Is-Sibt 23 ta’ April 2022, fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat saret l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Orgni, proġett li l-Komunita Agostinjana flimkien mal-Augustinian Cloister Foundation kienu ilhom jadmu fuqu għal diversi snin. Dan il-Proġett seta jsir grazzi għas-sapport finanzjarju ta’ Dr Gilles u Mrs Claudine Gutierrez. Għaċ-ċerimonja kienet preżenti ukoll l-E.T. l-ambaxxatriċi ta’ Franza għal Malta s-Sinjura Agnès von der Mühll.

L-Orgni fil-Knisja ta’ San Mark kien ġie nstallat fl-1959 mid-ditta rinomata V. Mascione. Bil-ħidma ta’ Mro. P. Albert Borg O.S.A., l-istess ditta kienet installat orgnijiet anke fil-Knisja Agostinjani ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex, kif ukoll fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann. L-intervent riċenti li sar mir-restawratur is-Sur Robert Buhagiar, u li ħa madwar disa’ xhur, kien wieħed ta’ restawr estensiv li prattikament wassal biex iżżarma f’partijiet u wara l-interventi meħtieġa reġa ntrama biċċa biċċa.

Barra preżentazzjoni tax-xogħol mir-restawratur u interventi oħra qosra, s-serata inkludiet diversi biċċiet ta’ mużika fuq l-orgni mil-organista residenti Dr Chris Role, l-Organista Claire Baluci, il-Mużiċisti Mr Nicholas Busuttil u Ms Leanne Borg u l-vuċijiet sbieħ ta’ Ms Jacqueline Micallef Grimaud, Ms Nicole Weaving-Baluci and Ms Imelda Micallef Lowell. Is-serata ntemmet b’riċeviment fil-Kunvent.



Bejn it-18 u t-22 ta’ April, l-aħwa Agostinjani iltaqgħu f’The Santa Rita Priory għaċ-ċelebrazzjoni tat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li qed tkun preseduta mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, P. Alejandro Moral Anton O.S.A..

Din it-tieni parti fetħet biċ-ċelebrazzjoni tal-ewkaristija preseduta mill-istess Pirjol Ġenerali b’sufraġju għall-aħwa mejtin tal-Provinċja, partikolarment dawk li ħallewna matul l-erba’ snin li għaddew, li kienu P. Feliċ Buttiġieġ, P. Joe Farrugia, P. Rikkardu Attard, Il-Kardinal Prospero Grech u P. Saver Mifsud. 

Fl-ewwel sessjoni imbagħad il-Pirjol Provinċjali ippreżenta Programm Viżjoni billi elenka tliet prijoritajiet għall-evalwazzjoni u d-diskussjoni tal-aħwa f’dan il-kapitlu u fl-erba’ snin li ġejjin: 1) Il-Komunjoni bħala impenn kontinwu għall-aħwa u xhieda tant meħtieġa għall-Knisja; 2) Il-Vokazzjoni bħala don imprezzabbli għal kull wieħed u proposta li għandha ssir lil dawk li qed ifittxu; u 3) Il-ħarsa indispensabbli lejn ir-Realtà tal-Provinċja llum bl-isfida ta’ valutazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-enerġiji li huwa meħtieġ li ssir mingħajr ma tmewwet is-sabiħ tal-opportunitajiet ta’ evanġelizazzjoni li l-Provinċja għandha.

Matul dawn il-jiem ikomplu d-diskussjonijiet fuq dawn il-prijoritajiet u proposti oħra li tressqu għax-xogħol fil-gruppi u d-diskussjoni tal-Assemblea. Il-Ġimgħa filgħodu imbagħad isiru l-votazzjonijiet tad-deċiżjonijiet li jiġu proposti.

Il-Kapitlu Provinjali Ordinarju jagħlaq bil-qari u l-approvazzjoni tal-Atti u ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa li ser issir fil-Knisja Agostinjana tal-Omm tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville nhar il-Ġimgħa 22 ta’ April 2022 fis-6.45pm. Il-quddiesa tal-għeluq hija miftuħa għal dawk kollha li jixtiequ jingħaqdu mal-aħwa Agostinjani, partikolarment dawk li jikkollaboraw fil-ħidmiet diversi tagħhom. Wara l-quddiesa jkun hemm bibita żgħira fuq iz-zuntier tal-Kunvent. (Min hu interessat jista’ jipparkja bla ħlas fil-Merkanti Car Park tal-Westin Dragonara).


Inħallu lil Kristu Jgħaġġibna

Wara sentejn ta’ restrizzjonijiet li ċaħħduna miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-knejjes tagħna, għal darba oħra qed nerġgħu niċċelebraw flimkien bħala komunità ta’ fidi l-Misteru tal-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesu Kristu. Għalkemm xorta ma nistgħux ngħidu li aħna ħielsa mill-ħsieb tal-pandemija jew minn kull limitazzjoni fuq il-ġesti li jqarrbuna lejn xulxin, għandna quddiemna opportunità biex naqsmu l-ferħ u t-tama tal-Għid il-Kbir b’aktar qawwa. Fl-aħħar mill-aħħar bħala nsara nafu li huwa hawn li nsibu s-sens veru tal-ħajja tagħna!

Ftit ġranet ilu kellna l-grazzja li nilqgħu fostna l-Papa Franġisku. Fil-preżenza tiegħu minna nfisha rajna trasmissjoni kontienwa ta’ tama nisranija. Kellu l-mumenti meta deher limitat fiżikament, u diversi drabi deher anke għajjien, imma l-preżenza u t-tbissima tiegħu xorta trasmettew ferħ, tama, u disponbilità għall-missjoni li Alla qed jitlob minnu. Huma kwalitajiet li jitilqu minn esperjenza qawwija ta’ fidi li ssib il-qofol tagħha fil-profondità tal-Evanġelju.

Fir-riflessjoni tiegħu quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu (2 ta’ April 2022), il-Papa tkellem fuq ‘is-siegħa tal-mewt ta’ Ġesù imma tkellem ukoll fuq l-ewwel dixxipli li ‘meta raw il-qabar vojt, bla telf ta’ żmien, b’qalbhom tħabbat sitta sitta, marru jiġru biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Qawmien.’ F’dan il-mument, fi kliem il-Papa ‘Il-biki tan-niket ħdejn is-salib inbidel fil-ferħ tat-tħabbira’. L-istess Papa jfakkarna wkoll ‘fl-Appostli, li dwarhom hemm miktub: “U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija” (Atti 5:42)… It-tħassib li kien iċaqlaqhom kien kif se jxandru u jagħtu xhieda tal-Evanġelju ta’ Kristu (ara Rum 1:1).’

Bl-ispirtu ta’ dawn l-ewwel dixxipli, u bix-xbieha friska tal-Papa Franġsiku - kultant għajjien imma determinat - jagħti xhieda ta’ Kristu fit-toroq tagħna, nixtieq nawgura lil kull wieħedu waħda  minna ċelebrazzjonijiet qaddisa. Jalla ngħixu b’intensità din l-esperjenza qawwija tal-waqfa taħt is-salib li tħares b’tama lejn il-qawmien, biex imbagħad iċ-ċelebrazzjoni tal-qawmien timlina b’entużjażmu ġdid u ddawwalna fl-isfidi tal-ħajja. Din hi l-veru attitudni nisranija li għandu jkollna! Ejjew ma niddejqux “Inħalluh jgħaġġibna.” U “Nilqgħu bil-ferħ l-aħbar ġdida tiegħu.” (Għeluq tal-Omelija tal-Papa Franġisku fuq il-fosos tal-Floriana, 3 ta’ April 2022)

Minn qalbi nawguralkom li lkoll kemm aħna ngħixu b’dan l-ispirtu l-mixja tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Għalina l-aħwa Agostinjani il-jiem li ġejjin ser iġibu anke ċ-ċelebrazzjoni tat-tieni parti tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 propju fl-Ottava tal-Għid. Inħeġġiġkom tiftakru fina u takkumpanjawna bit-talb tagħkom.

Sadanittant f’isem l-aħwa Agostinjani, nawgura lilkom u lill-familji tagħkom, Għid qaddis.

fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


L-aħwa Agostinjani Maltin jixtiequ jistednuk għall-quddiesa tal-għeluq tal-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2022 li ser tkun preseduta mil-Pirjol Ġenerali tal-Ordni, P. Alejandro Moral Anton fil-Knisja tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb f’Paceville nhar il-Ġimgħa, 22 ta’ April fis-6.45pm. Wara jkun hemm bibita fuq iz-zuntier tal-Kunvent. Dawk li jiġu bit-trasport privat jistgħu jipparkjaw bla ħlas fil-Merkanti Carpark tal-Westin Dragonara resort.

Il-Kapitlu Provinċjali huwa mument li l-aħwa Agostinjani jiċċelebraw kull erba’ snin u joffri okkażjoni biex flimkien jevalwaw ir-realta tal-ħajja u l-ħidma tagħhom u jippjanaw għal li ġej. Din il-parti tal-Kapitlu qed tkun immexxija mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni li ġie Malta għal dan il-mument.

Dawk kollha li jikkollaboraw mal-ħidma jew jiffrekwentaw realtajiet li fihom jaħdmu l-aħwa Agostinjani huma mħeġġa biex jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ nhar il-Ġimgħa. Sadanittant nitolbukom iżżommu l-aħwa Agostinjani miġburin fil-Kapitlu Provinċjali fit-talb tagħkom.


Nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu, l-aħwa agostinjani ltaqgħu fid-Dar tal-Irtiri Mount Saint Joseph, Mosta għal mument ta’ talb u riflessjoni fi żmien ir-Randan. Il-laqgħa bdiet b’mument ta’ talb u wara Fr. Martin Micallef Ofm Cap qasam mal-aħwa xi riflessjonijiet bibbliċi fuq il-figura ta’ Ġuda u t-tentazzjonijiet li jeżistu fil-ħajja llum.

Wara ftit mument ta’ riflessjoni personali, l-aħwa Agostinjani inġabru mill-ġdid għal mument ta’ adorazzjoni quddiem Ġesù Sagramentat.

Spiċċajna dan in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu billi kilna flimkien.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.