Nhar l-Erbgħa 23 ta’ Ottubru, fil-Kunvent San Tumas minn Villanova f’Tal-Pietà saret l-ewwel laqgħa għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu esperjenza missjunarja fi ħdan il-grupp Amigos fil-Możambik, Afrika fis-sajf li ġej.

Għal din il-laqgħa barra l-membri tal-bord tas-segretarjat missjonijiet agostinjani kien hemm 9 żgħażagħ li ġew biex jisimgħu f’hiex tikkonsisti din l-esperjenza missjunarja. Dawn iż-żgħażagħ ġejjin minn diversi oqsma ta’ xogħol; bħal għalliem, pulizija, kok u studenta tal-liġi.

Fr. Mario Abela osa flimkien ma’ diversi żgħażagħ li jgħinu fis-segretarjat spjegaw dwar il-ħidma li  huma sejrin jagħmlu meta jkunu l-Afrika. Dawk li għamlu din l-esperjenza fis-snin li għaddew ħadu gost jaqsmu ma’ dawn id-9 żgħażagħ l-esperjenza tagħhom. Min-naħa tagħhom iż-żgħażagħ li jixtiequ jagħmlu din l-esperjenza kellhom iċ-ċans jistaqsu diversi mistoqsijiet. Din il-laqgħa spiċċat bi drink żgħira offrut mill-komunità tal-Patrijiet Agostinjani f’ Tal-Pietà. 

Jekk tixtieq tkun taf iktar fuq il-grupp AMIGOS żur http://www.agostinjani.org/mt/ministeri/missjoni/amigos.html jew il-facebook Page: Amigos



Nhar l-erbgħa 23 t’Ottubru l-aħwa Agostinjani kellhom laqgħa ta’ formazzjoni immexxija minn Dr. Nadia Delicata (delegat tal-Arċisqof għall-Evanġelizzazzjoni). F’din il-laqgħa ir-reliġjużi qasmu ma’ Dr. Nadia Delicata ideat, ħolm u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom fir-realtajiet pastorali fejn jaħdmu.

Għall-aktar informazzjoni fuq il-ħidmiet tal-Agostinjani f’Malta idħol fuq http://www.agostinjani.org/mt/min-ahna/osa-harsa-lejn.html


F’Serata li ttellgħet llum 18 ta’ Ottubru, fl-okkażjoni ta’ Jum Ħal Qormi ġiet esegwita għall-ewwel darba mużika tas-Surmast Agostinjan Qormi P. Ġużepp Spiteri Fremaud. Is-Sinfonija li kienet esegwita llejla ġiet mislufa mill-Arkivju tal-Mużika tal-Provinċja tagħna Agostinjana li jinsab il-Belt Valletta. L-arkivju mużikali tal-Provinċja jiġbor fih patrimonju imprezzabbli, li jinkludi x-xogħolijiet tal-istess Spiteri Fremaud li għex il-parti kbira tal-ħajja reliġjuża tiegħu fl-istess kunvent fil-belt Valletta. Hemmhekk għallem fil-Kulleġġ Santu Wistin proprju fl-ewwel snin tiegħu f’nofs is-seklu 19. Hemmhekk ukoll huwa fetaħ skola tal-mużika  waqt li fis-skiet tal-kunvent ikkompona xogħolijiet mill-isbaħ. Fost l-istudenti tiegħu insibu kompożituri rinomati bħal Paolino Vassallo, Antonio Nani u Ferdinando Camilleri. Huwa kien anke Maestro di Cappella kemm tal-knejjes agostinjani u anke tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ, f’Belt twelidu.

Sadanitant fis-serata tal-lejla s-Sindku  S-Sur Renald Falzon ippreżenta lill-Provinċjal tifkira ta’ ringrazzjament għall-kollaborazzjoni tal-Komunità Agostinjana biex dan ix-xogħol seta jittella’. Fuq kollox hija turija ta’ rikonoxximent lejn il-figura ta’ ħuna P. Ġużepp Spiteri Fremaud, iben dehen tal-belt Pinto u tal-Familja tagħna Agostinjana.



Nhar il-Ħamis 17 t’Ottubru, Dr. Anthony Abela Medici għamel diskors sabiħ ħafna u interressanti fuq l-esperjenza personali u professionali tiegħu waqt ħames esumerazzjonijiet tal-ġsem ta’ l-ewwel qaddis Malti Dun Gorg Preca ddikjarat mill-Knisja. Kien hemm diversi persuni li pparteċipaw għal dan il-mument.


Nhar il-Ġimgħa, 11 t’Ottubru 2019, sar il-ftuħ tas-Sena Akkademika 2019-2020 tal-Istitut Agostinjan. Il-WR Provinċjal P. Leslie Gatt OSA mexxa konċelebrazzjoni Ewkaristika flimkien mal-Professur P. Salvinu Caruana OSA, Direttur, P. Pierre Desira OSA, Ass. Dir., P. Joe Borg OSA, u P. Mario Attard ofm cap. Fost għadd sabih ta’ partiċipanti għall-korsijiet ta’ din is-sena, madwar 40, hemm ukoll is-Sindtku tal-località tal-Pjetà is-Sur Keith Tanti. Din is-sena akkademika sejra tkun sensiela ta’ lezzjonijiet dwar l-Istqarrijiet ta’ S. Wistin mogħtija minn għadd ta’ għalliema universitarji. L-Annual St Augustine Lecture sejjer jinżamm nhar il-Erbgħa, 27 ta’ Novembru 2019 ġewwa l-Università ta’ Malta fis-7pm. Is-suġġett li dwaru sejjer jitħadded il-Professur Martijn Boven tal-Università ta’ Groningen fl-Olanda, ser ikun The Splintered Mind: Augustine’s ingenious response to the problem of Time.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.