, imbagħad il-Liċeo Mikiel Anton Vassalli Qormi, u wara l-Junior College Msida. Wara għamit il-kors ta’ B. Com Universita ta’ Malta u komplejt għal B. Accountacy Hons. Wara li bdejt t-triq għall-ħajja Agostinjana kont għamilt l-Bachelor in Theology & Human Studies u wara S.TH.B l-Universita ta’ Malta. Wara kompljet S.TH.L Teologija pastorali u morali fl-Universita ta’ Comillas f’Madrid

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek? 

Il-Mulej dejjem jiżra. Fil-qosor ħafna kienu żewġ mumenti partikolari. Wieħed meta fl-2004 kont naħdem ma’ KPMG bħala accountant/awditur u kienu bagħtuni naħdem l-Ingilterra għal 3 xhur u ftit qabel mill-Parroċċa Burmarrad kienu tawni Bibbja u li tellajtha miegħi u li kienet ta’ sostenn kbir għalija waqt dik l-esperjenza ta’ 3 xhur ta’ xogħol. Imbagħad meta kont Londra fl-istess perjodu f’Jannar 2005 kont attendejt konferenza fil-Ġimgħa tal-Għaqda tal-Knejjes u min kien qiegħed jagħti t-talk staqsa diversi drabi, kif qed tħares lejn il-ħajja tiegħek? X’inhuma l-pjanijiet. Wara fl-aħħar ta’ Frar kont inżilt lura Malta u dawk kienu 4 xhur li fihom kienet qed tikber il-mistoqsija jekk Alla hux qed issejjaħli. Imbagħad f’Lulju 2005 tlajt esperjenza missjunjarja l-Brażil mal-grupp AMIGOS (grupp agostinjan fejn sirt naf aktar fuq Santu Wistin) u dik l-esperjenza kienet qawwija li tajt iċ-ċans li naħseb fuq il-mistoqsija. Wara dixxerniment għamilt il-pass għal din il-ħajja Agostinjana.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu? 

Fil-ħin liberu nħobb nisma xi mużika instrumentali, jew naqra u xi passiġjata fil-kampanja.

Nixtieq li għandi iktar ħin liberu. 😊

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt?  Fuq xhiex jittratta? 

Kont qed naqra kotba marbuta tal-edukazzjoni kemm f’Malta u kemm barra minn Malta biex tkompli tkun għajnuna għal missjoni tiegħi bħalissa bħala Rettur S. Augustine College.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek? 

Int ħlaqtna għalik O Alla u qalbna ma ssib qatt kwiet jekk ma tistriħx fik.

A community in search of truth


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt?

Twelidt fid-9 t’Ottubru 1952 f’Ħaż-Żabbar fejn hemmhekk trabbejt u għixt sa qabel ma dħalt mal-Patrijiet Agostinjani.

 

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?

Il-primarja għamiltha Ħaż Żabbar u s-sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin f’tal Pieta. Wara komplejt l-istudji tiegħi tal-Filosofija Malta u t-Teoloġija l-Brażil. Ruma għamilt l-ispeċjalizazzjoni fit-Teoloġija Morali.

 

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?

 Meta kont il-kulleġġ Santu Wistin. Niftakar, matul is-sena konna niċċelebraw jum il-vokazzjonijiet u għal din l-okkażjoni kienu jieħdu sehem  il-brothers  li kienu qegħdin iħejju ruħhom biex jsiru reliġjużi agostinjani u wara saċerdoti. Kienu jitkellmu magħna dwar ħajjithom u s-sejħa tagħhom.  Min ikun irid jaf aktar kien jiġi mistieden biex  jmur għal-laqgħat li kienu jagħmlu darba f’xahar fid-dar tar-Rabat għaż-żgħażagħ. Matul dawn il-laqgħat u bl-għajnuna ta’ wieħed mill-brothers bdejt niskopri bil-mod il-mod dak li Alla ried minni.

 

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?

 Inħobb ħafna nimxi fil-kampanja meta huwa possibli jew fejn il-baħar.

 

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?

Inħobb naqra kotba li jgħinuni biex nikber fil-ħajja tiegħi spiritwali, kif ukoll xi  kotba oħra biex bihom niprepara ruħi għal xi talks li niġi mitlub nagħmel minn xi lajċi, sorijiet u żgħażagħ. Dan l-aħħar kont qiegħed naqra ktieb ta’ David G. R. Kller DESERT BANQUET. Dan il-ktieb jirrakkonta l-għerf u tagħlim ta’ dawk l-irġiel u nisa li marru fid-deżert biex hemm fis-silenzju u bogħod mis-soċjeta isibu aktar lilhom infushom u lil Alla.

 

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek?

 “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” Ġw 15, 13.


  1. Meta twelidt u fejn trabbejt?

Twelidt fis-17 ta’ Lulju 1987 u trabbejt Fleur-de-Lys flimkien ma’ żewġ ħuti oħrajn. Minkejja li huwa raħal żgħir niftakarni kont impenjat ħafna fil-parroċċa.

  1. Fejn kont tattendi skola (primarja, sekondarja, post-sekondarja)?

Bħala skola Primarja u Sekondarja kont nattendi l-Kulleġġ Santu Wistin, filwaqt li komplejt l-istudji tiegħi l-Junior College, Imsida u l-Università ta’ Malta biex iggradwajt fit-Teoloġija. Fl-2012 komplejt l-ispeċjalizazzjoni fit-Teoloġija Bibblika fl-Università Gregorjana f’Ruma. Hawnhekk għamilt 3 snin.

  1. Meta ġietek is-sejħa għall-ħajja agostinjana u x’ħajrek?

Niftakar li meta kont fil-kulleġġ Santu Wistin fl-aħħar sena tas-sekondarja darba kelli stedina biex nibda nattendi xi ativitajiet li kienu jorganizzaw għalina l-adolexxenti u tħajjart immur. Wara ftit żmien li kont nieħu sehem f’dan il-grupp, darba avviċinani saċerdot Agostinjan u talabni biex inkun leader ta’ grupp flimkien ma’ żagħżugħ ieħor. Minn dakinhar anke minħabba l-fiduċja li wera fija dan is-saċerdot imbagħad bdejt nieħu bis-serjetà din is-sejħa u kont nieħu sehem f’diversi attivitajiet vokazzjonali u kont inkun looking forward għalihom.

Ftit wara imbagħad bdejt nagħmel xi esperjenzi ta’ għixien il-kunvent filwaqt li nibqa’ għaddej bil-ħajja tiegħi normali. L-iktar aspett li laqatni kienet il-komunjoni li kont qed nara bejn il-patrijiet li kienu jkunu magħna f’dawn l-attivitajiet u ħassejt li din l-esperjenza ta’ flimkien tista’ tkun ħajti billi nagħti ħajti kollha biex inwassal lil Kristu skont il-ħajja Agostinjana.

  1. Xi tħobb tagħmel fil-ħin liberu?

L-iktar ħaġa li nħobb nagħmel huwa l-ġiri.Huwa mument għalija li fih naħseb ħafna u jiġuni diversi ideat waqt il-ġiri – l-moħħ ikun għaddej waħdu! Il-pjanti u l-ġnien jgħinuni nżomm kuntatt man-natura u nieħu gost għalkemm mhux dejjem jirnexxieli nieħu ħsiebhom sew! Fis-sajf imbagħad inħobb ngħum ħafna. Dan l-aħħar bdejt passatemp ġdid – nagħmel diżinji fl-injam billi naħraq fl-injam (wood burning - Pyrography). Għamilt żmien naqta l-injam bl-arkett u nixtieq li jkolli ftit ħin u nerġa naqbad dan il-passatemp! Inħobb naqra u ndoqq il-pjanu imma ma nkantax!

  1. Tista’ tgħidilna xi ktieb interessanti li qrajt? Fuq xhiex jittratta?

Ktieb interessanti li qrajt huwa Man’s Search for meaning ta’ Victor Frankl li jitkellem fuq l-importanza tat-tama fil-ħajja anke meta ma jkunx faċli li tgħix.

  1. Għandek xi quote/saying għal qalbek?

Quote għal qalbi li nipprova ngħixha ta’ kuljum hija: “Ngħix, mhux iktar jien imma jgħix fija Kristu” Gal 2,20. Minkejja li mhux faċli ngħixha kuljum imma nipprova li dak kollu li nagħmel ikun ħiereġ minn Kristu u mhux biex nidher jien.

 

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.