Nhar il-Ġimgħa 27 ta' Diċembru il-Patrijiet ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw il-Milied b’ikla fraterna. Din is-sena kien imiss lil komunità ta’ Ħal Tarxien li tilqa’ lil Patrijiet għall-ikla tradizzjonali. L-Aħwa Agostinjani talbu flimkien u wara komplew jaqsmu l-ferħ u l-awgurju tal-Milied f’ikla fl-Ortatorju Agostinjan.

 



Nhar l-Erbgħa 18 ta’ Diċembru sar Kunċert tal-Milied mill-Malta School of Music fil-Knisja tal-Agostinjani r-Rabat. Dan kien organizzat minn The Augustinian Cloister Foundation.

Wara l-kunċert kull min kien preżenti daħal fil-kuriduri tal-kunvent għall-ftit mulled wine u mince pies.



Nhar il-Ħamis 12 ta’ Diċembru sar Kunċert tal-Milied mis-St. Paul Metropolitan Orchestra flimkien mas-soprani Karen Gatt Darmenia, Frances Catherine Farrugia u Anita Vella Bondin, tenuri Joseph Aquilina u Mark Edward Mifsud, u fil-baxx James Vella Bondin, akkumpanjati mill-Anacrusius Concert Choir. Dan il-kunċert ‘Joy to the World’ sar fil-Knisja Santu Wistin fil-Belt Valletta sabiex bid-donazzjonijiet li jinġabru jkun jista’ jibqa’ jsir ir-restawr tal-Kappella tal-Kunvent li tagħmel parti mill-Mużew tal-Kunvent.

Wara l-kunċert kien hemm żjara fil-mużew u x-xelter tal-kunvent flimkien ma’ ikla fir-refettorju tal-Kunvent.


It-Tlieta 17 ta' Diċembru il-Provinċjal P. Leslie Gatt ħa sehem f'laqgħa tal-provinċjali tan-nofsinhar tal-Ewropa dwar il-proġett tan-Novizzjat komuni tal-Provinċji ta' Spanja, Italja u Malta. In-Novizzjat  jinsab f'Pavia fl-italja ta’ fuq, fejn huma venerati l-fdalijiet ta' Santu Wistin Missierna. Bħalissa hemm żewġ novizzi taljani. Il-Provinċjali tal-Provinċji rispettivi ltaqgħu għal laqgħat mal-ekipp tal-Formazzjoni fejn saret evalwazzjoni tal-mixja formattiva u tal-programm li qed jiġi segwit. Saru anke diskussjonijiet dwar il-viżjoni għall-futur tal-istess novizzjat. P. Leslie Gatt kellu anke laqgħa man-novizzi dwar il-preżenza tal-agostinjani f'Malta.



Il-Provinċja Agostinjana Maltija organizzat Seminar fuq iż-żgħażagħ fit-13 ta’ Diċembru fid-Dar Ħanin Samaritan, Santa Venera. Dan is-Seminar kien organizzat bil-għan li l-patrijiet tal-provinċja jkomplu jaħsbu dwar il-modi varji li bihom jistgħu jakkumpanjaw liż-żgħażagħ fil-ħajja tagħhom. Waqt is-Seminar tkellmu s-Sur Roberto Calleja (Youth Leader, Junior College), André DeBattista (żagħżugħ midħla tal-Agostinjani), u Evan Demicoli u Emma Lanzon (Malta Catholic Youth Network). Huma tkellmu dwar ir-realtà taż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum u l-isfidi varji li jiffaċjaw. Dan serva biex tinħoloq diskussjoni dwar x’għandu jkun u x’jista jkun l-irwol tal-Agostinjani f’Malta fil-ħidma pastorali tagħhom maż-żgħażagħ.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.