Il-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani xtaqet li f’Malta titwaqqaf Fraternita’ Agostinjana Sekulari (FAS). Għalhekk waqfet kummissjoni ad hoc biex tistħarreġ din il-possibilta;’ taħdem fuq statut u tħejji programm ta’ formazzjoni għal dawk il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti minn din il-Fraternita’.

Il -Fraternitajiet Agostinjana Sekulari fl-Ordni Agostinjan huma magħmula minn insara kattoliċi, rġiel u nisa li jinsabu fid-dinja u fil-qalba tal-Knisja. “Qalb waħda u ruħ waħda f’Alla”, huma jgħixu l-vokazzjoni tagħhom tal-magħmudija flimkien, impenjati li jaqsmu s-sejħa nisranija għall-qdusija mill-perspettiva Agostinjana, magħqudin b’rabta speċjali mal-Ordni Agostinjan.

L-Ordni ta’ Santu Wistin sa minn kmieni rawwem fi ħdanu numru ta’ lajċi, li filwaqt li jibqgħu jgħixu l-ħajja tagħhom fid-dinja, jissieħbu, bħala parti integrali, fil-għan u l-missjoni tal-Ordni billi jixorbu mill-istess għajn ta’ spiritwalità imsejsa fuq il-prinċipji dejjiema tar-Regola ta’ S. Wistin u tat-tradizzjoni sekulari tal-Ordni, f’sehem mill-kariżma għas-servizz tal-Knisja.

L-għan prinċipali tal-Fraternitajiet huwa li l-aħwa jkunu jafu u jgħixu s-sagrament tal-magħmudija fid-dinja mill-perspettiva tal-Ispiritwalità u t-tradizzjoni Agostinjana. L-aħwa jiltaqgħu biex jaqsmu bejniethom il-fidi u l-ħbiberija. Il-fidi hija d-don kbir li tana Alla, il-ħbiberija hija l-iktar ħaġa prezzjuża li tista’ tingħata lil xulxin.

Ill-Fraternita’ Agostinjana Sekulari titwaqqaf uffiċjalment b’digriet mill-Pirjol Ġenerali tal-Ordni Agostinjan. B’hekk il-membri tal-Fraternita’ isiru parti integrali mill-Familja Agostinjana bħala Terzjarji Agostinjani jew bħala Lajċi Agostinjani.

Għal grazzja ta’ Alla kien hemm għaxar persuni li kienu nteressati li jkunu membri f’din il-Fraternita’, fosthom tliet koppji miżżewġin. Għalhekk nhar it-Tnejn, 19 ta’ Ottubru 2020, lejliet it-tifkira tal-Martri Santa Madalena ta’ Nagasaki, Terzjarja Agostinjana, saret l-ewwel laqgħa għal dawn il-lajċi. Minħabba l-prekawzjonijiet tal-pandemija tal-Covid-19, ġie deċiż li l-laqgħa ssir online. Fil-laqgħa kienu preżenti l-Provinċjal, Fr. Leslie Gatt u l-Assistent Reliġjuż tal-Kummissjoni Provinċjali tal-Lajċi Agostinjani, Fr. Franco Grech. Waqt din l-ewwel laqgħa, il-Provinċjal tkellem dwar ir-rwol tal-lajċi fil-Knisja.  Il-Provinċjal tkellem ukoll li din il-Fraternita’ Agostinjana Sekulari ser tkun fuq livell Provinċjali u bl-ebda assoċjazzjoni ma’ xi komunita’ lokali waħda ta’ reliġjużi agostinjani. Is-sede tagħha ser ikun il-kunvent ta’ Santa Rita f’San Ġiljan.

Il-lajċi li huma nteressati li jkunu parti mill-Fraternita’ ser ikomplu jiltaqgħu kull xahar biex jikbru iktar flimkien fi Fraternita’, fil-fidi tagħhom u fl-ispiritwalita’ Agostinjana.

 



Nhar il-Ħamis, 24 ta’ Settembru 2020, iltaqgħu l-Patrijiet Agostinjani fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, il-Belt Valletta. Huma kellhom laqgħa ta’ talb bħala parti mill-Evalwazzjoni u t-tiġdid li bħalissa l-provinċja qegħda tagħmel wara sentejn mill-Kapitlu Provinċjali Ordinarju 2018.

Il-laqgħa kienet immexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi, li barra li talab mal-patrijiet, għaddielhom messaġġ ta’ tama u kuraġġ, biex mnebbħa mill-Mulej, l-Għalliem Interjuri, jagħmlu mill-isfidi, opportunità ta’ tiġdid. “Ejjew inkunu konvinti li Alla jrid il-ġid, Alla jagħti t-tama, li l-ġejjjieni mhux f'idejna imma Alla jaf dak li qed jagħmel magħna,” hekk qal l-Isqof Mons. Joe Galea Curmi.

Fl-aħħar ta’ dan il-mument il-Provinċjal P. Leslie Gatt osa qara messaġġ mibgħut mill-Assistent Ġenerali P. Luis Marin de San Martin osa bħala parti mir-riflesjsoni li l-provinċja qegħda tagħmel f'dan iż-żmien partikolari. 

 


Il-festa ta’ Santu Wistin din is-sena ser inkunu qed niċċelebrawha wkoll f’dawn iċ-ċirkustanzi li huma ferm differenti mis-soltu. Il-jum li jimmarka d-daħla fis-sema ta’ Missierna Santu Wistin ser niċċelebrawh limitati mill-miżuri proposti biex nieħdu ħsieb xulxin f’dan iż-żmien ta’ pandemija. Jekk ħafna affarijiet jistgħu b’xi mod jiġu limitati, żgur li l-imħabba u l-grazzja t’Alla, li minnhom Santu Wistin għamel don, jibqgħu bla limitu! Forsi għal darb’oħra, hija opportunità biex immorru lil hinn minn dak li ħafna drabi jista’ jsir rutina ta’ attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet ’il barra minna, u nidħlu fil-fond ta’ dak li mument bħal dan jista’ jipproponilna għalina nfusna.

Hija forsi stedina biex nidħlu aktar fil-fond tal-qalb tagħna u hemm fil-ġewwieni tagħna nsibu verament min aħna kif jirrifletti l-istess Santu Wistin fl-Istqarrijiet tiegħu: “Qalbi hija l-post fejn jien dak li jien.” (Stqarr. X, 3,4) U allura tiġi l-istedina: “Erġa’ lura f’qalbek u hemm ara x’int taħseb fuq Alla. Għax hemmhekk hemm ix-xbieha ta’ Alla. Kristu jgħix ġewwa fik u ġewwa fik int qiegħed tiġġedded skont ix-xbieha ta’ Alla. Agħraf lill-awtur mix-xbieha nnifisha.” (Trat. Ev. Ġw. 18,10) Din hija stedina mill-isbaħ li nħoss li għandi nipproponi f’dan il-mument bi stedina biex b’din l-attitudni nfittxu li nagħmlu minn dan iż-żmien opportunità ta’ tiġdid li jibda minn kull wieħed minna. Kemm hu sabiħ li kull wieħed minna jsib ħin għalih u fis-skiet iħaffer biex isib lil Alla li jgħammar fih fil-verità u s-sinċerità. Din hija stedina biex nagħraf is-sabiħ kollu li hemm ġo fija, imma anke sfida biex naċċetta d-dgħufijiet tiegħi u nagħmel minnhom opportunità biex niltaqa’ ma’ Ġesù u nħallih jaħdem fija.

F’sens aktar wiesgħa dan ma nistax nagħmlu waħdi imma fi spirtu ta’ komunjoni mal-oħrajn kollha li l-Mulej b’mod jew ieħor ilaqqagħni magħhom kemm fiċ-ċirku ta’ madwari u anke lil hinn. Fi żmien meta d-distanza fiżika hija sfida, l-istedina hija biex nirrifletti fuq komunjoni spiritwali li tmur anke lil hinn minn kull spazju. Nitkellem minn komunjoni li mhix ridotta għall-fatt li ngħixu taħt l-istess saqaf, jew minn għażliet li llum fil-ħajja ġabuna flimkien - anke jekk dan huwa għalina valur kbir -  imma hija komunjoni li tibda mill-ispirtu tal-verità li jistedinni ninfetaħ għall-oħrajn waqt li nara fihom ix-xbieha ta’ Alla. Dan nista’ nagħmlu biss jekk ir-relazzjoni tiegħi mal-oħrajn nibniha fuq esperjenza spiritwali awtentika u disponibbiltà serena għal dak li Alla jrid minni fil-ħajja. Din kienet l-esperjenza ta’ Missierna Santu Wistin meta baqa’ jfittex lil Alla waqt li adatta x-xewqat tiegħu għal dak li Alla talab minnu fil-mument partikolari.

Nawgura ħafna li dan iż-żmien ikompli jgħinna nagħmlu mixja ta’ tiġdid flimkien bħala persuni, bħala ċittadini, bħala mgħammdin, bħala kkonsagrati, bħala familji, bħala Knisja... Fuq kollox inkomplu nikbru fir-rispett reċipriku, fis-sensittività lejn xulxin, fl-attenzjoni għall-bżonnijiet tal-oħrajn u fl-impenn lejn il-missjoni li kull wieħed minna hu msejjaħ biex jgħix f’sens ta’ għotja totali tiegħu nnifsu. Santu Wistin ikun magħna u jispirana f’din il-mixja.

Fr. Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


Il-preżenza tar-Reliġjużi Agostinjani f’Malta tmur lura aktar minn sitt mitt sena. Għal ħafna snin il-patrijiet għexu u ħadmu fil-kunventi tar-Rabat ta’ Malta, tal-Belt Valletta u tal-Belt Victoria f’Għawdex fejn stabbilixxew tliet komunitajiet. Sadanittant bħal fil-każ tar-reliġjużi l-oħra f’Malta, kienu jagħmlu parti minn provinċji oħrajn u fil-każ tal-aħwa Agostinjani kienu jagħmlu parti mill-Provinċja ta’ Sqallija.

Lejn it-tieni nofs tas-seklu tmintax kien hemm diversi tentattivi biex ir-reliġjużi Agostinjani f’Malta ma jibqgħux jiddependu minn Sqallija. Fl-1801 il-Kummissarju Ingliż bagħat avviż lill-isqof lokali u lill-Ordnijiet Reliġjużi li kien jgħid li l-Kuruna Ingliża ma tirrikonoxxix superjuri barranin. Dan reġa’ qajjem l-interess biex il-Patrijiet f’Malta jkollhom tmexxija awtonoma anke għaliex kien hemm il-biża’ li f’dan il-kuntest l-osservanza reliġjuża titpoġġa f’riskju. Ftit tas-snin wara fil-fatt saret talba lill-Papa Piju VII biex jaċċetta li t-tliet kunventi Maltin isiru Provinċja awtonoma.

Kien propju b’digriet tal-14 ta’ Settembru 1817, li Fra Septimus Rotelli, Vigarju Ġenerali tal-Ordni, waqqaf il-Provinċja Agostinjana Maltija bit-titlu ta’ Provinċja ta’ San Mark.

 

 

Tul is-snin, il-ħidma tal-aħwa Maltin ma qatgħet xejn, kemm f’Malta kif ukoll lil hinn minn xtutna fl-artijiet tal-missjoni. Illum l-Agostinjani Maltin għandhom sitt Komunitajiet Reliġjużi: dik ta’ San Mark ir-Rabat Malta; ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria (Għawdex); tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta: tal-Madonna tal-Bon Kunsill f’Paceville, ta’ San Nikola minn Tolentino f’Ħal Tarxien u tal-Kulleġġ Santu Wistin f’Tal-Pietà. Barra l-knejjes konventwali, l-aħwa jservu wkoll il-komunità ta’ Santa Rita f’San Ġiljan, Il-komunità tal-Baħrija (limiti tar-Rabat), il-Kappella ta’ Sant Anton Abbati fil-Ġonna tal-Palazz Verdala fil-Buskett, u l-Kappella tas-Sorijiet Agostinjani ta’ Ħajja Kontemplattiva fil-Belt Valletta.

Għal aktar minn mija u sebgħin sena r-reliġjużi kienu impenjati fil-kamp edukattiv permezz tal-Kulleġġ Santu Wistin, illum b’żewġ Campuses fil-Marsa u f’Tal-Pietà. Ta’ min isemmi wkoll il-ħidma sabiħa li ssir fil-Millennium Chapel, fil-kamp tal-Pastorali tal-Kultura, fl-Istitut Agostinjan, fis-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani, fil-formazzjoni tal-lajċi u fl-akkumpanjament taż-żgħażagħ. Barra minn hekk tliet reliġjużi jaħdmu anke barra minn Malta; f’Kuba, f’Palermo u fis-servizz tal-Ordni f’Ruma.

Il-Familja Agostinjana flimkien mal-lajċi kollha li b’mod jew ieħor huma qrib tal-ħidma tagħha, trodd ħajr lill-Mulej għal dan kollu!


Nhar il-Ħamis, 27 u l-Ġimgħa 28 ta’ Awwissu niċċelebraw il-festi ta’ Santa Monika u ta’ Santu Wistin. F’din l-okkażjoni l-membri tal-Kummissjoni Lajċi Agostinjani jixtiequ jibagħtu l-awguri tagħhom lil-lajċi kollha midħla tagħna l-Agostinjani. Qegħdin ngħixu żminijiet diffiċli... ta’ inċertezza għal kulħadd, u ta’ biża’ u tbatija għal xi wħud iktar minn oħrajn. 

Santu Wistin jgħidilna: “In-nies jgħidu: ‘għaddejjin minn żminijiet ħżiena, minn żminijiet diffiċli’. Imma ħa ngħixu sewwa u ż-żminijiet ikunu tajbin. Aħna ż-żmien: skont kif aħna, hekk ikunu żminijietna.” 

Anke f’dawn iż-żminijiet irridu naraw x’nistgħu nagħmlu biex ngħixu sewwa billi nieħdu ħsieb xulxin, inħarsu d-direttivi tas-saħħa pubblika, nuru solidarjetà bejnietna, ngħożżu dak kollu li hu għażiż għalina u fuq kollox nafdaw fil-ħniena ta’ Alla.

Minkejja r-restrizzjonijiet, aħna l-membri tal-Kummissjoni ser nagħmlu ħilitna biex b’mezzi alternattivi, bħall-midja soċjali, inżommu kuntatt magħkom ħalli nkomplu nkunu parti minn familja waħda – il-familja Agostinjana.

 


© 2020 agostinjani.org. All Rights Reserved.