jumejn Għawdex mal-patrijiet Agostinjani

Matul is-sajf isiru diversi attivitajiet maż-żgħażagħ bħal live-ins, BBQs, mumenti ta’ talb u esperjenzi oħrajn li jkomplu jgħinu liż-żgħażagħ fil-mixja tal-ħajja tagħhom. Daniel Bajada, wieħed miż-żgħażagħ qasam l-esperjenza tiegħu tal-live-in li kien organizzat fil-bidu ta’ Lulju:

 Il-Ħadd 2 ta’ Lulju, flimkien ma’ sħabi, Fr Terence, Fr Leslie u Fr Mario irħejnilha lejn Għawdex. Qattajna 3 ijiem flimkien fil-kunvent tal-Agostinjani fir-Rabat. Kull ġurnata kienet mimlija attivitajiet varji fejn għenuna nsiru nafu aktar lil xulxin, bħal ħrug lejn iċ-Ċittadella, Ta’ Pinu kif ukoll il-baħar fejn lgħabna u komplejna nieħdu gost flimkien. Apparti l- ħruġ, xi ħaġa li veru apprezzajt u li ħalliet impatt fuqi huma l-ħinijet ta’ riflessjoni u ta’ talb li qattajna flimkien. Tghidx kemm dħaqna ukoll waqt xi attivitajiet ta’ teamwork.  Dawn komplew għaqqduna flimkien, speċjalment fl-attivita li kellna dik li nibnu torri bil-karti mingħajr ma stajna nikkomunikaw verbalment.

Kif konna flimkien iċċelebrajna wkoll l-għaxar snin ta’ Fr. Terence mill-ordinazzjoni tiegħu.  Kellna x-xorti li kif konna qeghdin fil-kunvent morna mawra mal-kunvent kollu, fejn urewna diversi oġġetti storiċi kif ukoll niżżluna fix-xelters li hemm taħt il-kunvent. Ghalkemm ma kinetx l-ewwel darba li nżilt ġo xelter ħassejtni eċitat għaliex erġajt ġeddidt xi memorji tal-istejjer li tirrakkonta l-bużnanna meta għexet dawn l-esperjenzi fi tfulitha.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.