Bħal kull sena s-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani matul is-sena jibda  jipprepara grupp ta' żgħażagħ biex jagħmlu esperjenza missjunarja fl-Afrika. Biex wieħed jagħmel ċerti proġetti b'risq ħutna fil-bżonn, neħtieġu dejjem tal-flus. Il-grupp ta' din is-sena diġà għaddej ġmielu bil-ħidma biex jiġbor il-flus li għandu bżonn.

Għal żmien il-Milied sar bejgħ ta' "Christmas logs". Il-ġimgħa saret "Pasta Night" f'restorant, fejn  għal din l-attività ġew mal-116 il-ruħ.

Kien mument sabiħ ħafna, ammont sabiħ ta’ nies ġew biex jgħinu fil-ġbir ta' fondi. Waqt l-ikla kellna wkoll lotterija. Min hawnhekk nixtieq nirringrazzja lil tant nies li jgħinuna biex ġbarna xi rigali mingħandhom għal-lotterija. Min ikun jixtieq joffri l-għajnuna tiegħu permezz ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw għal raffles u attivitajiet oħrajn li jkolna jista’ jkellem lil Fr Mario fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it..

Attivita'  oħra li ser jibda l-grupp AMIGOS fi tmiem il-ġimgħat li ġejjien huwa l-bejgħ tal-figolli fil-knejjes. Tista’ żżur il-paġna tal-facebook https://www.facebook.com/missions.amigos/ biex tkun taf fejn ser isir il-bejgħ.



Bejn il-Ġimgħa 21 u l-Ħadd 22 ta’ Frar kienu organizzati żewġ live-ins għall-istudenti li jiffurmaw parti mit-Tagaste Voc Club li jsir darba fix-xahar wara l-ħin tal-iskola. L-ewwel live-in li kien mill-Ġimgħa 21 sas-Sibt 22 ta’ Frar kien indirizzat għall-istudenti li qegħdin fil-Years 7 u 8 fil-kulleġġ Santu Wistin, filwaqt li bejn is-Sibt 22 ta’ Frar sal-Ħadd 23 ta’ Frar sar il-live-in għall-istudenti tal-Yr 9 u 10. F’dawn il-jiem l-istudenti kellhom l-opportunità jgħixu l-ħajja komunitarja permezz ta’ mumenti ta’ attivitajiet formattivi fuq it-tema Be Original, mument ta’ talb u mumenti oħrajn ta’ rikreazzjoni. Dawn saru fid-Dar tagħna l-Agostinjani f’San Pawl il-Baħar.

It-Tnejn 24 ta’ Frar l-istudenti tal-aħħar sena tal-kulleġġ Santu Wistin kellhom l-opportunità li jqattgħu ġurnata mal-komunità tal-patrijiet Agostinjani f’Tal-Pietà permezz ta’ mumenti ta’ formazzjoni, mumenti ta’ talb, mixja fejn il-baħar, ħin ta’ logħob u ikel.

 


Unitas, Caritas u Veritas kienu l-kliem li jiddeskrivu dan il-mument sabiħ li għixu 2 assistant heads mill-kulleġġ tagħna (Mr Duncan Caruana – Primarja u Mr Glenn Mifsud – Sekondarja) flimkien ma’ Fr. Terence Spiteri osa (Chaplain tal-kulleġġ Santu Wistin). Din il-laqgħa saret bejn il-ġimgħa 28 ta’ Frar sal-Ħadd 1 ta’ Marzu f’Carlisle l-Ingilterra. F’din il-laqgħa kien hemm rappreżentanti minn skejjel Agostinjani fl-Ewropa bħal Spanja, Repubblika Ċeka u l-Ingilterra.

Matul dawn il-jiem il-parteċipanti kellhom l-opportunità li jaqsmu flimkien l-esperjenzi tagħhom ta’ edukaturi agostinjani filwaqt li kienu ippjanati diversi inizjattivi u attivitajiet li jkomplu jgħinu fil-qsim tal-esperjenzi ta’ kulleġġi Agostinjani differenti tal-Ewropa fost l-istudenti u l-istaff.

 

 


F’Ras ir-Randan l-istudenti tas-sekondarja tal-Kulleġġ Santu Wistin kellhom l-opportunità li jirriflettu u jitolbu flimkien. Din il-ġurnata li kienet organizzata mic-Chaplaincy Team tas-sekondarja flimkien ma’ diversi edukaturi kienet tikkonsisiti f’diversi mumenti u kull klassi kellha l-opportunità li ddur u tgħix dawn il-mumenti kollha, fosthom: Att Penitenzjali u r-Rit tal-Irmied flimkien mas-sagrament tal-Qrar offrut minn diversi aħwa Agostinjani li ġew joffru l-ħin tagħhom, Film b’tema riflettiva, laqgħa formattiva fuq is-saħħa mentali minn Richmond Foundation, Prayer Spaces (mumenti ta’ talb forma ta’ attivitajiet), Attivitajiet sportivi b’riflessjoni fuq il-valuri tal-Vanġelju.

Fil-ħin tal-break, l-istudenti setgħu jixtru platt tipiku tal-Mozambique magħmul minn Ross abjad, patata u falafel u l-flus li nġabru permezz ta’ dan il-platt ser jingħataw lis-Segretarjat Missjonijiet Agostinjani biex ikompli l-ħidma tiegħu fil-Mozambique.

 

 


Nhar l-Erbgħa, 19 ta’ Frar 2020, fil-Kulleġġ Santu Wistin, saret laqgħa għall-Patrijiet kollha tal-Provinċja. Din kienet waħda minn sensiela ta’ laqgħat li qed isiru bi preparazzjoni għall-Assemblea Provinċjali 2020, fejn il-patrijiet ser jagħmlu evalwazzjoni tal-ħajja u l-ħidma tagħhom fis-sentejn li għaddew, u jirriflettu wkoll fuq il-futur. Għal din il-laqgħa ta’ nhar l-Erbgħa kien mistieden Fr. Robert Marsh, Superjur Provinċjali tal-Provinċja Agostinjana ta’ l-Ingilterra u Skozja. 

Wara t-talb tal-Għasar, Fr. Marsh tkellem dwar il-Provinċja Ingliża, u kif huma ttrattaw il-kwistjoni tar-realta ta’ Provinċja li ċkienet fin-numru tal-membri tagħha. Huwa tkellem kif l-agostinjani tal-Provinċja tiegħu rriflettew u d-diskutew din ir-realta’ għal diversi snin, u waslu biex jagħmlu għażliet kuraġġużi. Wara l-konferenza saru diversi mistoqsijiet mill-Patrijiet lil Fr. Marsh.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.