Nhar il-Ġimgħa 6 t' April P. Rikkardu Attard iċċelebra 60 sena mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu permezz ta' Ċelebrazzjoni Ewkaristika fil-Knisja San Nikola minn Tolentino Ħal Tarxien. Il-Mulej ikompli jbierek lil dan ħuna u jagħtih is-saħħa u l-qawwa fil-ministeru tiegħu.

 

 

Ritratti: Francis Darmanin MBA MIAP MIMIS MIM BA Hons. Photography

 



Ilbieraħ, 4 ta’ April 2018 fetaħ uffiċjalment il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-patrijiet Agostinjani ta’ Malta. Fil-lejla ta' qabel, kien hemm Velja ta' talb għal dan il-għan. Il-Kapitlu huwa laqgħa ġenerali li fiha r-reliġjużi jinġabru biex jiċċelebraw u jevalwaw il-ħajja tagħhom, waqt li jippjanaw il-programm tagħhom għall-erba’ snin li ġejjin. L-agostinjani jagħtu s-servizz tagħhom lill-Knisja u lis-soċjeta f’diversi oqsma, f’Malta u lilhinn minn xtutna.

Fiċ-Ċelebrazzjoni tal-ftuħ tal-Kapitlu l-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan, P. Alejandro Moral Anton O.S.A. ta l-mandat lill-Pirjol Provinċjali ġdid P. Leslie Gatt O.S.A. li kien elett aktar kmieni din is-sena. F’sessjoni tal-Ħamis filgħodu 5 ta' April 2018 kien elett ukoll il-Kunsill tal-Provinċja magħmul minn, P. Mario Abela O.S.A., P. Alex Cauchi O.S.A., P. Paul Formosa O.S.A. u P. Franco Grech O.S.A.

Patri Terence Spiteri O.S.A. kien imbagħad elett Segretarju Provinċjali waqt li Patri Pierre Desira O.S.A. kien elett Ekonomu Provinċjali.

Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed jinżamm fil-Kunvent ta’ San Mark ir-Rabat ikompli permezz ta’ diskussjonijiet fil-ġranet li ġejjin.

Il-Patrijiet jerġgħu imbagħad jinġabru f’assemblea Ġenerali għal ġimgħa ta’ ħidma fl-aħħar ġranet ta’ April.

 

 

(Ritratt 1: Fr Raphael Abdilla OSA

Ritratti 2 - 8 : Fr Terence Spiteri OSA)

 

 

 

 


It-Tnejn 18 ta’ Diċembru 2017, il-Provinċjal P. Raymond Francalanza osa, f’isem il-Provinċja kollha pprezenta s-somma ta’ Euro10,000 lil ALS Malta. Din kienet is-somma li ġbarna mill-komunitajiet tagħna kollha fis-sena ta’ Bi-Ċentinarju li temmejna f’Settembru li għadda.  Mr Bjorn Formosa li tiegħu kienet il-ħolma biex Malta jkollna dan is-servizz għal dawn il-persuni, laqa’ s-somma f’isem l-ALS Malta u appreza bil-qalb il-ġest tagħna lkoll u deher kemm kien emozzjonat. Dawn huma ġesti sbieħ, u l-Mulej żgur jappreza dak li għamilna. Kaipkada.lt SEO paslaugos - reklama internete

 

 

 


Nhar it-Tlieta, 2 ta’ Jannar 2018, ġie magħżul is-66 Provinċjal tal-Provinċja Agostinjana Maltija wara li matul dawn l-aħħar tliet xhur, ir-reliġjużi agostinjani maltin, filwaqt li qiegħdin jipreparaw għall-Kapitlu Provinċjali Ordinarju tal-Provinċja, waqt din l-istess preparazjoni saru żewġ votazzjonijiet biex jinħatar il-provinċjal il-ġdid. Dan ix-xogħol isir kull erba’ snin. Bħalissa, diversi laqgħat qiegħdin isiru bi tħejjija għal dan il-Kapitlu importanti fil-ħajja tagħna r-reliġjużi agostinjani f’Malta.

Patri Leslie jieħu l-inkarigu ta' din il-missjoni l-ġdida fil-Kapitlu tal-Provinċja ta' Malta li ser jibda fl-4 ta’ April li ġej. Dakinhar huwa jissuċċedi lill-Provinċjal preżenti, Patri Raymond Francalanza li bi mħabba u b’dedikazzjoni kbira qeda fis-snin li għaddew.

Patri Leslie twieled fl-1978 u tgħammed fil-Parroċċa ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta. Fis-sena 2000 beda s-sena tan-Novizzjat fl-Ordni ta’ Santu Wistin fl-Italja u sena wara għamel l-ewwel professjoni fl-Ordni Agostinjan. Fis-sena 2005 kien ordnat saċerdot fil-Konkatidral ta’ San Ġwann mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca. Studja l-lingwa Maltija, il-Filosofija u t-Teologija fl-Università ta’ Malta u wara kompla l-istudju ta’ speċjaliżżazzjoni tiegħu fil-pastorali maż-żgħażagħ u l-kateketika fl-Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma.

Lura Malta, P. Leslie ħadem fil-Komunità tar-Rabat, fil-formazzjoni u l-ħidma maż-żgħażagħ u fil-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pieta u l-Marsa, fejn għadu jaħdem sal-lum bħala Rettur tal-Kulleġġ. Il-Mulej ibierek lil P. Leslie f'din il-missjoni ġdida li l-Provinċja qiegħda tpoġġi f’idejh. Nitolbu lil Alla għalih u kif ukoll għall-Provinċja Agostinjana Maltija f’dan il-mument għażiż ta’ mixja l-quddiem għall-qadi ta’ dawk kollha li magħhom naqsmu ħajjitna.

Aħna r-reliġjużi agostinjani maltin nirringrazzjaw lil Patri Raymond Francalanza tas-servizz li ta mill-qalb lill-Provinċja Agostinjana u lill-Knisja f'Malta.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.