Festa Familja Agostinjana Organizzata mill-Kummissjoni Provinċjali għall-Lajċi

Nhar l-Erbgħa 7 ta’ Ġunju l-Kummissjoni Provinċjali għal-Lajċi organizzat il-Festa Familja Agostinjana li nistgħu ngħidu issa saret attivita mistennija ta’ kull sena minn diversi lajċi qrib tal-komunitajiet Agostinjani. Filfatt fl-attività ħadu sehem madwar 120 persuna li kienu ġejjin mill-komunitajiet ta’ San Nikola f’Ħal Tarxien, ta’ San Mark fir-Rabat, ta’ Santa Rita u l-Madonna tal-Bon Kunsill f’San Ġiljan, u ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta.

Il-ġurnata fil-gżira Għawdxija bdiet b’quddiesa fil-Knisja ta’ Santu Wistin preseduta mill-Isqof Ġiovanni Cefai MSSP li qasam ftit esperjenzi tal-knisja missjunarja partikolarment f’artijiet ta’ ħtieġa kbira. Wara l-quddiesa saret preżentazzjoni qasira fuq il-kappella l-ġdida tal-adorazzjoni li għadha kif ġiet inawgurata fl-istess kunvent. Dawk kollha preżenti imbagħad kellhom l-okkażjoni li jżuru l-istess kappella qabel ma daħlu fil-kunvent fejn l-attivita kompliet bi ftit kafè u xi ħaġa tajba.  Aktar tard il-grupp kompla l-ġurnata permezz tal-ikel f’Marsalforn. Tard waranofsinhar saret imbagħad waqfa fis-santwarju tal-Madonna ta’ Pinu għal mument żgħir ta’ talb u l-grupp kompla fi triqtu lejn il-vapur.

Dawn l-inzjattivi mal-lajċi qrib tal-komunitajiet Agostinjani huma mumenti li jġibu flimkien diversi persuni li mhux biss jiffrekwentaw il-knejjes tagħna imma anke jissapportjaw il-ħidma tal-aħwa Agostinjani f’diversi realtajiet li jservu. Fuq kollox huma mumenti li jgħinu fil-bini ta’ relazzjonijiet pożittivi u tal-identità Agostinjana.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.